Wednesday, 26 June 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SITT HADD TAL-GHID (2019) RELIGJOZITĄ U FIDI
IS-SITT HADD TAL-GHID (2019) RELIGJOZITĄ U FIDI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 25 May 2019

Din hija il- Liturgija tas-Sitt Hadd tal-Ghid ( 2019 )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 apostle-preaching-760x581.jpg

 

Waħda mis-siltiet klassiċi li nsibu fl-Evanġelji hija dik li tiddiskrivi l-laqgħa bejn Kristu u Nikodemu bil-lejl.  Nikodemu kien magħruf bħala bniedem tajjeb u ġust, iżda Kristu jgħidlu li jekk irid jidħol fis-Saltna ta’ Alla jrid jitwieled mill-ġdid!  Dan ħasad lil Nikodemu u jaħsad lilna wkoll.  Għaliex kien hekk iebes il-Mulej ma’ bniedem ta’ intenzjoni tajba li kien qed jagħmel l-almu tiegħu biex jobdi l-Liġi ta’ Alla? 

 

Din il-Kelma, Kristu kien jgħidha l-ħin kollu lid-dixxipli tiegħu ukoll taħt suriet oħra.  Hija l-Kelma li kienet moħbija wara r-reazzjoni ta’ Kristu meta Pietru fl-aħħar ċena qallu li lest li jmut għalih.  “Inti tagħti ħajtek għalija?  Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tlett darbiet!”  (Ġw. 13, 38).  Pietru wkoll kellu intenzjoni tajba imma kien għad kellu l-bżonn jgħaddi mill-esperjenza stupenda ta’ twelid ġdid.

 

Il-problema hawn hija li hemm differenza bejn reliġjożità u Fidi.  Wieħed jista’ jkun reliġjuż kemm tridu u jaħseb li hu tajjeb, u n-nies jgħadduh ta’ bniedem ġust, imma ma jkollux il-Fidi Nisranija.  Ir-reliġjożità, li hi parti min-natura tal-bniedem, tistrieħ ħafna fuq dak li jagħmel il-bniedem, fuq il-Liġi li jsawwar, fuq it-tjieba morali tiegħu.  Dawn huma kollha kwalitajiet tajbin, u anke jagħmlu parti mill-ħajja Nisranija,  imma jista’ jkollok dan kollu bla ma jkollok il-Fidi.  Int tista’ tinġibed lejn ir-reliġjon minħabba l-karattru tiegħek, il-manjieri tiegħek, anke l-ambjent jew l-Istorja tiegħek.  Dawn kollha huma affarijiet ġejjin mill-bnedmin, imma l-Fidi dejjem hi rigal ta’ Alla. 

 

Waqt li r-reliġjożità hi xi ħaġa umana, naturali, ġejja mill-bniedem, u għandha lill-bniedem fiċ-ċentru: kemm hu kapaċi jitħabat hu, jistinka hu, jisforza hu, jobdi hu... il-Fidi hi sopranaturali u l-bniedem jista’ biss jirċeviha u mhux jivvintaha jew jaħdimha hu.  Fil-Fidi, mhux il-bniedem li hu fiċ-ċentru imma Alla, u fil-kas tan-Nisrani, hu Kristu.  Ir-reliġjożità tiffoka fuq il-merti tal-bniedem, waqt li l-Fidi tipproklama li l-merti tal-bniedem huma dejjem mejta, għax in-natura tiegħu hi feruta għall-mewt minħabba l-kundizzjonament tad-dnub oriġinali. 

 

Il-Fidi Nisranija tagħmel lill-bniedem jemmen biss fil-merti ta’ Kristu, speċjalment fil-merti li Kristu rebaħ għalih permezz tal-Misteru tal-Għid tiegħU: il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Mewt tiegħU.  In-Nisrani ma jilbisx il-libsa tal-merti tiegħu imma jilbes il-merti ta’ Kristu u huma dawn li jsalvawh.  Waqt li r-reliġjożità tippriedka l-ereżija li l-bniedem irid jistinka hu biex isalva lilu nnifsu, il-Fidi Nisranija tħabbar li huwa salv dak li jemmen fi Kristu u fil-merti li Hu rebaħ għalih fuq is-Salib u bir-rebħa tiegħu fuq il-Mewt.  Għall-bniedem reliġjuż, is-sigurtà tiegħu hi fit-tajjeb li jagħmel hu u fil-“very-goods” li jista’ jaqla’ hu, waqt li għan-Nisrani it-Tama hi kollha kemm hi ffokata fuq l-Offerta ta’ Kristu għalih, fuq il-valur tal-pjagi li Kristu l-ħin kollu qed juri lill-Missier b’risq l-umanità.

 

Għal ħafna dan jidher taħbil il-moħħ żejjed, u anke fil-Knisja wieħed jista’ jinnota li hemm taħlita sħiħa bejn dawn iż-żewġ temi.  Hu tqil tinduna fejn tispiċċa r-reliġjożità u tibda l-Fidi matura u adulta fi Kristu Salvatur Waħdieni tal-bniedem.  Il-bniedem minn dejjem kien reliġjuż, anke llum meta ħafna jgħidu li ma jagħtux kas tar-reliġjon, imma bla ma jafu huma jfittxu l-“alla” tagħhom fil-bluhat li toffri d-dinja, għax mingħajr xi “alla” l-bniedem ma jgħaddix. 

 

Kull soċjeta, kull kultura, il-bniedem ta’ kull żmien fettex li jsib il-milja tiegħu fl-iskoperta ta’ Alla, min b’mod u min b’ieħor.  Imma l-verità hi li Alla nnifsu niżel ifittex lill-bniedem fi Kristu Ġesù.  Hu fi Kristu li l-bniedem ġie salvat.  Għaliex?  Għax kien hemm prezz għoli wisq x’jitħallas u l-bniedem qatt ma seta’ jħallsu.  Kien hemm bżonn li tinbidel il-qalb u l-bniedem qatt ma seta jibdilha.  Kien hemm bżonn li l-bniedem jirbaħ il-mewt, il-monstru ta’ ħajtu, u din il-ħaġa kienet impossibli għalih.  Għax il-problema tal-bniedem ma kinitx waħda morali biss imma fuq kollox waħda eżistenzjali.  In-natura tiegħu tħassret fil-bidu għax daħal suspett dwar jekk Alla hux ħabibu jew ir-rival tiegħu.  Din il-ħaġa qatlet il-ħajja tal-bniedem.  Il-bniedem kien jeżisti imma kien fudnamentalment mejjet.  Dan hu aħna.  Il-bniedem jaf li s-sabiħ tal-ħajja hu meta jħobb, imma dejjem isib ħajt li lil hinn minnu ma jistax iħobb.  Ma jistax iħobb lil min jheddu, lil min jisraqlu il-ftit ħajja li għandu.  L-Imħabba hi s-soluzzjoni ta’ kollox, imma bir-rieda tajba kollha tiegħu il-bniedem ma jistax jasal għaliha għax għandu l-biża’ li jmut u fl-Imħabba trid tinagħta u terġa’ tinagħta.

 

Nikodemu bit-tjieba kollha tiegħu, ma setax iħobb lill-għadu tiegħu.  Mhux għax kien ħażin, jew kien tort tiegħu.  Mhu tort ta’ ħadd dan.  In-natura tagħna ma tiflaħx tagħmel dan.  Jekk nagħmlu Liġi mill-Imħabba nkunu qed nitradixxu lill-Imħabba għax l-Imħabba hi xi ħaġa tal-qalb u mhux ta’ bil-fors.

 

“Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  (Rum. 7, 24).  Hija l-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li tagħtina natura ġdida, konvinta li Alla hu Mħabba. Dan hu opra ta’ Alla, intervent “minn barra” ta’ Alla fil-Ħajja tagħna.  Il-Fidi fi Kristu tinżera’ fina mill-Ispirtu s-Santu u nkunu nafu li għandna din il-Fidi u ħriġna mir-reliġjożità għax inħobbu lill-għadu.  Dan mhux bil-ħila tagħna, nerġa’ ngħid, imma għax fina jibda jikber Ġesù Kristu li rebaħ il-Mewt.  Bi Kristu fina ma jibqax iktar biża’ għax l-Imħabba tkeċċi l-biża’ ’l barra.  L-IMĦABBA TKEĊĊI L-BIŻA’ ’L BARRA!  (1 Ġw. 4, 18).  Liema mħabba?  Dik ta’ Alla għalina murija lilna fi Kristu Ibnu.

 

Għalhekk, waqt li għall-bniedem il-qadim li għandu bżonn jerġa’ jtwieled, il-Liġi hi kollox għalih, għall-bniedem il-ġdid l-Imħabba hi kollox.  S. Wistin qal: “Ħobb u agħmel li trid!”  Ħafna jilagħbu bija din il-frażi!  “Tħobb” ifisser li tkun skoprejt l-Imħabba bla limiti li Alla għandu għalik, ir-rispett li Hu għandu għalik, il-fatt li int tiswa mmens saħansitra d-Demm ta’ Ibnu.  Din l-Imħabba dejjem, dejjem, dejjem tissorprendi lill-bniedem u tagħmel minnu bniedem ġdid.  Għax issa, la Alla jħobbu daqshekk, ma jibżax aktar minn x’jista’ jiġri, jew x’jistgħu jisirqulu, jew x’jgħidu fuqu.  M’għandux bżonn ikun egoista bħal qabel.  Ara kif issa dan il-bniedem imwieled mill-ġdid hu kapaċi jgħix il-Liġi, waqt li qabel meta l-Liġi kienet il-qjies ta’ kollox ma kienx ilaħħaq magħha! 

 

Dan qed ngħiduh għax fil-Knisja tal-bidu, kif se nisimgħu mill-Kelma tal-lum, qamet kontroversja dwar x’inhu dak li jgħodd hux l-intietef tal-Liġi jew il-Fidi fil-merti ta’ Kristu.  Il-Ġemgħa li skopriet l-Imħabba ta’ Alla fi Kristu saret Knisja Ħajja, Dawl fid-dlam tad-dinja.  Din il-Ġemgħa kienet l-għaqda ta’ nies li kienu reliġjużi qabel imma issa kienu nies ta’ Fidi bi Grazzja, b’rigal li ma kienx jistħoqqilhom.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tas-Sitt Ħadd tal-Għid.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  15, 1-2,  22-29.

 

 F’dak iż-żmien: Niżlu xi wħud mill-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: "Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skond id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw."  Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.

 

Mbagħad l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma' Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta' quddiem fost l-aħwa,  u bagħtu magħhom din l-ittra:

 

"L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta' Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom!  Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawwdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom.  Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien ma' l-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu,  nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta' Sidna Ġesù Kristu.  Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u 'l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa.  Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b'ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ,  jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli, mid-demm, mil-laħam ta' l-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!"

 

Salm Responsorjali.  Salm 67.

 

Ritornell:  Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta' wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

L-art tat il-frott tagħha;

iberikna Alla, Alla tagħna!

 

Iberikna Alla, u tibża' minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor!

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.  21, 10-14,  22-23.

 

L-Anġlu ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira u għolja, u wrieni l-Belt il-Qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla, bil-glorja ta' Alla fiha, tiddi bħal ħaġra mill-aktar prezzjuża, bħal ġaspru jleqq daqs il-kristall.  Għandha ħajt kbir u għoli, bi tnax-il bieb fih, u tnax-l anġlu fil-bibien li fuqhom hemm miktuba ismijiet, l-ismijiet tat-tnax-il tribù ta' wlied Iżrael.   Tlieta minn dawn il-bibien jagħtu għan-naħa tal-lvant, tlieta għan-naħa tat-tramuntana, tlieta għan-naħa tan-nofsinhar, u tlieta għan-naħa tal-punent. U l-ħajt tal-Belt għandu tnax-il pedament, li fuqhom hemm it-tnax-l isem tat-tnax-l appostlu tal-Ħaruf.

 

 Ebda tempju ma rajt fiha, għax il-Mulej hu t-tempju tagħha, Alla li jista' kollox, u l-Ħaruf.   U l-Belt ma teħtieġ la xemx u lanqas qamar biex idawwluha, għax biex iddawwalha għandha l-glorja ta' Alla, u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  Ġw. 14, 21-29.

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.  Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu m'hijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.

 

"Għedtilkom dan meta għadni magħkom.  Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f'ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.  Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża'.  Smajtu x'għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa' niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.  U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu. 

 

 
< Prev   Next >