Sunday, 21 July 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) IS-SLIEM TA’ KRISTU
L-ERBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) IS-SLIEM TA’ KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 06 July 2019

Din hija il- Liturgija ta' L-Erbatax il-Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

gesu_72.jpg

 

Kristu ġie fid-dinja biex ineħħi l-gwerra minn qalb il-bniedem u minflok jimlihielu bis-Sliem.  Il-Profeta Eżekjel għandu profeżija mill-aqwa fuq il-missjoni tal-Messija meta l-Ispirtu s-Santu qal b’fommu: “Inroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom, mill-idoli kollha tagħkom insaffikom.  U nagħtikom qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam flokha.  U nqiegħed ruħi fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.” (Eżek. 36, 25-27).

 

L-Istorja tal-bniedem u tal-politika hija mimliha attentati biex tinbena paċi dejjiema li fiha l-bnedmin ikunu jistgħu jgħixu bħal aħwa u jikkoperaw biex jaħkmu l-ħolqien għall-ġid ta’ kulħadd.  Imma dan l-isforz huwa traġikament miġruħ minħabba s-susa tal-mewt li hemm f’kulma jagħmel il-bniedem.  F’qalb il-bniedem hemm il-biża’ tal-mewt u dan jagħmlu awtomatikament egoista, jiġbed lejh bla ma jrid.  Hemm id kiesħa tagħfas madwar qalbu li jagħmlu jħobb lil min iħobbu u jibnih, imma jobgħod lil min jheddu u jagħmillu l-ħsara.  F’din il-qagħda, l-istagħġib hu li jiġi żmien meta jkollna xi tip ta’ paċi.  Hitler, eżempju estrem ta’ fejn jista’ jasal il-bniedem fl-egoiżmi tiegħu, qal li l-Istorja tal-bniedem hi Storja ta’ gwerra, bi ftit intervalli ta’ paċi ’l hemm u ’l hawn biex il-bniedem jerġa’ jiġbor saħħtu għal gwerra oħra.

 

Huwa f’dan l-ambjent li l-Iben ta’ Alla libes laħam bħal tagħna biex jagħmel gwerra lill-mewt u lil dak kollu li jbeżża’ lill-bniedem f’qalbu, biex hekk ineħħi l-egoiżmu minn ġo fiha u tgħammar minfloku l-Imħabba.  Il-Vanġelu ta’ Kristu hu l-vera politika, l-ogħla politika li qatt ixxandret għax tipponta lejn fejn hemm il-problema vera: il-qalb.  Jekk lill-bniedem ma tibdillux qalbu, tista’ tibdillu dak kollu ta’ madwaru u timlih bil-ġid, bil-kumditajiet u d-drittijiet kollha, imma s-sliem jibqa’ mbiegħed.

 

In-Nisrani jemmen b’qalbu kollha li s-Sliem tal-qalb jiġi minn Alla, u l-għarfien tal-Imħabba tiegħu, li ntweriet lill-bniedem meta Hu reħa lil Ibnu għall-mewt biex għajnejn il-bnedmin jinfetħu u jikkonvinċu ruħhom li Alla hu Missierhom u huma maħbubin bħala wliedu.  Din l-Aħbar it-Tajba hi ċ-ċavetta tal-bidla fil-qalb, ta’ “Twelid Ġdid” kif isejħilha Kristu.

 

Il-bniedem kesħet qalbu l-ewwel darba meta dineb fl-Għeden.  Adam jistaħba wara martu u jakkuża lilha.  Dehret il-firda.  Kulħadd jaħseb għal rasu u meta wieħed ikun daħru mal-ħajt u ma jaħseb f’xejn ħlief f’kif se jsalva ġildu.  Din hi l-gwerra f’qalb il-bniedem li tirriżulta fi gwerra bejn il-ġnus.  Kif se titfejjaqlu din il-ġerħa lill-bniedem jekk mhux bil-Fidi li Alla mhux rival tiegħu; li m’hemmx għalfejn jaħseb għal rasu l-ħin kollu, għax l-Istorja qed jinsiġhielu Alla u Hu se jipprovdilu; li saħansitra l-mewt inbelgħet fir-rebħa (1 Kor. 15, 54), u fi Kristu jgħib il-biża’ tagħha għax l-Imħabba tkeċċi l-biża’ ’l barra  (1 Ġw. 4, 18)?

 

Imma kif se naslu għal dan?  Ir-reliġjonijiet kollha pruvaw u fallew.  Hawn qed nitkellmu fuq xi ħaġa aqwa, ikbar, iktar tal-għaġeb.  Kristu hu aqwa mir-“reliġjon”.  Hu ma ġiex biex iwaqqaf “reliġjon” oħra imma biex, permezz tal-Misteru tal-Għid, jeqred il-bniedem il-qadim li jgħammar f’kull wieħed minna u joħloq il-bniedem skont il-Pjan ta’ Alla: bniedem li għadda mill-mewt għal Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn; bniedem mimli bl-Ispirtu s-Santu li hu aqwa mill-mewt u li jixhed lill-bniedem f’qalbu li hu Iben Alla.  Dan iseħħ bil-Fidi li tikber mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla li hi bħal ħalib minn sider il-Knisja.  Isaija jgħid: “Hekk intom terdgħu u tixbgħu minn sider il-faraġ tagħha; terdgħu u titgħaxxqu minn sider is-sebħ tagħha.”  (Is. 66, 11). 

 

Is-Sliem hu Ferħ.  Fejn hemm is-Sliem hemm il-Ferħ. Ħares madwarek u ara jekk kull ma tara hux Grazzja, qal S. Wistin.  Ħares madwarek.  Imma, inti tigħidli, “X’qed tara?”  Hawn nies b’għajnejn morda u oħrajn b’għajnejn jaraw l-għeġubijiet ta’ Alla fil-ħolqien u fl-Istorja tagħhom.  Minn kif tara l-affarijiet jiddependi jekk f’qalbek ikollokx Sliem jew irvell u ribelljoni konta Alla u kontra ħutek il-bnedmin. Ejjew u araw l-għemejjel ta’ Alla; tal-għaġeb f’għemilu fost il-bnedmin!  (S. 66, 5).  Iżrael kien dejjem itenni dak li għamel miegħu Alla fl-Istorja tiegħu.  “Biddel il-baħar f’art niexfa, għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.  Għalhekk nifirħu bih!”  (S. 66, 6).  Din hi Kelma għalik.  Meta Alla nixxef il-baħar tal-problemi tiegħek?  Jew m’għandekx għajnejn biex tara dak li qed jiġri madwarek?  Int il-mimmi t’għajnejn Alla u żgur li din l-Imħabba tidher fl-Istorja tiegħek.  Importanti li jkollok x’tirrakkonta fuq Alla almenu miegħek innifsek: Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel miegħi il-Mulej. (S. 66, 16).

 

L-għana tad-dinja, is-suċċessi, il-fama, li jirnexxilek taħtaf dak li trid, dawn l-affarijiet kollha jlellxu u jiġbduna bħal kalamita.  Imma “deep down” nafu li is-Sliem veru qiegħed x’imkien ieħor.  Id-dinja nnifisha tgħallimna. Alla jdendlilna Salib ma għonqna, madmad tqil imma glorjuż, idejjaqna imma jleqq bħad-deheb, biex jaqtagħna mid-dinja u jittrenjana nħarsu lejn is-Sema, is-Sema li tinsab fina, fil-ġewwieni tagħna.  Kulħadd għandu t-tbatija tiegħu, imma din għandha sens għax mingħajrha mitlufin aħna! 

 

San Pawl jgħid: Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jiena għad-dinja.  (Gal. 6, 14).  Is-Salib, għal Kristu, kien it-Tron tas-Sultan, it-Triq li waslitu għall-Glorja ta’ Ħajja bla tmiem, is-sodda ta’ mħabba fejn hu ta kollox għalina.  Min tassew jemmen f’dan, allura anke s-salib tiegħu jiddawwal.  Min hu tad-dinja jirvilla quddiem is-salib u jsir vjolenti u jiddefendi ruħu mit-tbatija u jsir għadu ta’ Alla u jidgħi biH waqt li jisħet xortih.

 

Imma għal dawk li huma ta’ Alla, is-salib iċekkinhom, ifaqqarhom, jagħmilhom sempliċi bħal ħrief.  Dawn huma tassew ulied is-Sliem. Huma dawn li jistgħu b’wiċċhom minn quddiem iħabbru s-Sliem ta’ Kristu, għax daquh qabel huma.  Imma t-tħabbir ta’ Kristu jmeruh ulied id-dlam, dawk li jemmnu li jistgħu jibnu l-Ġenna hawn bl-għana u l-pjaċir tad-dinja.  Għalhekk tidher quddiemna l-kontradizzjoni kbira:  ix-xandir tas-Sliem iqajjem gwerra!  Kristu nnifsu qal darba: “Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja?  Le, ngħidilkom, imma l-firda!”  (Lq. 12, 51).  Ġesù jnissel paċi u paċi bil-kotra f’qalb dawk li jemmnuH u ma jaħsbux ħażin fiH meta ma jifhmuhx.  Imma staqsu lill-Insara ppersegwitati minħabba fl-Isem ta’ Ġesù... staqsuhom kemm swietilhom din il-paċi nterjuri li ħadd ma jista’ jisraqhielhom.  Staqsu lill-Insara f’ħafna mill-pajjiżi Iżlamiċi u saħansitra fil-pajjiżi tal-punent fejn taparsi hemm il-ħelsien imma fejn qed jgħaddu liġijiet li min irid jimxi wara Kristu jkollu jiksirhom.

 

Fl-istess familji, tinbet firda għax min jieħu lil Kristu bis-serjetà jiġi kkritikat u mwaqqa’ għaċ-ċajt l-ewwel min-nies ta’ daru stess.  Imma min isib lil Kristu għandu Sliem misterjuż.  Hu qal: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.”  (Ġw. 14, 27).  Sliem differenti li jafu min iġarrbu.  Għax int tista’ tkun imdawwar bit-tiġrib imma f’qalbek hemm is-Sliem.  “Fid-dinja tbatu jkollkom.  Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”  (Ġw, 16, 33).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-Erbatax-il Ħadd.

 

Qari I

Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara.

Is 66, 10-14ċ

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,

intom ilkoll ħbieb tagħha!

Aqbżu bil-ferħ,

intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha!

Hekk intom terdgħu u tixbgħu

minn sider il-faraġ tagħha;

terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.

Għaliex dan jgħid il-Mulej:

“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,

u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.

U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,

u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.

Bħalma omm tfarraġ lil binha,

hekk jiena nfarraġ lilkom

u f’Ġerusalemm titfarrġu.

Taraw u tifraħ qalbkom,

u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;

u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16 u 20

 

R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla

 

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta’ ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!” R/.

 

L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek”.

Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;

tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.

 

Biddel il-baħar f’art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem! R/.

 

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x’għamel miegħi.

Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.

 

Qari II

Jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu.

Gal 6, 14-18

 

Għeluq tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla. Mil-lum ’il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Kol 3, 15a.16a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;

Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.

Lq 10, 1-12.17-20

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.

 

Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar”. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: “Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet”. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.

 

It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >