Din
hija il- Liturgija ta' L-Erbatax il-Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kristu ġie fid-dinja biex
ineħħi l-gwerra minn qalb il-bniedem u minflok jimlihielu bis-Sliem. Il-Profeta Eżekjel għandu profeżija mill-aqwa
fuq il-missjoni tal-Messija meta l-Ispirtu s-Santu qal b’fommu: “Inroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew
mit-tinġis kollu tagħkom, mill-idoli kollha tagħkom insaffikom. U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed
ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam
flokha. U nqiegħed ruħi fikom, u nagħmel
li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u
tħarsuhom.” (Eżek. 36, 25-27).
L-Istorja tal-bniedem u tal-politika hija
mimliha attentati biex tinbena paċi
dejjiema li fiha l-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu bħal aħwa u jikkoperaw biex
jaħkmu l-ħolqien għall-ġid ta’ kulħadd.
Imma dan l-isforz huwa traġikament miġruħ minħabba s-susa tal-mewt li
hemm f’kulma jagħmel il-bniedem. F’qalb
il-bniedem hemm il-biża’ tal-mewt u dan jagħmlu awtomatikament egoista,
jiġbed lejh bla ma jrid. Hemm id kiesħa
tagħfas madwar qalbu li jagħmlu jħobb lil min iħobbu u jibnih, imma jobgħod lil
min jheddu u jagħmillu l-ħsara. F’din
il-qagħda, l-istagħġib hu li jiġi żmien meta jkollna xi tip ta’ paċi. Hitler, eżempju estrem ta’ fejn jista’ jasal
il-bniedem fl-egoiżmi tiegħu, qal li l-Istorja tal-bniedem hi Storja ta’
gwerra, bi ftit intervalli ta’ paċi ’l hemm u ’l hawn biex il-bniedem jerġa’
jiġbor saħħtu għal gwerra oħra.
Huwa f’dan l-ambjent li
l-Iben ta’ Alla libes laħam bħal tagħna biex jagħmel gwerra lill-mewt u
lil dak kollu li jbeżża’ lill-bniedem f’qalbu, biex hekk ineħħi l-egoiżmu minn
ġo fiha u tgħammar minfloku l-Imħabba.
Il-Vanġelu ta’ Kristu hu l-vera politika, l-ogħla politika li
qatt ixxandret għax tipponta lejn fejn hemm il-problema vera: il-qalb. Jekk lill-bniedem ma tibdillux qalbu, tista’
tibdillu dak kollu ta’ madwaru u timlih bil-ġid, bil-kumditajiet u d-drittijiet
kollha, imma s-sliem jibqa’ mbiegħed.
In-Nisrani jemmen b’qalbu
kollha li s-Sliem tal-qalb jiġi minn Alla, u l-għarfien tal-Imħabba
tiegħu, li ntweriet lill-bniedem meta Hu reħa lil Ibnu għall-mewt biex għajnejn
il-bnedmin jinfetħu u jikkonvinċu ruħhom li Alla hu Missierhom u huma maħbubin
bħala wliedu. Din l-Aħbar it-Tajba hi
ċ-ċavetta tal-bidla fil-qalb, ta’ “Twelid Ġdid” kif isejħilha Kristu.
Il-bniedem kesħet qalbu
l-ewwel darba meta dineb fl-Għeden. Adam
jistaħba wara martu u jakkuża lilha.
Dehret il-firda. Kulħadd jaħseb
għal rasu u meta wieħed ikun daħru mal-ħajt u ma jaħseb f’xejn ħlief f’kif se
jsalva ġildu. Din hi l-gwerra f’qalb
il-bniedem li tirriżulta fi gwerra bejn il-ġnus. Kif se titfejjaqlu din il-ġerħa lill-bniedem
jekk mhux bil-Fidi li Alla mhux rival tiegħu; li m’hemmx għalfejn jaħseb għal
rasu l-ħin kollu, għax l-Istorja qed jinsiġhielu Alla u Hu se jipprovdilu; li
saħansitra l-mewt inbelgħet fir-rebħa
(1 Kor. 15, 54), u fi Kristu jgħib
il-biża’ tagħha għax l-Imħabba tkeċċi
l-biża’ ’l barra (1 Ġw. 4, 18)?
Imma kif se naslu għal
dan? Ir-reliġjonijiet kollha pruvaw u
fallew. Hawn qed nitkellmu fuq xi ħaġa
aqwa, ikbar, iktar tal-għaġeb. Kristu hu
aqwa mir-“reliġjon”. Hu ma ġiex biex
iwaqqaf “reliġjon” oħra imma biex, permezz tal-Misteru tal-Għid, jeqred
il-bniedem il-qadim li jgħammar f’kull wieħed minna u joħloq il-bniedem skont
il-Pjan ta’ Alla: bniedem li għadda mill-mewt għal Ħajja ta’ Dejjem ġa minn
hawn; bniedem mimli bl-Ispirtu s-Santu li hu aqwa mill-mewt u li jixhed
lill-bniedem f’qalbu li hu Iben Alla.
Dan iseħħ bil-Fidi li tikber mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla li hi bħal
ħalib minn sider il-Knisja. Isaija
jgħid: “Hekk intom terdgħu u tixbgħu
minn sider il-faraġ tagħha; terdgħu u titgħaxxqu minn sider is-sebħ
tagħha.” (Is. 66, 11).
Is-Sliem hu Ferħ. Fejn hemm is-Sliem hemm il-Ferħ. Ħares
madwarek u ara jekk kull ma tara hux Grazzja, qal S. Wistin. Ħares madwarek. Imma, inti tigħidli, “X’qed tara?” Hawn nies b’għajnejn morda u oħrajn
b’għajnejn jaraw l-għeġubijiet ta’ Alla fil-ħolqien u fl-Istorja tagħhom. Minn kif tara l-affarijiet jiddependi jekk
f’qalbek ikollokx Sliem jew irvell u ribelljoni konta Alla u kontra ħutek
il-bnedmin. Ejjew u araw l-għemejjel ta’
Alla; tal-għaġeb f’għemilu fost il-bnedmin!
(S. 66, 5). Iżrael kien
dejjem itenni dak li għamel miegħu Alla fl-Istorja tiegħu. “Biddel
il-baħar f’art niexfa, għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara. Għalhekk nifirħu bih!” (S. 66, 6). Din hi Kelma għalik. Meta Alla nixxef il-baħar tal-problemi
tiegħek? Jew m’għandekx għajnejn
biex tara dak li qed jiġri madwarek? Int
il-mimmi t’għajnejn Alla u żgur li din l-Imħabba tidher fl-Istorja
tiegħek. Importanti li jkollok
x’tirrakkonta fuq Alla almenu miegħek innifsek: Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel miegħi il-Mulej. (S. 66, 16).
L-għana tad-dinja,
is-suċċessi, il-fama, li jirnexxilek taħtaf dak li trid, dawn l-affarijiet
kollha jlellxu u jiġbduna bħal kalamita.
Imma “deep down” nafu li is-Sliem veru qiegħed x’imkien ieħor. Id-dinja nnifisha tgħallimna. Alla jdendlilna
Salib ma għonqna, madmad tqil imma glorjuż, idejjaqna imma jleqq bħad-deheb,
biex jaqtagħna mid-dinja u jittrenjana nħarsu lejn is-Sema, is-Sema li
tinsab fina, fil-ġewwieni tagħna.
Kulħadd għandu t-tbatija tiegħu, imma din għandha sens għax mingħajrha
mitlufin aħna!
San Pawl jgħid: Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jiena
għad-dinja. (Gal. 6, 14). Is-Salib, għal Kristu, kien it-Tron
tas-Sultan, it-Triq li waslitu għall-Glorja ta’ Ħajja bla tmiem, is-sodda ta’
mħabba fejn hu ta kollox għalina. Min
tassew jemmen f’dan, allura anke s-salib tiegħu jiddawwal. Min hu tad-dinja jirvilla quddiem is-salib u
jsir vjolenti u jiddefendi ruħu mit-tbatija u jsir għadu ta’ Alla u jidgħi biH
waqt li jisħet xortih.
Imma għal dawk li huma ta’
Alla, is-salib iċekkinhom, ifaqqarhom, jagħmilhom sempliċi bħal ħrief. Dawn huma tassew ulied is-Sliem. Huma dawn li
jistgħu b’wiċċhom minn quddiem iħabbru s-Sliem ta’ Kristu, għax daquh qabel
huma. Imma t-tħabbir ta’ Kristu
jmeruh ulied id-dlam, dawk li jemmnu li jistgħu jibnu l-Ġenna hawn bl-għana u
l-pjaċir tad-dinja. Għalhekk tidher
quddiemna l-kontradizzjoni kbira: ix-xandir
tas-Sliem iqajjem gwerra! Kristu
nnifsu qal darba: “Taħsbu intom li jien
ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le,
ngħidilkom, imma l-firda!” (Lq. 12, 51). Ġesù jnissel paċi u paċi bil-kotra f’qalb
dawk li jemmnuH u ma jaħsbux ħażin fiH meta ma jifhmuhx. Imma staqsu lill-Insara ppersegwitati
minħabba fl-Isem ta’ Ġesù... staqsuhom kemm swietilhom din il-paċi nterjuri li
ħadd ma jista’ jisraqhielhom. Staqsu
lill-Insara f’ħafna mill-pajjiżi Iżlamiċi u saħansitra fil-pajjiżi tal-punent
fejn taparsi hemm il-ħelsien imma fejn qed jgħaddu liġijiet li min irid
jimxi wara Kristu jkollu jiksirhom.
Fl-istess familji, tinbet
firda għax min jieħu lil Kristu bis-serjetà jiġi kkritikat u mwaqqa’ għaċ-ċajt
l-ewwel min-nies ta’ daru stess. Imma
min isib lil Kristu għandu Sliem misterjuż.
Hu qal: “Jiena nħallilkom
is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih
id-dinja.” (Ġw. 14, 27). Sliem differenti li jafu min iġarrbu. Għax int tista’ tkun imdawwar bit-tiġrib imma
f’qalbek hemm is-Sliem. “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt
id-dinja!” (Ġw, 16, 33).
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-Erbatax-il Ħadd.
Qari I
Se nifrex fuqha
s-sliem bħal xmara.
Is 66, 10-14ċ
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Ifirħu lil Ġerusalemm,
thennew biha,
intom ilkoll ħbieb
tagħha!
Aqbżu bil-ferħ,
intom ilkoll li qsamtu
swied il-qalb magħha!
Hekk intom terdgħu u
tixbgħu
minn sider il-faraġ
tagħha;
terdgħu u titgħaxxqu
mis-sider mimli tagħha.
Għaliex dan jgħid
il-Mulej:
“Arani! Se nifrex fuqha
s-sliem bħal xmara,
u bħal xmara tfur
il-ġid tal-ġnus.
U intom terdgħu u fuq
id-dirgħajn tintrefgħu,
u jżiegħlu bikom fuq
l-irkupptejn.
Bħalma omm tfarraġ lil
binha,
hekk jiena nfarraġ
lilkom
u f’Ġerusalemm
titfarrġu.
Taraw u tifraħ qalbkom,
u għadamkom bħal ħaxix
iħaddar;
u jagħrfu fil-qaddejja
tiegħu id il-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 65 (66),
1-3a.4-5.6-7a.16 u 20
R/. (1): Għajtu
bil-ferħ lil Alla
Għajtu bil-ferħ lil
Alla,
bnedmin tad-dinja
kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u
t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm
int tal-biża’ f’għemilek!” R/.
“L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni
lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel
ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu
fost il-bnedmin. R/.
Biddel il-baħar f’art
niexfa,
għaddew bil-mixi minn
nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor
tiegħu għal dejjem! R/.
Ejjew, isimgħu, u
ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu
minn Alla,
ngħidilkom x’għamel
miegħi.
Imbierek Alla, li ma
warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi
t-tjieba tiegħu! R/.
Qari II
Jien inġib f’ġismi
l-marki ta’ Kristu.
Gal 6, 14-18
Għeluq tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Galatin
Ħuti, ngħid għalija, ma
jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih
id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha,
xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din
ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla. Mil-lum ’il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien
inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun
magħkom, ħuti. Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Kol 3, 15a.16a
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Ħalli s-sliem ta’
Kristu jsaltan fi qlubkom;
Ħalli l-kelma ta’
Kristu tgħammar sħiħa fikom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jistrieħ is-sliem
tagħkom fuqu.
Lq 10, 1-12.17-20
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien,
il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt
u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema
ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!
Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but,
la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.
Fid-dar fejn tidħlu,
l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar”. U jekk fiha jkun hemm min iħobb
is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’
lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma,
għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull
belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu
l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”.
Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu:
“Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu
afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet”. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal
Sodoma milli għal dik il-belt”.
It-tnejn u sebgħin
reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba
f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa
mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu
kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu,
li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub
fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|