Din
hija il- Liturgija tas-Sollenita' tat-Twellid ta' San Gwann Battista( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Profeta huwa l-bniedem
predestinat biex ikun sinjal, imnissel għal dan ġa waqt li jkun qiegħed
jintiseġ f’ġuf ommu. Huwa l-bniedem ta’
Alla per eċċellenza, xhud tiegħu quddiem in-nies komuni imma anke quddiem
is-slaten u n-nies setagħna. Il-Profeta
jgħix f’din id-dinja u jdur u jagħqad qalb in-nies, imma mhux tan-nies u lanqas
ma hu tad-dinja. Il-missjoni tiegħu hi li jxandar il-Kelma ta’ Alla u hekk
iħott is-saqaf tal-konkrit li l-bniedem dejjem jibni bejnu u bejn is-Sema, biex
jagħmel preżenti l-ħwejjeġ li ma jidhrux
imma li huma eterni.
Huwa l-bniedem
“differenti”, sinjal ta’ referenza, dak li malli jarawh in-nies, mill-ewwel
jaħsbu dwar Alla. Anke jekk jisket
fommu, bħalma siket dak ta’ Eżekjel, huwa jitkellem bil-preżenza tiegħu. Huwa dejjem “il-Qaddej ta’ Jahweh” li
jinagħtalu wiċċ donnu miksi biż-żnied biex ma jiddejjaqx mill-bżieq tan-nies,
li ma jmurx ifittex il-glorja mingħand in-nies u hekk jitnawwar minn
ġewwa. Huwa bniedem bħall-oħrajn...
mhuwiex Alla, anke jekk hu mburġat bl-Ispirtu s-Santu li jagħtih dixxerniment,
għarfien dwar dak kollu li jiġri madwaru u dak li hemm wara l-għajnejn ta’ min
qed ikellmu. Minħabba dan id-don tal-Ispirtu
s-Santu, li huwa d-dixxerniment, huwa jaqra l-Istorja ta’ nies komuni, ta’
slaten u ta’ ġnus sħaħ u jara mill-bogħod il-ġrajja li tkun qegħda tinħema
fil-preżent.
Imma huwa bniedem. Hu suġġett għall-mumenti ta’ kriżi
tiegħu. Huwa kbir imma dgħajjef. Huwa opra ta’ Alla, mhux bniedem-Alla. Meta hu tassew Profeta, in-nies ifaħħru lil
Alla, mhux lilu, meta jarawh. Anzi meta
hu ġenwin, hu jitwerwer quddiem it-tentazzjoni li jisraq il-Glorja lil Alla. Hu
konvint li kollox hu frugħa barra Alla u jibki fuq il-kotra belha miġnuna
bl-affarijiet li qed imutu. Hu l-bniedem
tal-paċi imma tal-qilla quddiem l-inġustizzja u l-iskandlu. Hu l-bniedem ta’ qalb ħelwa u umli
maċ-ċkejken imma sur tal-ħadid mal-kburi li jgħaffeġ fuq id-dgħajjef. Hu jibni u jħawwel u jsaqqi u jsaħħaħ, imma
wkoll jaqla’, iħott, iġarraf u jidres.
Huwa l-bniedem li
jitniehed għall-kwiet imma li jagħmel ħafna għedewwa. Fuq fommu għandu l-Kelma ħelwa li xxandar
l-Imħabba ta’ Alla imma wkoll is-saħta quddiem “il-Ġuda” li dejjem jiċħad
il-Pjan ta’ Alla. Hu jixtieq li jwarrab,
jinħeba, jfittex kenn fejn jistrieħ, jiskot, jitbiegħed, imma ma jistax jagħmel
dan għax il-Kelma hi bħal nar taqbad f’għadmu li ma tħallihx kwiet lejl u
nhar. Huwa hu “il-Ferħan”, il-bniedem
mimli bis-sliem ta’ Alla bħal xmara ħanina dejjem tfawwar ġewwa fih, imma arah
dejjem dieħel fil-“Mewt”, dejjem fir-riskju, dejjem jgħix il-Misteru tal-Għid,
mogħdija dejjiema minn Mewt għall-Ħajja, minn Fidi għal Fidi dejjem akbar.
Ġew ħafna Profeti u nies
ġusti, li fihom kollha kien hemm dawn id-doni, imma l-akbar wieħed li qat
twieled minn mara, skont Kristu, huwa Ġwanni l-Battista, il-Profeta l-Kbir,
Elija li kellu jerġa’ jiġi, mimli bin-nar, l-aħħar wieħed iżda l-ewwel. Hu qiegħed fin-nofs tal-Istorja
tas-Salvazzjoni, bejn il-qadim u l-ġdid, la tal-qadim u lanqas tal-ġdid,
imwieled fl-imgħoddi imma qed iħabbar il-ġejjieni, magħġun fl-esperjenza ta’
Iżrael imma qed iħabbar il-wasla tal-“Ġdid”, id-Dawl għall-ġnus kollha, ix-Xemx
tielgħa, il-Messija li kellu jkeċċi d-dlamijiet u dell il-mewt minn moħħ
il-bniedem. (Lq. 1, 78-79).
L-ikbar mument ta’ Ġwanni
kien wieħed sempliċi. Kien qiegħed
mad-dixxipli tiegħu ħdejn il-Ġordan, meta ra lil Ġesù riesaq. Għajnejh waqfu
fuqU u mtela bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu.
Mhux hu kien id-Dawl imma l-Ispirtu mlieh bid-Dawl biex jara dak li ħadd
ma kien qed jara u, fuq kollox, jifhem dak li kien moħbi minn kulħadd. Qam fuq tiegħu u waqt li wera b’sebgħu dritt
u mimli tensjoni, huwa għajjat: “ArawH il-Ħaruf ta’ Alla, Dak li jneħħi d-dnub
tad-dinja!” (Ġw. 1, 29).
Issa din, iva din, kienet
l-ikbar Profezija li qatt intqalet.
F’sentenza waħda, il-Prekursur wettaq il-Missjoni tiegħu. Lil Pietru Ġesù sejjaħlu “hieni!”; mela lil
Ġwanni x’jgħidlu? Hu wera lil Dak li
kellu jiġi, li Iżrael kien ilu jistenna.
Ġwanni kien il-waħdieni li rċieva l-għarfien ta’ x’kellu jwettaq
il-Messija. Din kienet is-solitudni ta’
Ġwanni. Hu kien il-waħdieni li ma rax
iljun riesaq, gwerrier, ħakkiem, mexxej ta’ armati li għalih in-nies imutu,
imma Ħaruf ġwejjed li flok imutu n-nies għalih imut hu għan-nies.
Ġwanni ra li Dak li, sa
fl-aħħar, kien bagħat il-Missier kien għal kollox Sorpriża, għax il-Missier hu
dejjem oriġinali u jaħsad. Hu ra li
s-salvazzjoni ta’ Iżrael ma kinitx mill-poter tal-barrani, lanqas fil-politka,
imma li flok qalb tal-ġebel jinagħta qalb tal-laħam. (Eżek. 36, 26). Induna Ġwanni bin Żakkarija li lill-bniedem
hu għal xejn li tagħtih kollox minn barra jekk ma tbiddlux minn ġewwa.
Quddiem dan l-għerf
qaddis, Ġwanni jgħajjat u jxandar li l-Messija hu l-Ħaruf li b’demmu kellu jifdi
l-kotra bħalma fdiehom fl-aħħar lejl ġewwa l-Eġittu. Il-Profeta ra kemm kbira kienet il-Grazzja
riesqa fuq il-bniedem. Quddiem il-Ħaruf,
Ġwanni nduna li Iżrael kien issa wettaq is-sens tal-eżistenza tiegħu għax kien
welled bi tqala kollha wġiegħ lill-Midluk, lill-Kristu ta’ Alla u li minn issa
’l quddiem m’hemmx iktar Lhudi jew Grieg, ilsir jew ħieles, raġel jew mara,
imma kollox l-istess, għaqda waħda, poplu wieħed għax il-Ħaruf li kien jidher
tant dgħajjef u manswet kellu jġarraf il-ħitan tal-firda bid-demm tiegħu
imxerred.
U dan, wara kollox, hu
l-mandat ta’ kull Nisrani. Ġwanni jħares
lejn in-Nisrani u jgħajjat: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla!” Għax in-Nisrani hu xbieha ta’ Kristu. In-Nisrani huwa wkoll Ġwanni, dak li jwitti
t-triq għal Kristu. Huwa l-Profeta n-Nisrani, għax il-Magħmudija
tagħmlu hekk, u jekk aħna qatt ma ħabbarna lil Kristu jfisser li l-Magħmudija
tagħna għadha ċkejkna u midbiela.
J’Alla l-Knisja tkun
mimlija profeti, kif xtaq darba Mosè.
J’Alla l-Knisja tkun ġemgħa qaddisa ta’ nies li l-Kelma hi bħal nar
jaqbad f’għadamha. J’Alla t-talba ta’
Ġwanni quddiem il-Missier bħalissa tkun li l-Magħmudija ta’ kull wieħed minna,
minn nixxiegħa ċkejkna kważi mnixxfa mill-qilla tax-xemx issir għarar ta’
ilmijiet li ħadd ma jista’ jikkontrollahom biex hekk nifqgħu l-għatx tant kbir
għal Alla li hemm f’din id-dinja-deżert.
Imma dan kollu, inżommu
f’moħħna tajjeb, huwa xogħol Alla. Huwa hu fiċ-ċentru u lejH jipponta b’sebgħu
Ġwanni. Huwa Hu l-“Kollox”. Mhux ta’ b’xejn li s-Salm tal-lum jgħid:
“Tal-għaġeb għamiltni. Int sawwart
il-ġewwieni tiegħi u f’ġuf ommi nsiġtni.”
(S. 139). Ġwanni kien it-tafal,
Alla l-Fuħħari.
Il-Liturġija tal-Kelma
fil-Quddies tal-Jum.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija. 49, 1-6.
Isimgħuni, gżejjer,
agħtuni widen, popli mbiegħda!
Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli,
mill-ġewwieni ta' ommi ftakar f'ismi.
Għamilli fommi xabla misnuna,
taħt id-dell ta' idu ħbieni.
Għamel minni vleġġa maħtura,
fil-barżakka tiegħu ħbieni.
U qalli:
"Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,
bik jiena nkun imfaħħar."
U jien għedt: "Għalxejn inkeddejt,
u fix-xejn ħlejt saħħti."
Imma f'idejn il-Mulej il-kawża tiegħi,
u l-ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.
Issa tkellem il-Mulej,
li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,
biex għandu nraġġa' lura 'l Ġakobb,
u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid,
għax jien kont imfaħħar f'għajnejn il-Mulej,
u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi.
Hu qalli:
"Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,
li inti tkun il-qaddej tiegħi,
biex tqajjem it-tribù ta' Ġakobb,
u traġġa' lura l-fdal ta' Iżrael.
Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,
biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art
tinfirex."
Salm Responsorjali. S. 139.
Ritornell: Irroddlok ħajr, għax
tal-għaġeb għamiltni.
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa.
Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f'ġuf ommi inti nsiġtni.
Nroddlok ħajr, għax b'mod ta' l-għaġeb għamiltni:
ta' l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.
U 'l ruħi inti tafha tajjeb.
Ma kienx moħbi għadmi minnek,
meta kont qiegħed insir fis-satra
u nintiseġ fil-qigħan ta' l-art.
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli. 13, 22-26.
F’dak
iż-żmien: Pawlu qal: ”Alla, lil missirijietna qiegħed bħala sultan
tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda:
’Sibt lil David, bin Ġesse,
raġel skond qalbi,
li jagħmel dak kollu li rrid jien.’
Min-nisel ta' David, Alla,
skond il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù.
Qabel il-miġja tiegħu,
Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta' ndiema lill-poplu kollu ta'
Iżrael. U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal,
'Jien m'iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li
jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta' riġlejh.'
"Ħuti, ulied Abraham,
u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta' din
is-salvazzjoni.”
Qari mill-Evanġelju ta’ San
Luqa. 1, 57-66, 80.
Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u
kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena
kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew
biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal
missieru, imma qabżet ommu u qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun
jismu." Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu hekk fost
qrabatek!"
Mbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil
missieru x'ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u
kiteb hekk: "Ismu huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb.
Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu
nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. U l-ġirien tagħhom
ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma' l-għoljiet
kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f'qalbu
u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id il-Mulej
kienet miegħu.
It-tifel kiber u ssaħħaħ f'ruħu, u baqa' jgħix
fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.
|