Wednesday, 18 September 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SEBA’ HADD TAL-GHID (2019) TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA (LAPSI)
IS-SEBA’ HADD TAL-GHID (2019) TLUGH IL-MULEJ FIS-SEMA (LAPSI) PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 01 June 2019

Din hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd tal-Ghid ( 2019 ) ( Tlugh il-Mulej fis-Sema ( Lapsi)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

lapsi.jpg

 

Żmien il-Għid u anke l-ġranet wara li jispiċċa, joffrulna festi u solennitajiet li jitfgħu dawl u jiċċelebraw il-Misteru tal-Mulej.  Tlugħ il-Mulej fis-Sema mhix sempliċi festa oħra.  Missirijietna kienu jsejħulha Lapsi, l-Għid ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema li kienet tiġi ċelebrata erbgħin jum wara l-Għid il-Kbir, skont il-kronoloġija tal-Iskrittura li tgħid li erbgħin jum wara l-Qawmien Glorjuż tiegħu, il-Mulej Ġesù ġie meħud fis-Sema u sħaba ħbietu minn quddiem għajnejn id-dixxipli tiegħu.  Kien f’dan il-waqt, li l-aħwa rċivew il-Wegħda li Hu għad jerġa’ jiġi, “il-Parusija”, fl-aħħar taż-żmien.

 

Din il-Festa hi Kelma ta’ Alla għalina llum!  Hija tistedinna biex b’ħarsitna ninfdu s-Sema bil-Fidi u niddawlu bit-Tama ta’ Ħajja oħra, ta’ Pajjiż ġdid, li hu Pajjiżna bil-wisq iktar minn din l-art, Pajjiż li qed jistenniena bil-ħerqa biex jagħmlilna Festa liema bħalha meta nidħlu fih.  Hi Festa kbira din, għax għandha sens kateketiku qawwi.  Il-materjaliżmu, l-ekonomija li tjassarna, u li lanqas ma ħallietna niċċelebraw iktar din il-Festa fil-jum propju tagħha imma fl-eqreb Ħadd biex ma nitgħażżnux mix-xogħol u ma nitilfux il-qligħ, din il-Festa qegħda xxandar, (forsi hija għajta fid-deżert, ma nafx), li mhux din il-ħajja biss teżisti; mhux din il-ħajja miżżewġa lill-mewt biss teżisti; mhux din l-art, fejn kollox qed imut il-ħin kollu madwarna, fejn xejn mhu eterna, sigur, biss teżisti.  Din il-Festa tipproklama li hemm Pajjiż ieħor, misterjuż u moħbi minn għajnejna kemm tridu, imma Pajjiż ieħor, hemm Ħajja oħra, hemm etrnità fejn il-Mewt hi biss ġrajja li ġrat, bieb li nfetaħ biex stajna nidħlu f’Pajjiżna tas-Sema.

 

 

Dan faċli jitqies bħala “wishful thinking” minn tant nies xettiċi li rrassenjaw ruħhom li l-ħolqien kollu jinsab f’ġirja miġnuna lejn il-mewt.  X’reklam sabiħ hu dan hux għall-Ħallieq!  Ħalaq kollox biex imut, jgħib, jispiċċa, jsir trab!  Alla tal-Mewt u tal-Mejtin.  Alla tad-Dlam u mhux tad-Dawl.  Alla tal-kaos u mhux tal-ordni.  Mhu veru xejn!  Din hi l-mentalità materjalista tal-lum.  Alla hu Alla tal-Ħajjin għax hu Mħabba.  L-Imħabba ma setgħet qatt toħloq il-Mewt.  l-Imħabba hi Dawl u mhux Dlam.  L-Imħabba mhix kaos, ma tħobbx it-taħwid, tobgħod il-qerda.

 

Imma għandna bżonn Fidi soda mnissla fina mill-Ispirtu s-Santu biex nitqabdu t-taqbida kontra dak kollu li naraw jiġri madwarna, għax sikwit aħna mdawrin bil-katekeżi eżistenzjali ħafna tal-Mewt.  L-Appostli bħalna kienu: nies xi ftit reliġjużi li f’qablhom kienu jgħidu: “min jaf, forsi hemm Ħajja oħra...”  Din mhix Fidi imma tama fqira u umana li ġejja mill-biża’ terribli li għandna mill-Mewt.  Il-Fidi vera mhix “forsi” jew “min jaf?”  Hija ċertezza, għax mhix xi ħaġa ġejja mill-bniedem imsejken imma hi misteru, rigal li jinagħtalu minn barra minnu, minn Alla.

 

San Pawl jgħid li l-Ispirtu s-Santu jixhed lill-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.  (ara Rum. 8, 16).  U mhux biss.  L-Appostlu jkompli jikkonferma billi jgħid li “jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu.”  (Rum. 8, 17).  Werrieta ta’ xhiex?  Werrieta ta’ Ħajja għal Dejjem, hemm fejn Hu jinsab diġa qabilna, jistenniena biex jixxutalna minn għajnejna kull demgħa.  (ara Apok. 21, 4).  Mela, l-Kelma tgħid li l-Ispirtu s-Santu jagħtina xhieda, ċertezza, jassigurana, li aħna ġejna magħmulha “ulied Alla” bil-Fidi fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Ara ma taħsbux li kulħadd hu iben adottat minn Alla!  Min hu bin Alla jfisser li ġie mogħti, mhux għax jistħoqqlu, l-istess natura ta’ Alla, u xi ħaġa li hi intrinsikament parti min-natura ta’ Alla hi li Alla ma jmut qatt; il-Mewt ma tista’ qatt ikollha ħakma fuqu. 

 

Min hu mnissel minn kelb għandu n-natura ta’ kelb; min hu mnissel minn bniedem għandu n-natura ta’ bniedem; min hu mnissel minn Alla għandu n-natura ta’ Alla li ma tmut qatt.  Il-problema quddiem dan il-fatt enormi hu li mhux lakemm wieħed jemmen xi ħaġa tremenda bħal din, xi ħaġa li taqliblek l-eżistenza tiegħek ta’ taħt fuq!  Min se jaċċertak minn Grazzja bħal din?  Min se jikkonvinċik?  Huwa l-Ispirtu s-Santu, l-Waħdieni li kapaċi jixhed lill-ispirtu tiegħek u jikkonvinċik, jaċċertak għal kollox li int ħaj għal dejjem.

 

Ħafna jistagħġbu kif nies jitilqu kollox, ibiegħu kulma għandhom, kulma ħadmu għalih, u jagħtuh lill-fqar; jitilqu ’l pajjiżhom u jmorru fejn iġorrhom ir-Riħ tal-Ispirtu;  jabbandunaw is-sigurtà tal-kultura li trabbew fiha biex jinagħtaw lil ħaddieħor f’soċjetajiet imbegħda u għal kollox differenti.  Id-dinja tistagħġeb meta tara nies li lesti li jkunu ppersegwitati, ikkalunjati, mtella’ l-Qorti, mitfugħa l-ħabs jew imtajrin b’xi bomba, għal Kristu. 

 

Ħafna jistagħġbu għax ma jafux xi jfisser li l-Ispirtu s-Santu jixhed lill-ispirtu tagħna li Kristu tassew xtrana b’Demmu u bil-Qawmien tiegħU tana Spirtu rebbieħ fuq il-Mewt bħal tiegħU.  Jista’ jkun li aħna bħalhom.  Imma jista’ jkun ukoll li xi ħaġa bdiet titħarrek fina u nħossu l-istint, l-intuwizzjoni, li l-Mewt mhix l-aħħar kelma, li l-Imħabba, li hi Alla, ma tmut qatt!  Din l-intuwizzjoni hi l-bidu tax-xhieda tal-Ispirtu s-Santu ġewwa fina.

 

Huwa fil-qalba ta’ dan kollu li l-Festa ta’ Lapsi, tat-Tluq fiżiku tal-Mulej minn din l-art u d-daħla tiegħU fis-Sema b’ġisem eżatt bħal tagħna, din il-Festa tibda tikber fl-importanza tagħha għalina għax, ngħiduha kif inhi, din mhix biss il-Festa ta’ Ġesù, iżda tiegħi ukoll, tiegħek ukoll, ta’ dawk kollha li tibda tikber fihom ix-xhieda li aħna wlied Alla u werrieta tiegħU.

 

L-Ewwel Qari

 

L-Ewwel Qari mill-Atti jagħtina deskrizzjoni ta’ dan il-fenomenu, li bniedem b’ġisem bħal tagħna jiġi meħud ’il fuq lejn imkien ieħor fl-ispazju jew lil hinn minnu.  Qatt ma ġara dak li ġara lil dan il-grupp ta’ dixxipli matul it-tliet snin li qattgħu ma’ Ġesù.  Raw minn kollox.  Il-Passjoni kissrithom; il-Qawmien bellaħhom... u issa d-dehra ta’ Ġesù li jitbiegħed minnhom lil hemm mis-sħab ġennithom.  Imma ftit qabel, Kristu kien qalilhom, anzi tahom Wegħda, li ma kinux se jitħallew iltima, lanqas imħawda, lanqas beżagħna wara dak kollu li kienu għaddew minnu. 

 

Kristu qalilhom: stennew u taraw x’ħaġa tal-għaġeb hu l-Ispirtu s-Santu.  Anzi orndnalhom biex ma jagħmlu xejn sakemm jiġi Hu; ma jitkellmu ma’ ħadd fuqU, ma jxandrux li rawH imqajjem... xejn, għax mingħajr l-Ispirtu s-Santu m’hemm xejn li hu tajjeb, xejn safi jew li jikkonvinċi.  Hawnhekk nistgħu inreddnu ħafna, imma jekk ma jkunx l-Ispirtu s-Santu kollox hu bla frott, ħawli, xott, mejjet. Għax ħadd ma jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej” jekk ma jkunx imqanqal mill-Ispirtu s-Santu.  (ara 1 Kor. 12, 3).

 

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.  1, 1-11.

 

Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda  sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz ta' l-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.  

 

 

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f'erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta' Alla.  Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, "li fuqha", qalilhom, "smajtu x'kont għedtilkom.  Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu."

  

Kif kienu flimkien staqsewh: "Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa' twaqqaf is-Saltna ta' Iżrael?"  Hu weġibhom: "M'hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu.  Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f'Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art." 

 

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud 'il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.  Waqt li kienu b'għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f'daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad,  u qalulhom: "Rġiel tal-Galilija, x'intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa' jiġi kif rajtuh sejjer."

 

Salm Responsorjali

 

Salm 47 huwa Salm ta’ eżultanza, ta’ festa… timmaġina li waqt li kienu jkanawh, għax is-Salmi huma miktuba biex jitkantaw, il-Lhud kienu jiżfnu u jċapċpu u jidħku kif sikwit kienu jagħmlu waqt il-Liturġiji ta’ ferħ tagħhom. 

 

Il-poplu kien jifraħ bil-kbir b’Alla, meta kien jara b’għajnejh il-Qawwa tiegħU taħdem fl-Istorja u tikkonferma dak li kien jemmnu f’qalbom.  Iżrael kien imdawwar bi ġnus ta’ kulturi pagana, li kienu jiftaħru b’allathom.  Mhux darba u tnejn li l-Fidi ta’ Iżrael ixxenglet meta Alla kien jidħol fis-skiet u l-ġnus għedewwa kien jiġihom kollox tajjeb.

 

Bħalhom, anke aħna llum, l-Insara ta’ dan is-seklu, aħna wkoll imdawrin b’kultura pagana-sekularizzata li qegħda tipprova tisraq il-Fidi minn uliedna.  Il-Knisja hi mdawra b’għedewwa, minn ġewwa u minn barra.  Sikwit donnu li l-Alla ta’ Ġesù Kristu jidher tellief quddiem il-qawwiet tad-dlamijiet.  Din il-kultura moderna bniet saqaf tal-konkrit bejnna u bejn is-Sema fejn mar Kristu u qiegħed jistenniena.  Donnu li l-affarijiet t’hawn biss jgħoddu.  Li wieħed jaħseb fuq il-Ġenna, jixxennaq għaliha, jittama li jakkwistaha… hi xi ħaġa tal-ġenn, ta’ min hu ffissat.  Id-dimensjoni ta’ moħħ il-bniedem iċċekken biex jaħseb fuq hawn biss: kemm se jaħdem, kemm se jaqla’, kemm se jonfoq.

 

Imma meta naraw li dan mhux veru, li l-Mulej hu Sid l-Istorja, li kollox jissarraf f’ġid għal dawk li jafdaw fiH u jħobbuH, allura nimtlew bil-ferħ u bl-Ħallelujah, u nifirħu bħalma jifraħ dan is-Salm, bħal dawk li jgħannu fi żmien il-ħsad.

 

Is-Salm jgħid: “Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi”  (v. 6).  Il-Lhud ma fehmux x’ried jgħid dan il-vers, imma aħna nifhmuh għax twettaq f’Ġesù Kristu li tela’ għal għand Missieru wara li kien wettaq il-Missjoni kollha li kien qabbdu jagħmel.

 

 

Ritornell: Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ, il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

 

Salm 47

 

Popli kollha, ċapċpu idejkom,

għajjtu b'leħen ta' ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża',

sultan kbir fuq l-art kollha.

 

Irażżan il-popli taħtna,

il-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.

Hu jagħżlilna l-wirt tagħna,

il-kburija ta' Ġakobb, il-maħbub tiegħu.

 

Tela' Alla b'għajat ta' ferħ,

il-Mulej bid-daqq tat-trombi.

Għannu lil Alla, għannu,

għannu lis-sultan tagħna, għannu.

 

Għax Alla s-sultan ta' l-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

 

It-Tieni Qari

 

Nistedinkom, anke iktar mis-soltu, biex tiftħu widnejkom biex tagħmlu tagħkom din it-Talba meraviljuża li qegħda toħroġ minn qalb San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Komunità ta’ Efesu.  Min jista’ jikteb dan il-Kliem li se nisimgħu jekk mhux min esperjenzja xi jfisser li l-Ispirtu s-Santu jixhed lill-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla?  Dan hu l-bniedem li ma jistax iżomm għalih din l-iskoperta stupenda, imma l-Kelma ssir Nar jaqbad f’għadmu li ma jkunx jista’ jżommu.  U dan in-Nar, din il-Ħuġġieġa ma tivvampjax f’xi wieħed minn miljun, f’xi San Pawl, f’xi superman jew f’xi qaddis li npoġġuh f’niċċa biex joqgħod kwiet hemm.  Le!  Dan in-Nar tal-Ispirtu m’għandux limiti, ma jista’ jikkontrollah ħadd, anzi jiġri u jleħħ minn qalb għal qalb, bħalma jżiġġ in-nar qalb il-qasab.

 

Pawlu jitlob lil Alla, anzi jitniehed quddiem Alla, biex jagħtina l-Ispirtu li biH biss nistgħu ngħarfu min hu Alla u x’għamel għalina f’Ibnu.  Fuq Alla u fuq Ġesù smajna ħafna u nafu ħafna, iżda x’jiswa dan kollu jekk ma jiħux in-Nar ġewwa fina permezz tal-Ispirtu s-Santu.  L-Appostli raw lil Kristu li ġie lura mill-qabar, messewH b’idejhom, tkellmu miegħU, kielu miegħU, imma ma sarux Knisja, ġemgħa ta’ aħwa mibdula, imwielda mill-ġdid.  Dan seħħ, il-Knisja twieldet, ħamsin jum wara l-Għid, f’Għid il-Ħamsin.  Il-Knisja twieldet fil-Pentekoste mill-Ispirtu s-Santu.

 

Għalhekk San Pawl jitlob biex niddawlu mill-Ispirtu biex ngħarfu xi jfisser tkun ġejt adottat minn Alla bħala Ibnu.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.  1, 17-23.

 

Ħuti: Ħalli Alla ta' Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta' għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa; u jdawwlilkom l-għajnejn ta' qalbkom biex tagħrfu x'inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x'inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.  Tagħrfu x'inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu,  li ħaddem fi Kristu, meta qajjmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu   fis-smewwiet, 'il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, 'il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta' issa, imma wkoll għal li ġej.   Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu, il-milja ta' dak li jimla kollox f'kollox.

 

Evanġelju

 

M’hemmx Evanġelizzazzjoni mingħajr il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Bniedem ma jistax jikkonvinċi lil bniedem ieħor dwar l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Ġesù jekk waqt li qed jitkellem l-Ispirtu s-Santu ma jmissx il-qalb tal-ieħor.  Għalhekk li Ġesù, waqt li qalilhom li għad jaqilbu lil Ġerusalemm, lil-Lhudija u s-Samarija u d-dinja kollha bix-xandir tagħhom, fl-istess ħin jgħidilhom biex ma jitħarkux mill-belt, imma joqogħdu hemm, kwieti, jistennew lil Dak li kellu jiġi u jqabbad f’qalbhom il-Ħuġġieġa li semmejna u jiftaħ moħħhom għal għarfien li qatt ma kienu jobsru li jeżisti.

 

Din hija l-Qawwa li għadha fil-Knisja llum, li żammet lill-Knisja ħajja u mħeġġa matul elfejn sena.  Din hija l-Qawwa li tiddomina l-Istorja tal-bniedem u tagħmel li fl-aħħar mill-aħħar dejjem jiġri dak li jrid Alla u li hu ta’ ġid għall-Knsija tiegħu u għall-bniedem.

 

Għeluq tal-Evanġelju ta’ San Luqa.  24, 46-53.

 

 F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Hekk kien miktub, li  l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,  u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.  Intom xhud ta' dan.  U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu."

  

Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa' idejh u berikhom.  U ġara li, huwa u jberikhom, nfired minnhom u kien meħud fis-sema.  Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b'ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm,  u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

 

 

 
< Prev   Next >