Din
hija il- Liturgija tat-Tlettax il-Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kultant aħna, li nixtiequ
nagħrfu dejjem aktar lil Ġesù u l-Misteru tal-Għid tiegħU, ninħakmu minn
pessimiżmu meta nħarsu lejn il-medjokrità tal-mixja tagħna wrajH, u anke lejn
il-qawwa tad-dlam li jaħkem id-dinja ta’ madwarna. Meta nħossuna tant dgħajfa quddiem
it-tentazzjoni, quddiem it-twegħir tal-Ħajja, quddiem is-setgħa reali
tal-ħażen, naħbtu ninfixlu u naqgħu f’moraliżmu mejjet billi nwaħħlu fina
nfusna għax ma tħabatniex biżżejjed, jew addirittura nispiċċaw niġġudikaw lil
għajrna li ma għenuniex iktar. Dan kollu
hu xogħol psikoloġiku tal-għadu li jrid jeqred is-sejħa li aħna nġorru
f’qalbna.
Il-patrijiet antiki
tad-deżert għandhom ħafna rakkonti dwar il-qtigħ il-qalb li żgur ma jkunx ġej
mill-Ispirtu s-Santu! Jirrakkuntaw kif
darba wieħed dixxiplu ta’ Abba magħruf mar għandu u stqarr mas-superjur li
qata’ qalbu għax mhux vera li kien qed jgħix tajjeb il-Ħajja Nisranija. L-Abba talab lil Alla biex lil dan
iż-żagħżugħ jurih il-verità li biha kien imdawwar u qallu: “Ħares lejn
il-punent.” Dak ħares u twerwer b’li
ra. Għax ra armata enormi ta’ xjaten qed
ilestu biex jagħmlulu gwerra.
Iż-żagħżugħ beda jgħajjat kemm jiflaħ bil-biża’ u talab lill-Abba biex
jgħinu. L-Abba qallu: “Issa ħares lejn
il-lvant.” Dak ħares u hemm ra mhux
armata waħda, imma numru kbir ta’ armati ta’ anġli li ħadd ma jista’ jgħoddhom
sa lil hinn mix-xefaq, kollha armati sa snienhom resqin jgħaġġlu biex
jiddefenduh!
Din hija l-verità. Ħafna drabi aħna mpressjonati bix-xogħol
misħut tax-xitan fid-dinja, imma Alla hu ferm, ferm aqwa minnu. Kien hemm min qal li x-xitan mhu xejn ħlief
il-kelb t’Alla, li jbeżża’ għax hu ikraħ u feroċi, imma hu marbut b’katina
ħoxna f’idejn Alla. Ix-xitan jista’
faċilment jinfluwenzana għall-ħażin, imma m’għandux saħħa jġegħelna nidinbu
għax hu marbut f’id min hu aqwa minnu.
Iktar kemm nikbru fil-Fidi iktar tikber il-Fiduċja ħanina u sabiħa
fil-Mulej li jserrħilna moħħna li hu dejjem magħna u mhux se ngħaddu minn provi
li ma jinegħlbux. Anzi Hu stess juża
x-xitan biex ma norqdux, ma nintelqux, ma nitħajmux, imma nibqgħu fuq tagħna
bħal atleti li jridu jirbħu l-kuruna tar-rebħa, jew suldati li jridu jitqabdu
t-taqbida t-tajba.
Alla l-ħin kollu jinsab
jaħdem favur tagħna u favur il-Knisja tiegħU.
Bħalissa stess jinsab isejjaħ dixxipli ġodda, aħwa li għad jagħmlu ġid
kbir b’risq il-fqar, b’risq dawk li huma mbegħdin, dawk li huma maħkuma
mix-xjaten. Imbierka s-Sejħa qaddisa
tal-Mulej u hieni l-bniedem li Alla jsejjaħlu.
Bis-Sejħa ma nifhmux biss Sejħa għall-Presbiterat jew xi tip ta’ Ħajja
kkonsagrata jew reliġjuża. Fil-Knisja
hemm diversi sejħat u kariżmi li l-Mulej iferrex għall-ġid ta’ kulħadd.
Jista’ jkun li int imsejħa
jew imsejjaħ biex tibni familja Nisranija tassew li tkun Knisja Domestika,
Knisja tad-dar li ssostni l-Knisja u li minnha jitwieldu ulied ġodda
għall-Knisja. Illum, is-sejħa biex
wieħed jibni Familja Nisranija tassew hija kbira mmens fil-Knisja u l-poplu ta’
Alla qed jagħraf li m’hemmx futur għaliha mingħajr familji li jkunu ambjent
fejn tissawwar Fidi adulta. Huwa
għalhekk li l-għadu qed jagħmel użu mill-kultura dominanti u moderna biex
jattakka l-familja b’kull mezz.
Imbierka l-Familja fejn
il-preżenza tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla jinħass, Familja li għandha tliet
artali li madwarhom tibni l-Ħajja tagħha: l-artal tal-Ewkaristija li minnu
titmantna bi Kristu ħaj u rebbieħ fuq kull tip ta’ problema; l-artal tal-mejda
tal-ikel tad-dar, li madwarha tinġabar il-Familja f’għaqda u koinonia sabiħa; u
l-artal tas-sodda matrimonjali, fejn il-miżżewġin jgħidu iva lil Alla u
jikkoperaw miegħU biex iġibu fid-dinja dawk l-ulied li jixtieq Hu u hekk
jiċċaħdu mill-egoiżmu tagħhom u jħallu li l-Imħabba tagħmel frott kotran. Huwa hawn, waqt l-att taż-żwieġ magħmul skont
Alla u kif riedu Alla li tinagħta u terġa
tinagħta l-Grazzja tas-Sagrament taż-żwieġ.
Ħafna jibżgħu li meta Alla
jsejjaħ, dan ifisser li se jeħodlok xi ħaġa, jew addirittura se jeħodlok
kollox, ma jħallikx tgħix, ma jħallikx tgawdi l-Ħajja. Din hija bluha, gidba miżrugħa f’moħħ ħafna
mill-għadu. Alla m’għandu bżonn ta’ xejn
minn tagħna. Huwa hu Mħabba u l-Imħabba
ma tafx ħlief tagħti, tagħti, tagħti.
Kif jista’ jkun li Hu li hu l-għajn li minnU ħierġa l-Ħajja għal
kulħadd, kif jista’ jkun li ma jħallikx tgħix, jew jisraqlek il-Ħajja? Il-problema tagħna hi li għandna bżonn
immorru “back to basics”, kif jgħidu l-Ingliżi, immorru lura lejn l-għeruq
tal-Fidi. Għandna bżonn nagħmlu Mixja
ta’ Fidi li tibda mill-bidu, għax nies reliġjużi u “tajbin” għandna kemm trid,
imma qed nieħdu “for granted” il-Fidi tagħna.
Tista’ tkun “reliġjuz” bla ma tkun Nisrani!
Il-Fidi f’Ġesu,
fil-Messija, fil-Kristu ta’ Alla, fil-Waħdieni li jsalva lill-bniedem, tibda
milli wieħed jemmen f’qalbu, u tassew, l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù. Kemm hu mportanti dan! Kristu huwa Aħbar Tajba. Kristu huwa l-Ferħ veru tal-bniedem. Hu jrid jagħtina l-Ħelsien veru biex inkunu
nistgħu niggustaw il-Ħajja u mhux għamilna minnha ġirja sfrenata qiesna mġienen
niġru wara l-karrotta tal-ferħ bla ma qatt nilħquh. B’wiċċi minn quddiem jien ngħid li m’hemmx
Ferħ barra minn Kristu. Il-pjaċir,
il-gost, il-ħlewwiet tad-dinja jgħaddu malajr bħal sufarell tal-festa. Kristu biss hu l-Ferħ. Kristu biss jagħti l-Ħajja ta’ dejjem li
tibda minn hawn. Il-“ħajja” li għandek
int hi suġġetta għal dak li jagħtik ħaddieħor u tista’ tinsteraqlek anke
b’kelma. Kemm “imħabbiet” jinbidlu
f’mibegħda minħabba dan! Altru li Kristu
ma jrid jeħodlok xejn.
Hu qed jistenniek. Hu qed jagħtik ċans tidneb kemm trid, jew fl-“għaqal”
tiegħek tippjana ħajtek kif taħseb li hu l-aħjar int. Hu jistenna, jistenna, għax Hu jaf li int
m’intix se ssib dak li qed tfittex. Hu
jaf li se jasal waqt ta’ kriżi f’Ħajtek meta hu jindaħal u jgħajjatlek b’għajta
qawwija biex iddur lejn fejn hemm is-sens veru ta’ kollox. Hu kapaċi jmisslek qalbek f’sekonda kif
għamel ma Eliżew fil-qari tal-lum, kif qed jagħmel issa stess ma’ tant u tant
aħwa.
Min isib lil Kristu jaf xi
jfissru l-kliem tas-salmista li jgħid “Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’
xortija; inbierek lill-Mulej li tani l-fehma.
Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi, u ġismi wkoll jistrieħ bil-kwiet
għax hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.”
(Salm 15). U inti tgħidli li Alla
jrid jisraqlek il-Ħajja!!!
J’Alla li lil min qed jaqra,
Alla jagħtih il-fehma li l-Ħajja hi Mħabba.
Il-Ħajja vera hi Mħabba. U
l-Imħabba vera hi Alla u ġiet murija lilna f’Ibnu, Kristu Ġesù li qal “Iva!” u
telaq lejn il-Kalvarju biex ikun vittma ta’ tpattija għall-mard, għad-dnub,
għall-ħażen tiegħi u tiegħek. Tgħix =
tħobb. Mela għażel lil Kristu u ssib
is-sens ta’ kollox.
It-Tlettax-il
Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Eliżew mar wara Elija.
1 Slat 19, 16b. 19-21
Qari
mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Elija: “Lil Eliżew bin Safat, ta’ Abel-mehola, idilku
profeta flokok”. Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien
qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi
t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla
l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: “Ħallini mmur insellem lil missieri u
’l ommi, imbagħad niġi warajk”. Qallu Elija: “Mur u erġa’ ejja; għaliex
x’għamiltlek jiena?”. Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom
sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U
hu mar wara Elija, u beda jservih.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 15 (16), 1-2a u 5. 7-8. 9-10. 11
R/. (5a): Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq
tiegħi
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.
Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.
Qari II
Intom ġejtu msejħa għall-ħelsien.
Gal 5, 1.13-18
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies
ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar. Intom
imma, ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx b’dan il-ħelsien
għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba. Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi
waħda: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Jekk intom tgiddmu u tieklu lil
xulxin, oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin!
Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux
għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu
hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu
dak li tixtiequ. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-Liġi.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Sam 3, 9; Ġw 6, 68ċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed
jisma’:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.
Lq 9, 51-62
Qari
mill-Evanġelju skont San Luqa
Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu
jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi
messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu
fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u
Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru
f’raħal ieħor. Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn
tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien
tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn
imidd rasu”.
Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda
dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli
l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U
ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil
tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex
tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|