Din
hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd tal-Ghid ( 2019 ) ( Tlugh il-Mulej fis-Sema ( Lapsi) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Żmien il-Għid u anke
l-ġranet wara li jispiċċa, joffrulna festi u solennitajiet li jitfgħu dawl u
jiċċelebraw il-Misteru tal-Mulej. Tlugħ
il-Mulej fis-Sema mhix sempliċi festa oħra.
Missirijietna kienu jsejħulha Lapsi, l-Għid ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema
li kienet tiġi ċelebrata erbgħin jum wara l-Għid il-Kbir, skont il-kronoloġija
tal-Iskrittura li tgħid li erbgħin jum wara l-Qawmien Glorjuż tiegħu, il-Mulej
Ġesù ġie meħud fis-Sema u sħaba ħbietu minn quddiem għajnejn id-dixxipli
tiegħu. Kien f’dan il-waqt, li l-aħwa
rċivew il-Wegħda li Hu għad jerġa’ jiġi, “il-Parusija”, fl-aħħar taż-żmien.
Din il-Festa hi Kelma ta’
Alla għalina llum! Hija tistedinna biex
b’ħarsitna ninfdu s-Sema bil-Fidi u niddawlu bit-Tama ta’ Ħajja oħra, ta’
Pajjiż ġdid, li hu Pajjiżna bil-wisq iktar minn din l-art, Pajjiż li qed
jistenniena bil-ħerqa biex jagħmlilna Festa liema bħalha meta nidħlu fih. Hi Festa kbira din, għax għandha sens
kateketiku qawwi. Il-materjaliżmu,
l-ekonomija li tjassarna, u li lanqas ma ħallietna niċċelebraw iktar din
il-Festa fil-jum propju tagħha imma fl-eqreb Ħadd biex ma nitgħażżnux
mix-xogħol u ma nitilfux il-qligħ, din il-Festa qegħda xxandar, (forsi hija
għajta fid-deżert, ma nafx), li mhux din il-ħajja biss teżisti; mhux din
il-ħajja miżżewġa lill-mewt biss teżisti; mhux din l-art, fejn kollox qed imut
il-ħin kollu madwarna, fejn xejn mhu eterna, sigur, biss teżisti. Din il-Festa tipproklama li hemm Pajjiż
ieħor, misterjuż u moħbi minn għajnejna kemm tridu, imma Pajjiż ieħor, hemm
Ħajja oħra, hemm etrnità fejn il-Mewt hi biss ġrajja li ġrat, bieb li nfetaħ
biex stajna nidħlu f’Pajjiżna tas-Sema.
Dan faċli jitqies bħala
“wishful thinking” minn tant nies xettiċi li rrassenjaw ruħhom li l-ħolqien
kollu jinsab f’ġirja miġnuna lejn il-mewt.
X’reklam sabiħ hu dan hux għall-Ħallieq!
Ħalaq kollox biex imut, jgħib, jispiċċa, jsir trab! Alla tal-Mewt u tal-Mejtin. Alla tad-Dlam u mhux tad-Dawl. Alla tal-kaos u mhux tal-ordni. Mhu veru xejn! Din hi l-mentalità materjalista tal-lum. Alla hu Alla tal-Ħajjin għax hu Mħabba. L-Imħabba ma setgħet qatt toħloq il-Mewt. l-Imħabba hi Dawl u mhux Dlam. L-Imħabba mhix kaos, ma tħobbx it-taħwid,
tobgħod il-qerda.
Imma għandna bżonn Fidi soda
mnissla fina mill-Ispirtu s-Santu biex nitqabdu t-taqbida kontra dak kollu li
naraw jiġri madwarna, għax sikwit aħna mdawrin bil-katekeżi eżistenzjali ħafna
tal-Mewt. L-Appostli bħalna kienu: nies
xi ftit reliġjużi li f’qablhom kienu jgħidu: “min jaf, forsi hemm Ħajja
oħra...” Din mhix Fidi imma tama fqira u
umana li ġejja mill-biża’ terribli li għandna mill-Mewt. Il-Fidi vera mhix “forsi” jew “min jaf?” Hija ċertezza, għax mhix xi ħaġa ġejja
mill-bniedem imsejken imma hi misteru, rigal li jinagħtalu minn barra minnu,
minn Alla.
San Pawl jgħid li
l-Ispirtu s-Santu jixhed lill-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. (ara Rum. 8, 16). U mhux biss.
L-Appostlu jkompli jikkonferma billi jgħid li “jekk aħna wlied, aħna
wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu.” (Rum. 8, 17).
Werrieta ta’ xhiex? Werrieta ta’
Ħajja għal Dejjem, hemm fejn Hu jinsab diġa qabilna, jistenniena biex jixxutalna
minn għajnejna kull demgħa. (ara Apok.
21, 4). Mela, l-Kelma tgħid li l-Ispirtu
s-Santu jagħtina xhieda, ċertezza, jassigurana, li aħna ġejna magħmulha “ulied
Alla” bil-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
Ara ma taħsbux li kulħadd hu iben adottat minn Alla! Min hu bin Alla jfisser li ġie mogħti, mhux
għax jistħoqqlu, l-istess natura ta’ Alla, u xi ħaġa li hi intrinsikament parti
min-natura ta’ Alla hi li Alla ma jmut qatt; il-Mewt ma tista’ qatt ikollha
ħakma fuqu.
Min hu mnissel minn kelb
għandu n-natura ta’ kelb; min hu mnissel minn bniedem għandu n-natura ta’
bniedem; min hu mnissel minn Alla għandu n-natura ta’ Alla li ma tmut
qatt. Il-problema quddiem dan il-fatt
enormi hu li mhux lakemm wieħed jemmen xi ħaġa tremenda bħal din, xi ħaġa li
taqliblek l-eżistenza tiegħek ta’ taħt fuq!
Min se jaċċertak minn Grazzja bħal din?
Min se jikkonvinċik? Huwa
l-Ispirtu s-Santu, l-Waħdieni li kapaċi jixhed lill-ispirtu tiegħek u
jikkonvinċik, jaċċertak għal kollox li int ħaj għal dejjem.
Ħafna jistagħġbu kif nies
jitilqu kollox, ibiegħu kulma għandhom, kulma ħadmu għalih, u jagħtuh
lill-fqar; jitilqu ’l pajjiżhom u jmorru fejn iġorrhom ir-Riħ tal-Ispirtu; jabbandunaw is-sigurtà tal-kultura li trabbew
fiha biex jinagħtaw lil ħaddieħor f’soċjetajiet imbegħda u għal kollox
differenti. Id-dinja tistagħġeb meta
tara nies li lesti li jkunu ppersegwitati, ikkalunjati, mtella’ l-Qorti,
mitfugħa l-ħabs jew imtajrin b’xi bomba, għal Kristu.
Ħafna jistagħġbu għax ma
jafux xi jfisser li l-Ispirtu s-Santu jixhed lill-ispirtu tagħna li Kristu
tassew xtrana b’Demmu u bil-Qawmien tiegħU tana Spirtu rebbieħ fuq il-Mewt bħal
tiegħU. Jista’ jkun li aħna
bħalhom. Imma jista’ jkun ukoll li xi
ħaġa bdiet titħarrek fina u nħossu l-istint, l-intuwizzjoni, li l-Mewt mhix
l-aħħar kelma, li l-Imħabba, li hi Alla, ma tmut qatt! Din l-intuwizzjoni hi l-bidu tax-xhieda
tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina.
Huwa fil-qalba ta’ dan
kollu li l-Festa ta’ Lapsi, tat-Tluq fiżiku tal-Mulej minn din l-art u d-daħla
tiegħU fis-Sema b’ġisem eżatt bħal tagħna, din il-Festa tibda tikber
fl-importanza tagħha għalina għax, ngħiduha kif inhi, din mhix biss il-Festa
ta’ Ġesù, iżda tiegħi ukoll, tiegħek ukoll, ta’ dawk kollha li tibda tikber
fihom ix-xhieda li aħna wlied Alla u werrieta tiegħU.
L-Ewwel Qari
L-Ewwel Qari mill-Atti
jagħtina deskrizzjoni ta’ dan il-fenomenu, li bniedem b’ġisem bħal tagħna jiġi
meħud ’il fuq lejn imkien ieħor fl-ispazju jew lil hinn minnu. Qatt ma ġara dak li ġara lil dan il-grupp ta’
dixxipli matul it-tliet snin li qattgħu ma’ Ġesù. Raw minn kollox. Il-Passjoni kissrithom; il-Qawmien
bellaħhom... u issa d-dehra ta’ Ġesù li jitbiegħed minnhom lil hemm mis-sħab
ġennithom. Imma ftit qabel, Kristu kien
qalilhom, anzi tahom Wegħda, li ma kinux se jitħallew iltima, lanqas imħawda,
lanqas beżagħna wara dak kollu li kienu għaddew minnu.
Kristu qalilhom: stennew u
taraw x’ħaġa tal-għaġeb hu l-Ispirtu s-Santu.
Anzi orndnalhom biex ma jagħmlu xejn sakemm jiġi Hu; ma jitkellmu ma’
ħadd fuqU, ma jxandrux li rawH imqajjem... xejn, għax mingħajr l-Ispirtu
s-Santu m’hemm xejn li hu tajjeb, xejn safi jew li jikkonvinċi. Hawnhekk nistgħu inreddnu ħafna, imma jekk ma
jkunx l-Ispirtu s-Santu kollox hu bla frott, ħawli, xott, mejjet. Għax ħadd ma
jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej” jekk ma jkunx imqanqal mill-Ispirtu
s-Santu. (ara 1 Kor. 12, 3).
Bidu tal-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 1, 1-11.
Fl-ewwel rakkont tiegħi,
Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu
beda sal-jum li fih
kien meħud fis-sema, wara li, permezz ta' l-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet
tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu
dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f'erbgħin jum rawh kemm-il darba u
kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta' Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn
Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, "li
fuqha", qalilhom, "smajtu x'kont għedtilkom. Jiġifieri, li Ġwanni għammed
bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu."
Kif kienu flimkien
staqsewh: "Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa' twaqqaf is-Saltna
ta' Iżrael?" Hu
weġibhom: "M'hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li
l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu
l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f'Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u
sa truf l-art."
Wara li qal dan, huma u
jħarsu lejh, kien meħud 'il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem
għajnejhom. Waqt li kienu b'għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer,
f'daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: "Rġiel
tal-Galilija, x'intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom
lejn is-sema, għad jerġa' jiġi kif rajtuh sejjer."
Salm Responsorjali
Salm 47 huwa Salm ta’
eżultanza, ta’ festa… timmaġina li waqt li kienu jkanawh, għax is-Salmi huma
miktuba biex jitkantaw, il-Lhud kienu jiżfnu u jċapċpu u jidħku kif sikwit
kienu jagħmlu waqt il-Liturġiji ta’ ferħ tagħhom.
Il-poplu kien jifraħ
bil-kbir b’Alla, meta kien jara b’għajnejh il-Qawwa tiegħU taħdem fl-Istorja u
tikkonferma dak li kien jemmnu f’qalbom. Iżrael kien imdawwar bi ġnus ta’ kulturi
pagana, li kienu jiftaħru b’allathom.
Mhux darba u tnejn li l-Fidi ta’ Iżrael ixxenglet meta Alla kien jidħol
fis-skiet u l-ġnus għedewwa kien jiġihom kollox tajjeb.
Bħalhom, anke aħna llum,
l-Insara ta’ dan is-seklu, aħna wkoll imdawrin b’kultura pagana-sekularizzata
li qegħda tipprova tisraq il-Fidi minn uliedna.
Il-Knisja hi mdawra b’għedewwa, minn ġewwa u minn barra. Sikwit donnu li l-Alla ta’ Ġesù Kristu jidher
tellief quddiem il-qawwiet tad-dlamijiet.
Din il-kultura moderna bniet saqaf tal-konkrit bejnna u bejn is-Sema
fejn mar Kristu u qiegħed jistenniena.
Donnu li l-affarijiet t’hawn biss jgħoddu. Li wieħed jaħseb fuq il-Ġenna, jixxennaq
għaliha, jittama li jakkwistaha… hi xi ħaġa tal-ġenn, ta’ min hu ffissat. Id-dimensjoni ta’ moħħ il-bniedem iċċekken
biex jaħseb fuq hawn biss: kemm se jaħdem, kemm se jaqla’, kemm se
jonfoq.
Imma meta naraw li dan
mhux veru, li l-Mulej hu Sid l-Istorja, li kollox jissarraf f’ġid għal dawk li
jafdaw fiH u jħobbuH, allura nimtlew bil-ferħ u bl-Ħallelujah, u nifirħu bħalma
jifraħ dan is-Salm, bħal dawk li jgħannu fi żmien il-ħsad.
Is-Salm jgħid: “Tela’
l-Mulej b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi” (v. 6).
Il-Lhud ma fehmux x’ried jgħid dan il-vers, imma aħna nifhmuh għax
twettaq f’Ġesù Kristu li tela’ għal għand Missieru wara li kien wettaq
il-Missjoni kollha li kien qabbdu jagħmel.
Ritornell: Tela’ l-Mulej b’għajat
ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Salm 47
Popli kollha, ċapċpu idejkom,
għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża',
sultan kbir fuq l-art kollha.
Irażżan il-popli taħtna,
il-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.
Hu jagħżlilna l-wirt tagħna,
il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.
Tela' Alla b'għajat ta' ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu.
Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.
It-Tieni Qari
Nistedinkom,
anke iktar mis-soltu, biex tiftħu widnejkom biex tagħmlu tagħkom din it-Talba
meraviljuża li qegħda toħroġ minn qalb San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Komunità
ta’ Efesu. Min jista’ jikteb dan
il-Kliem li se nisimgħu jekk mhux min esperjenzja xi jfisser li l-Ispirtu
s-Santu jixhed lill-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla? Dan hu l-bniedem li ma jistax iżomm għalih
din l-iskoperta stupenda, imma l-Kelma ssir Nar jaqbad f’għadmu li ma jkunx
jista’ jżommu. U dan in-Nar, din
il-Ħuġġieġa ma tivvampjax f’xi wieħed minn miljun, f’xi San Pawl, f’xi superman
jew f’xi qaddis li npoġġuh f’niċċa biex joqgħod kwiet hemm. Le!
Dan in-Nar tal-Ispirtu m’għandux limiti, ma jista’ jikkontrollah ħadd,
anzi jiġri u jleħħ minn qalb għal qalb, bħalma jżiġġ in-nar qalb il-qasab.
Pawlu
jitlob lil Alla, anzi jitniehed quddiem Alla, biex jagħtina l-Ispirtu li biH
biss nistgħu ngħarfu min hu Alla u x’għamel għalina f’Ibnu. Fuq Alla u fuq Ġesù smajna ħafna u nafu
ħafna, iżda x’jiswa dan kollu jekk ma jiħux in-Nar ġewwa fina permezz
tal-Ispirtu s-Santu. L-Appostli raw lil
Kristu li ġie lura mill-qabar, messewH b’idejhom, tkellmu miegħU, kielu miegħU,
imma ma sarux Knisja, ġemgħa ta’ aħwa mibdula, imwielda mill-ġdid. Dan seħħ, il-Knisja twieldet, ħamsin jum wara
l-Għid, f’Għid il-Ħamsin. Il-Knisja
twieldet fil-Pentekoste mill-Ispirtu s-Santu.
Għalhekk
San Pawl jitlob biex niddawlu mill-Ispirtu biex ngħarfu xi jfisser tkun ġejt
adottat minn Alla bħala Ibnu.
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.
1, 17-23.
Ħuti: Ħalli Alla ta' Sidna Ġesù Kristu, il-Missier
tal-glorja, jagħtikom spirtu ta' għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha
sewwa; u jdawwlilkom l-għajnejn ta' qalbkom biex tagħrfu x'inhi t-tama
tas-sejħa tagħkom; x'inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu
mal-qaddisin. Tagħrfu
x'inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skond il-ħila
tal-qawwa kbira tiegħu, li
ħaddem fi Kristu, meta qajjmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu
fis-smewwiet, 'il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u
Ħakma, 'il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta' issa,
imma wkoll għal li ġej. Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u
għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu, il-milja ta' dak li jimla
kollox f'kollox.
Evanġelju
M’hemmx Evanġelizzazzjoni
mingħajr il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.
Bniedem ma jistax jikkonvinċi lil bniedem ieħor dwar l-Aħbar it-Tajba
tal-Mulej Ġesù jekk waqt li qed jitkellem l-Ispirtu s-Santu ma jmissx il-qalb
tal-ieħor. Għalhekk li Ġesù, waqt li
qalilhom li għad jaqilbu lil Ġerusalemm, lil-Lhudija u s-Samarija u d-dinja
kollha bix-xandir tagħhom, fl-istess ħin jgħidilhom biex ma jitħarkux
mill-belt, imma joqogħdu hemm, kwieti, jistennew lil Dak li kellu jiġi u
jqabbad f’qalbhom il-Ħuġġieġa li semmejna u jiftaħ moħħhom għal għarfien li
qatt ma kienu jobsru li jeżisti.
Din hija l-Qawwa li għadha
fil-Knisja llum, li żammet lill-Knisja ħajja u mħeġġa matul elfejn sena. Din hija l-Qawwa li tiddomina l-Istorja
tal-bniedem u tagħmel li fl-aħħar mill-aħħar dejjem jiġri dak li jrid Alla u li
hu ta’ ġid għall-Knsija tiegħu u għall-bniedem.
Għeluq tal-Evanġelju ta’
San Luqa. 24, 46-53.
F’dak iż-żmien: Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: "Hekk kien miktub, li l-Messija
jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra
tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn
Ġerusalemm. Intom xhud ta' dan. U jiena, araw, nibgħat
fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun
libbiskom bil-qawwa tiegħu."
Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa'
idejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien
meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b'ferħ
kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju
jbierku lil Alla.
|