Saturday, 23 November 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow HADD FUQ IL-PENTEKOSTE (2019) IT-TRINITÀ QADDISA
HADD FUQ IL-PENTEKOSTE (2019) IT-TRINITÀ QADDISA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 15 June 2019

Din hija il- Liturgija tal-Hadd fuq il-Pentekoste ( It-Trinita' Qaddisa ) ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

holy_trinity-1600x1200-1024x768.jpg

 

Kien permezz ta’ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna, li Alla wriena l-Misteru sorprendenti tat-Trinità Qaddisa, tliet Persuni f’Alla Wieħed.  Fil-Vanġeli nsibu lil Ġesù jitkellem il-ħin kollu fuq dan “l-għaġeb” li hu lil hemm minn moħħ il-bniedem.  Hu jitkellem fuq il-Missier u fuqu nnifsu u jgħid li huma ħaġa waħda, Missieru fih u Hu f’Missieru, u din l-għaqda mwaħħda ta’ bejniethom tissejjaħ l-Ispirtu Qaddis, Ruħ il-Qodos, l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur li mingħajr id-Dawl tiegħu, il-bniedem ma jistax jagħraf la lil Kristu u lanqas lill-Missier.

 

Dan kollu jistrieħ fuq il-Fidi tal-bniedem.  Alla hu misteru, kbir wisq għalina, anke jekk il-bniedem “adult” tal-lum qajla jammetti li hemm xi ħaġa ikbar minn fejn jista’ jasal moħħu, u jwarrab b’arroganza dak li ma jistax jinftiehem.  Il-Fidi hi rigal u Alla jagħtiha lil min jagħtiha.  Mhux kulħadd għandu l-Fidi, u min għandu m’għandux jiġġudika lil min m’għandux għax jekk hu rċieva l-Fidi dan mhux bis-saħħa tiegħu imma bi Grazzja, rigal enormi “gratis”, b’xejn, bla mistħoqq. 

 

 

Mill-bqija, anke l-moħħ naturali tagħna għandu jgħinna naħsbu li Dak li minnu ħarġet il-Ħajja u l-Ħolqien kollu hu wisq kbir u aħna qisna dud żgħar, jew agħar, għal fejnu.  Bħalma n-nemlu jara biss iż-żrar li hemm madwaru u jaħseb li din hi d-dinja kollha għax ma jistax jerfa’ ħarstu lejn il-Muntanja li tinfed is-sħab li hemm quddiemu, hekk il-bniedem quddiem dan il-Misteru.  Imma dan il-Misteru qiegħed jistedinna bil-ħlewwa biex interrqu lejh, bil-mod il-mod, matul ħajjitna, sakemm nagħlqu għajnejna għall-materja t’hawn u niftħuhom għall-Glorja tal-Ġenna, fejn nifhmu kollox u lil Alla narawh kif inhu, jgħid San Pawl, u aħna nkunu bħalu.

 

Il-Fidi hi dejjem esperjenza.  His Storja.  Hi tagħlim ukoll, u l-ewwel idejat dwar Alla rċivejnihom bħala “tagħlim”, imma fuq dan hemm bżonn tinbena esperjenza, ġrajja li tkompli ssawwar il-“foetus” tal-Fidi frott it-tagħlim li nirċievu ta’ żgħar.  Il-Fidi ta’ Abraham hi ġrajja.  Il-Fidi ta’ Iżrael hi ġrajja.  Din hi l-Fidi Bibblika.  U dak li nistgħu ngħarfu dwar Alla jintwera lilna fl-Istorja personali tas-Salvazzjoni tagħna.  Għalhekk it-Trinità għandha tkun ġrajja, storja f’ħajjitna.  Imbierek il-bniedem li jinagħtalu d-dixxerniment li bih jinduna meta Alla jkun għaddej minn quddiemu permezz ta’ xi esperjenza li jkun qed jgħix. 

 

Għandek x’tirrakkonta int dwar Alla?  Dan hu mportanti.  Ħafna nies sempliċi għandhom fuq li għandhom u huma jġorru Memorjali ta’ Alla midfuna fil-profond tagħhom fejn ħadd ma jista’ jisraqhomlhom.  Hu għalhekk li l-kultura dominanti, għalkemm qegħda tagħmel tant ħsara lir-“reliġjon”, ma tista’ qatt tasal biex teqred il-Memorja ta’ Alla u n-nostalġija li l-bniedem għandu għaliH, għax il-Fidi sempliċi ta’ ħafna nies hi mibnija fuq “żjara” li Alla jkun għamlilhom, iktar milli fuq għerf u suppożizzjonijiet.

 

Iktar kemm il-Fidi tikber fina u ssir “adulta”, iktar niskopru, u din hi Grazzja enormi, li l-Missier hu Mħabba.  San Ġwann, fl-Ewwel Ittra meraviljuża tiegħu jgħid: “B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih.  U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.”  (1 Ġw. 4, 9-10). 

 

Issa dan wieħed jista’ jitgħallmu bl-amment, imma jsir Fidi taqbad bħal ħuġġieġa f’qalbu permezz tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Ara x’jgħid dan il-Misteru:  Huwa l-Missier li ħabbna l-ewwel, anke meta lanqas biss konna nafuH, u Hu wera din l-Imħabba tiegħu meta din ġagħlitu jaqsam qalbu billi bagħat lil Ibnu biex ibati u jmut.  Huwa l-Iben li miet għalina, imma aħna nistgħu ngħarfu dan permezz tad-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.  Mingħajr dan id-Dawl, xejn.

 

Dan kollu jnissel fina Imħabba reċiproka.  Meta jaħdem fina l-Ispirtu s-Santu u jbiddlilna l-qalb tal-ġebal f’laħam imqanqal b’Imħabba lejn min ħabbna tant, allura aħna nsiru Ħġejjeġ qaddisa, mimlijin Ħajja, xmajjar ta’ ilma ħaj dejjem ifawwar.  Bin-Nar indawlu u nsaħħnu lil dawk li qed jistennew fid-dlam, waqt li bl-ilmijiet inxebbgħu l-ħerqat tal-bniedem għal Alla.  L-Ispirtu s-Santu jurina bil-ħlewwiet tiegħu kif Alla għamel Kenosi, niżla tremenda fi Kristu.  Hu niżel ’l isfel iktar minna biex jerfagħna ’l fuq, lilna li konna bla saħħa minħabba l-cancer tad-dnub li jgħammar fina. 

 

Hu sar il-Ħaruf li demmu ċċappas mal-bibien tal-qlub ta’ dawk li jemmnu biex il-monstru tal-Mewt, li żgur se jgħaddi minn quddiemna, malli jilmaħ id-Demm ta’ Kristu, jitriegħed  u jibqa’ għaddej!  Imma mhux biss.  Il-Missier qajjem din l-Imħabba li ġiet maqtula bi tpattija għad-dnubiet, qajjimha mill-qabar għax hi aqwa mill-Mewt u għamilha Spirtu li jitferrex fuq il-bnedmin.  F’daqqa waħda, minħabba l-ġebla li tgerbet minn quddiem qabar ħdejn Ġerusalemm elfejn sena ilu, inkiser l-għonq ta’ flixkun ta’ fwieħa bla prezz, u din il-fwieħa xterdet mal-erbat irjieħ tad-dinja, u kull min ġibed nifs ’il ġewwa u xamm din il-fwieħa, beda jgħix tassew!  Dan hu l-Ispirtu s-Santu li Kristu rebbħilna bit-Tbatijiet u r-Rebħa tiegħu, għax kien mibgħut mill-Missier.

 

Ara kif it-Tlieta huma differenti, Persuni differenti, imma fl-istess ħin Ħaġa Waħda, Alla Wieħed, Ħallieq Wieħed.  U aħna lkoll għandna nkunu mimlijin ferħ u radd il-ħajr għax għandna wirt immens miktub fuq isimna minħabba l-Magħmudija.  Aħna werrieta ta’ Alla; werrieta tal-Ħajja tiegħU bla tmiem; u għad insiru ħaġa waħda fit-Trinità, imwaħħda magħha, ingastati fiha f’Imħabba bla tmiem.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-Ħadd fuq il-Pentekoste.

 

Qari mill-Ktieb tal-Proverbi.  8, 22-31.

 

Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta' għemilu,

sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu.

Sa minn dejjem twaqqaft,

mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.

 

Kien għad m'hemmx  l-ibħra l-kbar, meta tnissilt jien,

kien għad m'hemmx għejun inixxu l-ilma;

qabel ma tqiegħdu l-muntanji,

qabel l-għoljiet jien twelidt.

 

Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba' tagħha,

u lanqas l-ewwel traba ta' l-art.

Meta ħejja s-smewwiet jien kont hemm,

meta ħażżeż dawra fuq wiċċ il-baħar kbir,

meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,

u qiegħed fis-sod in-nixxigħat ta' qiegħ il-baħar;

meta ħażżeż trufijiet il-baħar,

biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;

meta qiegħed sisien l-art,

jien kont maġenbu bħala tfajjel,

l-għaxqa tiegħu, jum wara ieħor,

nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu;

nitliegħeb fuq l-art imħejjija għall-bnedmin,

nitgħaxxaq b'ulied il-bnedmin.

 

Salm Responsorjali: Salm 8

 

Ritornell: Mulej, Alla tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

 

Nħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,

il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!

X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih,

bin il-bniedem, biex taħseb fih?

 

Ftit inqas mill-allat għamiltu,

bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,

qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta' idejk!

 

Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:

in-nagħaġ u l-baqar kollha, sa l-bhejjem tax-xagħri;

l-għasafar ta' l-ajru u l-ħut tal-baħar,

dak kollu li jterraq fil-baħar.

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.  5, 1-5.

 

 Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma' Alla, permezz ta' Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin.

 

Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta' Alla.  Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama.   U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta' Alla ssawwbet fi qlubna permezz ta' l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.  16, 12-15.

 

 "Baqagħli ħafna ħwejjeġ x'ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom.  Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma', u jħabbrilkom il-ġejjieni.  Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.  Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.

 

 
< Prev   Next >