Friday, 18 October 2019
           
Home
GHID IL-HAMSIN, PENTEKOSTE (2019) IT-TWELID TAL-KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 08 June 2019

Din hija il- Liturgija ta' Ghid il-Hamsin ( Pentekoste ) ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

pentekoste_2019.jpg

 

Fejn m’hemmx l-Ispirtu s-Santu m’hemmx Knisja.  Dan hu kliem il-Missirijiet tal-Knisja.  l-Ispirtu s-Santu huwa l-Imħabba li hemm bejn il-Missier u l-Iben li tinfirex b’qawwa ħerqana fuq il-bnedmin li jemmnu fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Fejn m’hemmx fidi fi Kristu, l-Ispirtu s-Santu ma jersaqx u jċedi postu għall-ispirtu tal-bniedem li bl-intenzjonijiet tajba kollha tiegħu ma jafx iġib u joħloq ħlief tħarbit u kaos.

 

Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li mix-xejn joħloq is-sabiħ, mill-kaos l-ordni, mid-dlam id-Dawl.  Il-Ġenesi jgħid li fil-bidu “kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-Ispirtu ta’ Alla.”  (Ġen. 1, 1).  Imma l-Imħabba ta’ bejn il-Missier u l-Iben bdiet issawar is-Sbuħija għax din l-Imħabba riedet tinqasam ma’ oħrajn, riedet tgħaddi għal għand oħrajn.  Għax hu kontra n-natura tal-Imħabba li tinagħlaq fiha nnifisha, imma trid tinagħta u tinagħta sabiex l-hena u s-sbuħija tagħha titgawda iktar kemm timmultiplika.  L-Imħabba toħloq dejjem; huwa l-egoiżmu tagħna li jeqred.  Għalhekk inħoloq l-univers, u l-art li fuqha ninsabu, u s-sema u l-baħar, l-għoljiet u l-widien, l-annimali tal-art, tal-ilma u tal-ajru; u fuq kollox, l-Imħabba ħalqet il-bniedem xbiha tagħha.  “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna.”  (Ġen. 1, 31). 

 

L-ikbar opra tal-Imħabba huwa l-bniedem, u fuq din il-ħlejqa, l-Imħabba rriskjat immens.  Għax, ta’ Mħabba li hi, ma setgħetx ma toħloqx lill-bniedem ħieles li jiddeċiedi jekk jirreċiprokax din l-Imħabba jew idawwar spallejh u jitlaq ’l hemm.  Alla ġralu bħal dak il-ġuvni li qalbu ntrabtet ma’ tfajla u wara li dam itella’ u jniżżel, resaq lejha u wrieha mħabbtu u talabha mħabbitha.  Dejjem hu riskju, dan!  Imma t-tfajla ma kellha l-ebda interess li tħobbu lura għax qalbha kienet tatha lil ħaddieħor, u qatgħetlu fil-qosor it-tamiet kollha tiegħu. 

 

L-Imħabba, jekk hi Mħabba vera u mhux egoiżmu bħalma dejjem naraw madwarna, ma tistax tisforza.  Hi tirtira lura sensittiva quddiem iċ-ċaħda.  Il-bniedem dar lejn ħaddieħor u l-ħolqien, li minnu nnifsu hu tant sabiħ, sar kaos.  Adam jiċħad lil martu quddiem Alla: “Il-mara li tajtni int għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.”  (Ġen. 3, 12).  Ibnu Kajjin joqtol lil ħuh. F’Babel bnedmin jinfirdu minn bnedmin oħra u jitwieldu l-ġnus.  Kibret il-vjolenza, l-egoiżmu, l-inġustizzja, id-dittatura ta’ min jiflaħ fuq min hu dgħajjef.

 

Fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla hemm il-Ħajja għax il-Ħajja, il-Ħajja vera, il-Ħajja ta’ Dejjem hi l-Qdusija, hi l-Imħabba.  Il-Qdusija biss hi ħajja għal dejjem.  Barra mill-Qdusija, mill-ħbiberija ma’ Alla, hemm il-Mewt, u l-Mewt issaltan fuq id-dinja u fuq kull maħluq u kollox qed imut madwarna.  Imma l-Imħabba tibqa tiġri wara l-bniedem.  Hi wellditu fil-bidu u ma tridx li hu jmut imma li hu jerġa’ lura għall-oriġini, għall-bidu.  U l-Imħabba niżlet tgħammar fi tfajla Lhudija.

 

Hawn beda proċess ta’ fidwa, ta’ salvazzjoni. Il-ġirja naturali tal-bniedem ’il bogħod minn Alla tieqaf ħesrem għal mument meta din it-tfajla, Marija, tgħid “Iva! Iva! Iva!” lill-Imħabba li hi l-Ispirtu s-Santu u l-isperma qaddisa tal-Imħabba tiffekonda lil Marija u din tqalet bla intervent ta’ raġel.  Għax kulma jitwieled mill-bniedem hu bniedem, imma din il-ħlejqa rċeviet mingħand Marija laħam ta’ bniedem imma kienet Alla bl-intervent tal-Ispirtu.

 

Marija tqalet bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Marija hija xbieha tal-Knisja li hi Omm dejjem tqila b’ulied ġodda li tathom Twelid Ġdid kif Ġesù semma f’widnejn Nikodemu.  Il-ġuf tal-Knisja hu bħall-ġuf ta’ Marija, verġni għax ma jagħrafx raġel, imma l-Knisja titqal bl-intervent tal-Ispirtu s-Santu.  Kull min jikkonverti u jibda jemmen tassew fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, hu bniedem ġdid, bniedem li mhux biss twieled minn omm u missier bħala bniedem, imma issa twieled mill-Knisja fit-tieni twelid tiegħu bħala xbieha ta’ Kristu.  Dan kollu jsir fil-Magħmudija, li mhix Sagrament ta’ għaxar minuti imma ta’ għomor sħiħ, għax il-Magħmudija, dan it-Twelid Ġdid huwa proċess, bħalma proċess kienet il-mixja ta’ fidi ta’ Abraham u dik ta’ Iżrael fid-deżert.

 

Imma kien hemm mument storiku, meta l-Knisja nnifisha twieldet.  Dak li sawwarha kien il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu u hi ħarġet mill-ġenb minfud ta’ Kristu li minnu ħareġ l-ilma tal-Magħmudija u d-Demm tal-fidwa, tat-tpattija tad-dnubiet.  Imma l-Knisja kienet bla ħajja għall-ewwel ġranet tagħha.  Anzi kienet għadha ma twieldet xejn anke jekk kienet imsawra mit-tbatijiet u l-Qawmien ta’ Kristu.  L-Appostli ferħu meta raw lill-Mulej Ħaj mill-ġdid, imma huma ma nbidlux, baqgħu beżagħna bl-istaneg mal-bieb, magħluqa fihom infushom bħal akruxu.

 

Kien il-Pentekoste li bidel grupp ċkejken ta’ rġiel imħawda fi Knisja.  Huma kienu mifruda wieħed mill-ieħor għax fejn hemm il-biża’ hemm l-egoiżmu.  Ma setgħu jifhmu xejn mill-Istorja li għexu, mill-missjoni tal-Imgħallem.  Kienu għadhom jittamaw fil-politika, li terġa titwaqqaf is-Saltna antika ta’ Iżrael.  Kienu nies tad-dinja.  Imsejkna, falluti, jħossuhom ħafna ħatja, u psikoloġikament fil-qiegħ.  Kellhom waħda tajba:  f’nofshom kien hemm Marija, l-Omm ta’ Ġesù, hi li rċeviet il-Wegħda sagrosanta ta’ Alla: “Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.  Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli.  Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”  (Lq. 1, 31-33).  Hi kienet f’nofshom u huma talbu magħha.

 

U ġie l-Ispirtu tal-Imħabba li qabbad fi qlubhom ħġejjeġ ta’ nirien ta’ Mħabba u ta’ għarfien tal-Misteru ta’ Kristu li kien għadu moħbi lilhom.  Ħassewhom maħbuba minn Alla fuq livell li ħasadhom!  Din l-Imħabba għaqqdithom bejniethom u fejqithom mill-ġrieħi li kull bniedem iġorr fl-ispirtu tiegħu.  Fuq kollox, l-Imħabba, li hi l-Ispirtu s-Santu, keċċiet il-barra l-biża’ minn ġo fihom u huma għaddew mill-mewt għall-Ħajja.  Huma ġew imdaħħla fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn.  Kienu jafu, kienu ċerti, kellhom garanzija li huma issa kienu ħajjin għal dejjem u ħadd u xejn ma seta’ jisirqilhom il-Ħajja. 

 

Indifen Teżor fihom li għamilhom għonja mmens.  Huma setgħu ibiegħu ġidhom u jaqsmuh mal-aħwa, jew setgħu iħallu lil min jisraqhom bla ma jitilfu l-paċi, għax l-għana tagħhom ma kienx il-muniti jew il-propjetà imma l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt li issa beda jgħammar fihom.  X’waħda din!  Dawn in-nies sabu l-milja tagħhom.  Għall-ewwel darba, qalb il-bniedem li hi kbira daqs l-univers kollu, imtliet kollha kemm hi b’Dak li Hu biss seta’ jimliha.  Nies sempliċi waslu biex irċivew dak li slaten, mexxejja, ġenerali tal-armati issieltu u qatlu l-eluf biex jippruvaw jakkwistawh, u ma akkwistawhx.

 

Dawn in-nies saru Ġemgħa ta’ Alla, Poplu miksub mid-Demm ta’ Kristu, Knisja, Għarusa ta’ Alla u l-Ġisem mistiku li jagħmel preżenti lil Kristu fid-dinja.  Fejn jinsab Kristu? Hemm fejn hemm l-Imħabba ta’ bejn l-aħwa u l-għaqda.  Dawn huma s-sinjali li jagħmlu Knisja.  Il-bqija huma biss hemm għas-servizz ta’ dawn l-aħwa.  Fejn hemm l-Ispirtu s-Santu bid-doni tiegħu li hu jqassam, hemm tinsab il-Knisja.  Fejn m’hemmx Hu, m’hemmx Knisja.  Kif qal l-Isqof tagħna: jista’ jkollok NGO organiżżata tajjeb u tagħmel ħafna xogħol, imma ma tkunx Knisja jekk fiha m’hemmx l-Ispirtu s-Santu ta’ Kristu rebbieħ fuq il-Mewt.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-Velja ta’ Pentekoste.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.  11, 1-9.

 

U l-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed.  Meta l-bnedmin telqu mil-lvant sabu wita f'art Singħar u baqgħu hemm.  U qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!” U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn.  U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu ta' l-art.”

 

U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin.  U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta' xogħolhom; issa kull ma jiġihom f'rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom!  Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin.”

 

U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt. Għalhekk bdew isejjħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu ta' l-art.

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu.  19, 3-8a.  16-20b.

 

Mosè tala' ħdejn Alla, u l-Mulej sejjaħlu mill-muntanja u qallu: “Dan għid lil dar Ġakobb u għarraf lil ulied Iżrael:  'Rajtu intom x'għamilt lill-Eġizzjani, u kif lilkom ġarrejtkom fuq il-ġwienaħ ta' l-ajkli u ressaqtkom lejja.  Issa, jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha, għax l-art kollha tiegħi.  Intom tkunu għalija saltna ta' qassisin u ġens qaddis.' Dan hu l-kliem li tgħid lil ulied Iżrael.”  

 

Mbagħad Mosè mar isejjaħ lix-xjuħ tal-poplu, u qegħdilhom quddiemhom dan il-kliem kollu li ordnalu l-Mulej.  U l-poplu kollu wieġeb b'leħen wieħed u qalu: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh.”

 

Fit-tielet jum mas-sebħ kien hemm ragħad u beraq, u sħab oħxon għatta l-muntanja. Nstama' wkoll iż-żarżir qawwi tat-tromba, u triegħed il-poplu kollu fil-kamp.  Mosè ħareġ il-poplu mill-kamp biex jiltaqgħu ma' Alla; u waqfu f'riġlejn il-muntanja.  Il-muntanja tas-Sinaj bdiet iddaħħan kollha kemm hi, għax niżel fuqha l-Mulej fin-nar. Id-duħħan beda tiela' 'l fuq bħad-duħħan ta' forn, u l-muntanja kienet titħeżħeż kollha.  

 

Kull ma jmur id-daqq tat-tromba kien dejjem jitqawwa. Mbagħad tkellem Mosè, u Alla wieġbu b'ragħda. U niżel il-Mulej fuq il-quċċata tal-muntanja tas-Sinaj, u l-Mulej sejjaħ lil Mosè biex jitla' fuq il-quċċata tal-muntanja. 

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.  37, 1-14.

 

 F’dak iż-żmien: Ġiet fuqi id il-Mulej u ħaditni fl-ispirtu tal-Mulej u qegħditni f'nofs il-wied. Dan kien miżgħud bl-għadam. Huwa għaddieni dawramejt madwarhom, u kien hemm kotra kbira mxerrda mal-wied, u kienu kollha niexfa qoxqox.

 

U l-Mulej qalli: "O bniedem, jista' dan l-għadam jerġa' jieħu l-ħajja?" Jiena weġibt: "Sidi Mulej, dan inti tafu." U qalli: 'Ħabbar lil dan l-għadam u għidlu: O għadam niexef, isma' l-kelma tal-Mulej.  Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jien se nġib fik ir-ruħ, inti terġa' tgħix.  U nqiegħed fik in-nervi, u ntellagħlek il-laħam, u niksik bil-ġilda, u nqiegħed fik ir-ruħ. U inti terġa' tgħix, u tkun taf li jiena l-Mulej."

 

Mbagħad ħabbart kif ordnali. U jiena u nħabbar instama' ħoss, u ara, l-għadam tqanqal, u kollha bdew resqin lejn xulxin, għadma lejn għadma.  Jien ħarist, u ara, ġew fihom.  U qalli: "Ħabbar lir-ruħ, ħabbar, o bniedem, u għid lir-ruħ: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, ruħ, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja."  Jien ħabbart kif ordnali, u r-ruħ daħlet fihom, u reġgħu ħadu l-ħajja, u waqfu fuq riġlejhom, eżerċtu kbir fuq li kbir.

 

U qalli: "O bniedem, dan l-għadam huwa d-dar kollha ta' Iżrael. Ara, huma jgħidu: 'Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, nqridna għalkollox.'  Għalhekk ħabbrilhom u għidilhom: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f'art Iżrael.  Mbagħad tkunu tafu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom, poplu tiegħi.  U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.

 

Nqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej.  Hekk għedt, u hekk nagħmel, oraklu tal-Mulej."

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġoel.  3, 1-5.

 

"Wara dan, jiġri

li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

Uliedkom iħabbru, subjien u bniet,

ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,

iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.

U mqar fuq il-qaddejja, rġiel u nisa,

nsawwab l-ispirtu tiegħi f'dawk il-jiem.

Fis-sema u l-art nuri sinjali,

demm u nar u kolonni ta' duħħan!

Ix-xemx tinbidel fi dlam,

u l-qamar f'demm,

qabel ma jasal Jum il-Mulej,

kbir u tal-biża'!

U kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles,

għax fuq il-muntanja Sijon ikun hemm is-salvazzjoni,

kif qal il-Mulej,

u f'Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ.

 

Salm Responsorjali.  Salm 104.

 

Ritornell: Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

 

Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b'mantell, inti mkebbeb.

 

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

 

 

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f'waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid.

 

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ ta' l-art.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  8, 22-27.

 

Ħuti: aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s'issa jitniehed  bl-uġigħ tal-ħlas;  u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott ta' l-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta' wlied, il-fidwa ta' ġisimna.  Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista' wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?  Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m'aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

 

Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta' ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem;  u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x'inhi x-xewqa ta' l-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skond ma jrid Alla.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  7, 37-39.

 

 Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum l-aktar solenni, Ġesù qam jgħid b'leħen għoli: "Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta' ilma ħaj."  Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat.

 

 
< Prev   Next >