Sunday, 21 July 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TLETTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) IS-SEJHA TA’ KRISTU
IT-TLETTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) IS-SEJHA TA’ KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 29 June 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tlettax il-Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

sermononthemount.jpg

 

Kultant aħna, li nixtiequ nagħrfu dejjem aktar lil Ġesù u l-Misteru tal-Għid tiegħU, ninħakmu minn pessimiżmu meta nħarsu lejn il-medjokrità tal-mixja tagħna wrajH, u anke lejn il-qawwa tad-dlam li jaħkem id-dinja ta’ madwarna.  Meta nħossuna tant dgħajfa quddiem it-tentazzjoni, quddiem it-twegħir tal-Ħajja, quddiem is-setgħa reali tal-ħażen, naħbtu ninfixlu u naqgħu f’moraliżmu mejjet billi nwaħħlu fina nfusna għax ma tħabatniex biżżejjed, jew addirittura nispiċċaw niġġudikaw lil għajrna li ma għenuniex iktar.  Dan kollu hu xogħol psikoloġiku tal-għadu li jrid jeqred is-sejħa li aħna nġorru f’qalbna.

 

Il-patrijiet antiki tad-deżert għandhom ħafna rakkonti dwar il-qtigħ il-qalb li żgur ma jkunx ġej mill-Ispirtu s-Santu!  Jirrakkuntaw kif darba wieħed dixxiplu ta’ Abba magħruf mar għandu u stqarr mas-superjur li qata’ qalbu għax mhux vera li kien qed jgħix tajjeb il-Ħajja Nisranija.  L-Abba talab lil Alla biex lil dan iż-żagħżugħ jurih il-verità li biha kien imdawwar u qallu: “Ħares lejn il-punent.”  Dak ħares u twerwer b’li ra.  Għax ra armata enormi ta’ xjaten qed ilestu biex jagħmlulu gwerra.  Iż-żagħżugħ beda jgħajjat kemm jiflaħ bil-biża’ u talab lill-Abba biex jgħinu.  L-Abba qallu: “Issa ħares lejn il-lvant.”  Dak ħares u hemm ra mhux armata waħda, imma numru kbir ta’ armati ta’ anġli li ħadd ma jista’ jgħoddhom sa lil hinn mix-xefaq, kollha armati sa snienhom resqin jgħaġġlu biex jiddefenduh!

 

 

Din hija l-verità.  Ħafna drabi aħna mpressjonati bix-xogħol misħut tax-xitan fid-dinja, imma Alla hu ferm, ferm aqwa minnu.  Kien hemm min qal li x-xitan mhu xejn ħlief il-kelb t’Alla, li jbeżża’ għax hu ikraħ u feroċi, imma hu marbut b’katina ħoxna f’idejn Alla.  Ix-xitan jista’ faċilment jinfluwenzana għall-ħażin, imma m’għandux saħħa jġegħelna nidinbu għax hu marbut f’id min hu aqwa minnu.  Iktar kemm nikbru fil-Fidi iktar tikber il-Fiduċja ħanina u sabiħa fil-Mulej li jserrħilna moħħna li hu dejjem magħna u mhux se ngħaddu minn provi li ma jinegħlbux.  Anzi Hu stess juża x-xitan biex ma norqdux, ma nintelqux, ma nitħajmux, imma nibqgħu fuq tagħna bħal atleti li jridu jirbħu l-kuruna tar-rebħa, jew suldati li jridu jitqabdu t-taqbida t-tajba.

 

Alla l-ħin kollu jinsab jaħdem favur tagħna u favur il-Knisja tiegħU.  Bħalissa stess jinsab isejjaħ dixxipli ġodda, aħwa li għad jagħmlu ġid kbir b’risq il-fqar, b’risq dawk li huma mbegħdin, dawk li huma maħkuma mix-xjaten.  Imbierka s-Sejħa qaddisa tal-Mulej u hieni l-bniedem li Alla jsejjaħlu.  Bis-Sejħa ma nifhmux biss Sejħa għall-Presbiterat jew xi tip ta’ Ħajja kkonsagrata jew reliġjuża.  Fil-Knisja hemm diversi sejħat u kariżmi li l-Mulej iferrex għall-ġid ta’ kulħadd. 

 

Jista’ jkun li int imsejħa jew imsejjaħ biex tibni familja Nisranija tassew li tkun Knisja Domestika, Knisja tad-dar li ssostni l-Knisja u li minnha jitwieldu ulied ġodda għall-Knisja.  Illum, is-sejħa biex wieħed jibni Familja Nisranija tassew hija kbira mmens fil-Knisja u l-poplu ta’ Alla qed jagħraf li m’hemmx futur għaliha mingħajr familji li jkunu ambjent fejn tissawwar Fidi adulta.  Huwa għalhekk li l-għadu qed jagħmel użu mill-kultura dominanti u moderna biex jattakka l-familja b’kull mezz. 

 

Imbierka l-Familja fejn il-preżenza tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla jinħass, Familja li għandha tliet artali li madwarhom tibni l-Ħajja tagħha: l-artal tal-Ewkaristija li minnu titmantna bi Kristu ħaj u rebbieħ fuq kull tip ta’ problema; l-artal tal-mejda tal-ikel tad-dar, li madwarha tinġabar il-Familja f’għaqda u koinonia sabiħa; u l-artal tas-sodda matrimonjali, fejn il-miżżewġin jgħidu iva lil Alla u jikkoperaw miegħU biex iġibu fid-dinja dawk l-ulied li jixtieq Hu u hekk jiċċaħdu mill-egoiżmu tagħhom u jħallu li l-Imħabba tagħmel frott kotran.  Huwa hawn, waqt l-att taż-żwieġ magħmul skont Alla u kif riedu Alla li tinagħta u terġa  tinagħta l-Grazzja tas-Sagrament taż-żwieġ.

 

Ħafna jibżgħu li meta Alla jsejjaħ, dan ifisser li se jeħodlok xi ħaġa, jew addirittura se jeħodlok kollox, ma jħallikx tgħix, ma jħallikx tgawdi l-Ħajja.  Din hija bluha, gidba miżrugħa f’moħħ ħafna mill-għadu.  Alla m’għandu bżonn ta’ xejn minn tagħna.  Huwa hu Mħabba u l-Imħabba ma tafx ħlief tagħti, tagħti, tagħti.  Kif jista’ jkun li Hu li hu l-għajn li minnU ħierġa l-Ħajja għal kulħadd, kif jista’ jkun li ma jħallikx tgħix, jew jisraqlek il-Ħajja?  Il-problema tagħna hi li għandna bżonn immorru “back to basics”, kif jgħidu l-Ingliżi, immorru lura lejn l-għeruq tal-Fidi.  Għandna bżonn nagħmlu Mixja ta’ Fidi li tibda mill-bidu, għax nies reliġjużi u “tajbin” għandna kemm trid, imma qed nieħdu “for granted” il-Fidi tagħna.  Tista’ tkun “reliġjuz” bla ma tkun Nisrani!

 

Il-Fidi f’Ġesu, fil-Messija, fil-Kristu ta’ Alla, fil-Waħdieni li jsalva lill-bniedem, tibda milli wieħed jemmen f’qalbu, u tassew, l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù.  Kemm hu mportanti dan!  Kristu huwa Aħbar Tajba.  Kristu huwa l-Ferħ veru tal-bniedem.  Hu jrid jagħtina l-Ħelsien veru biex inkunu nistgħu niggustaw il-Ħajja u mhux għamilna minnha ġirja sfrenata qiesna mġienen niġru wara l-karrotta tal-ferħ bla ma qatt nilħquh.  B’wiċċi minn quddiem jien ngħid li m’hemmx Ferħ barra minn Kristu.  Il-pjaċir, il-gost, il-ħlewwiet tad-dinja jgħaddu malajr bħal sufarell tal-festa.  Kristu biss hu l-Ferħ.  Kristu biss jagħti l-Ħajja ta’ dejjem li tibda minn hawn.  Il-“ħajja” li għandek int hi suġġetta għal dak li jagħtik ħaddieħor u tista’ tinsteraqlek anke b’kelma.  Kemm “imħabbiet” jinbidlu f’mibegħda minħabba dan!  Altru li Kristu ma jrid jeħodlok xejn.

 

Hu qed jistenniek.  Hu qed jagħtik ċans tidneb kemm trid, jew fl-“għaqal” tiegħek tippjana ħajtek kif taħseb li hu l-aħjar int.  Hu jistenna, jistenna, għax Hu jaf li int m’intix se ssib dak li qed tfittex.  Hu jaf li se jasal waqt ta’ kriżi f’Ħajtek meta hu jindaħal u jgħajjatlek b’għajta qawwija biex iddur lejn fejn hemm is-sens veru ta’ kollox.  Hu kapaċi jmisslek qalbek f’sekonda kif għamel ma Eliżew fil-qari tal-lum, kif qed jagħmel issa stess ma’ tant u tant aħwa. 

 

Min isib lil Kristu jaf xi jfissru l-kliem tas-salmista li jgħid “Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija; inbierek lill-Mulej li tani l-fehma.  Tifraħ għalhekk qalbi u tithenna ruħi, u ġismi wkoll jistrieħ bil-kwiet għax hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.”  (Salm 15).  U inti tgħidli li Alla jrid jisraqlek il-Ħajja!!!

 

J’Alla li lil min qed jaqra, Alla jagħtih il-fehma li l-Ħajja hi Mħabba.  Il-Ħajja vera hi Mħabba.  U l-Imħabba vera hi Alla u ġiet murija lilna f’Ibnu, Kristu Ġesù li qal “Iva!” u telaq lejn il-Kalvarju biex ikun vittma ta’ tpattija għall-mard, għad-dnub, għall-ħażen tiegħi u tiegħek.  Tgħix = tħobb.  Mela għażel lil Kristu u ssib is-sens ta’ kollox.

 

It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Eliżew mar wara Elija.

1 Slat 19, 16b. 19-21

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Elija: Lil Eliżew bin Safat, ta’ Abel-mehola, idilku profeta flokok”. Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: “Ħallini mmur insellem lil missieri u ’l ommi, imbagħad niġi warajk”. Qallu Elija: “Mur u erġa’ ejja; għaliex x’għamiltlek jiena?”Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U hu mar wara Elija, u beda jservih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16), 1-2a u 5. 7-8. 9-10. 11

 

R/. (5a): Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,

m’għandix ġid ieħor ħliefek”.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija. R/.

 

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

imqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Qari II

Intom ġejtu msejħa għall-ħelsien.

Gal 5, 1.13-18

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar. Intom imma, ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba. Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin!

 

Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-Liġi.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Sam 3, 9; Ġw 6, 68ċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’:

Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.

Lq 9, 51-62

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.

 

Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >