Din
hija il- Liturgija tal-Hmistax il-Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Meta
Alla jagħtina kmandament biex aħna nimxu fuqu, dan ma jagħmlux biex iċekkina,
jillimitana, jisirqilna l-ħelsien tagħna li, wara kollox, kien Hu li
tahulna. Fil-fatt din kienet l-ewwel
tixwixa li l-bniedem sema’ kontra minn ħalqu, meta fil-Ġnien l-għadu qallu: “Le żgur li ma tmutux. Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu
jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” (Ġen. 3, 4-5). Is-suppervja xegħlet fil-bniedem li ħaseb
li Alla kien rival tiegħu u mhux ħabib.
Hu ħaseb ħażin f’min sawru, u hekk inqata’ mis-sens ta’ kollox u wiret
vojt etern ġewwa fih li jipprova kemm jipprova ma jistax jimlih.
Alla
jagħtina kmandament biex jgħinna naħarbu l-Mewt għax Alla jaf li d-dnub
joqtol. Jgħidilna: tgħaddix minn hemm
għax tmut; għaddi min hawn u tgħix! Hija
s-suppervja li tgħammar fina li ġġegħelna naħsbu li Alla hu “nkwetat” li
nilħquH, li nsiru rivali tiegħU, li nkunu bħalU jekk nagħmlu fattina. Hija s-suppervja li ġegħelet lill-bniedem
jaħseb li Alla jrid jikkontrollana billi jbeżżagħna bl-infern, bil-kastig,
bil-Mewt ta’ Dejjem.
Il-Liġi,
jew aħjar il-“Kelmiet tal-Ħajja” li Alla ta l-ewwel lill-poplu ta’ Iżrael ma
kinitx tqila biex titwettaq minn bniedem li kellu qalbu “maħtuna”, ċirkonċiża,
mibdula minn Alla nnifsu. Imma l-bniedem
irċieva mingħand Adam missieru, qalb egoista għax ħasbet ħażin f’Alla. Is-suspett f’Alla għamel minna ħlejqa
solitarja, ħlejqa waħedha fuq pjaneta fil-baħħ tal-univers. Din il-ħlejqa għandha qalb b’id kiesħa
tagħfas madwarha. Il-bniedem
jibża’. Adam beża’ għax dineb. Adam beża’, għax issa waħdu. U min jibża’, jiddefendi ruħu, jsir egista,
jiġbed lejh. Hekk naraw li fl-Għeden
ir-raġel iwaħħal f’martu u jinfired minnha għax min jibża’ ma jafx iħobb. Min jibża’ jaħseb fih innifsu biss.
Kemm
kellu raġun San Ġwann l-Evanġelista jgħid li l-Imħabba biss tkeċċi l-biża’ ’l
barra minn qalb il-bniedem. Fl-imħabba m’hemmx biża’; l-imħabba sħiħa
tkeċċi l-biża’ ’l barra għax il-biża’ għandu x’jaqsam mal-kastig. Min jibża’ għadu ma sabx il-milja tal-imħabba. (1 Ġw. 4, 18). Min skopra li Alla hu Mħabba u emmen li
din l-Imħabba ssalbet għalih fi Kristu, allura dan il-bniedem, issa, huwa
“Ħaj”! Qabel kien mejjet, imma issa
huwa ħaj! Huwa dan il-bniedem li għalih
hu faċli jobdi lill-Missier.
L-Iskrittura tiġbor il-Ħajja vera f’sentenza tal-għaġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej Alla tiegħek,
b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu,
u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Lq. 10, 27). Għal Iżrael din is-sentenza kienet tiġbor
il-Liġi kollha, ir-Rieda sħiħa ta’ Alla għall-bniedem biex dan jgħix tassew u
għal dejjem. Kien itennija l-ħin kollu
b’qalbu u jħażżiżha mal-koxxa tal-bieb ta’ daru.
Imma
hu ċar li l-bniedem li jitwieled fiżikament minn raġel u mara ma jistax jgħix
din il-Kelma tal-Ħajja. “Il-bniedem”,
f’sens kollettiv, huwa Adam, jitwieled Adam, u fil-bidu rajna x’inhuma
l-karatteristiċi ta’ Adam, anke jekk jaf ikollu ħafna intenzjoni tajba. Hu jrid jgħix imma ma jistax. F’isem dan il-bniedem, San Pawl jgħajjat: “Imsejken bniedem li jien! Min se jeħlisni
minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rum. 7,
24). F’kelma oħra: “Min se jeħlisni
minn “Adam”, min-natura li writt mingħandu?
Hu
ċar li qalb il-bniedem trid tinbidel; qalbi u qalbek. Kif se jseħħ dan? Hemm bżonn nitwieldu mill-ġdid. “Tassew
tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna
ta’ Alla.” (Ġw. 3, 3). Din Kelma ta’ Kristu. Għall-profeti ma kinitx ħaġa faċli li
jitbegħdu mill-kunċett li l-bniedem jibdel qalbu hu, biex iduru lejn il-verità
li huwa Alla biss li jista’ “jaħten”, jibdel qalb il-bniedem. Iżrael għadda
minn esperjenzi ta’ fallimenti fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla u mal-proxxmu
biex tgħallem jintelaq f’idejn il-Missier biex jibdillu qalbu Hu. Dan jiġri
lilna wkoll għax anke aħna naħsbu li nistgħu nibdlu lilna nfusna u ħaddieħor
jistenna dan mingħandna wkoll.
Imma
Alla ma jistenniex l-impossibbli minn għandek.
Jistenna biss li b’fiduċja u fidi fiH tintelaq fi ħdanu biex Hu li hu
l-fuħħari jagħmel dak li jrid minnek li int it-tafal. “Jgħid
il-Mulej: inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun
Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.”
(Ġer. 31, 33). Ekku, kif huwa
Alla l-protagonist tal-konverżjoni tagħna.
Ix-“Shemà”,
l-Imħabba lejn Alla fuq kollox u kulħadd, u l-imħabba tal-proxxmu bħalek
innifsek hi l-ogħla aspirazzjoni tal-bniedem.
Ma tistax tħobb lill-bniedem bla ma tħobb lil Alla, kif ma tistax tħobb
lil Alla bla ma tħobb lill-bniedem. Din
hi Mħabba waħda. Jew għandek din
l-Imħabba jew m’għandekx. Lil Alla int tħobbu fil-qjies li tħobb lill-bniedem,
u lill-bniedem tħobbu fil-qjies li int tħobb lil Alla. M’hemmx firda hawn! Jekk dan hu ta’ barra minn hawn, ma
jimpurtax; mhux aħna wellidna lilna nfusna b’natura egoista li tħobb biss lil
min iħobbha. Imma issa, Alla, fi Kristu,
qed jippreżentalna Twelid Ġdid, qalb ġdida, ħolqien ġdid. Sta għalik li temmen li Alla kapaċi jwiegħed
dawn l-affarijiet lilek u kapaċi jżomm dak li jwiegħed. Meta wegħedna dan kollu? Fil-Magħmudija.
Il-Magħmudija
hi twelid ġdid fi Kristu. It-Tieni
Twelid tagħna. It-Twelid mill-Ġdid. Imma kif għidna ħafna drabi, il-Magħmudija hi
proċess li tieħu ħajjitna kollha. Hieni
huwa dak li jemmen fil-Magħmudija tiegħu u jaf li fih qed tiġri
trasformazzjoni, qajla qajla, biex imut il-bniedem li twieled minn Adam u
jikber u jisssaħħaħ dak li twieled minn Kristu.
Dan hu s-sens ta’ kulma tagħmel u tgħallem il-Knisja. Huwa b’dan l-iskop li l-Knisja tqassam
is-Sagramenti tagħha, titmagħna bl-Ikel Qaddis tas-Sema u tagħtina
l-manteniment tal-Kelma ta’ Alla. Jekk
dan kollu ma jissarrafx f’Magħmudija li tilħaq il-milja tagħha, dan kollu jkun
seħħ għalxejn.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-Ħmistax-il Ħadd matul is-Sena.
Qari I
Il-Kelma hi qribek
sewwa biex tagħmilha.
Dewt 30, 10-14
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu
u qal: “Il-Mulej jifraħ bik u jagħmel il-ġid miegħek, jekk int tisma’ l-kelma
tal-Mulej, Alla tiegħek, u tħares l-ordnijiet tiegħu u l-liġijiet miktuba
fil-ktieb ta’ din il-liġi; jekk terġa’ lejn il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek
kollha u b’ruħek kollha. Din il-liġi li qiegħed nagħtik illum, mhijiex tqila
għalik u anqas ’il bogħod minnek. Mhijiex fis-sema biex int
tgħid: “Min se jitlgħalna s-sema jġibhielna u jsemmagħhielna u nagħmluha?”. U anqas ma hi ’l hemm mill-baħar biex int
tgħid: “Min se jmur ’l hemm mill-ibħra u jġibhielna, u jsemmagħhielna, u
nagħmluha?”. Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok
u f’moħħok, biex tagħmilha”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 68 (69), 14 u
17. 30-31. 33-34. 36ab u 37
R/. (33): Tagħmlu
l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Jien lilek nitlob,
Mulej;
meta jogħġbok, o Alla,
weġibni,
fil-kobor ta’ tjubitek
u skont il-wegħda
tas-salvazzjoni tiegħek.
Weġibni, Mulej, għax
mill-aħjar tjubitek;
dur lejja fil-kobor
tal-ħniena tiegħek. R/.
Imma jiena msejken u
batut;
terfagħni, o Alla,
is-salvazzjoni tiegħek!
Infaħħar l-isem ta’
Alla bl-għana,
inkabbru b’għana ta’
radd il-ħajr. R/.
Hekk jaraw l-imsejkna u
jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom
li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin
il-Mulej,
ma jistmellx
l-imjassrin tiegħu. R/.
Għax Alla jsalva ’l
Sijon,
u jibni l-bliet ta’
Ġuda;
u huma jerġgħu lura u
jgħammru fiha.
Jirtuha wlied
il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu
joqogħdu fiha. R/.
jew
Salm Responsorjali
Salm 18, 8.9. 10.11
R/. (9a): Il-preċetti
tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb
Il-liġi tal-Mulej
perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi
sewwa,
u tgħallem lil min ma
jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej
dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej
safi,
u jdawwal l-għajnejn.
R/.
Il-biża’ tal-Mulej
sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej
sewwa,
u mseddqa għalkollox.
R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda.
R/.
Qari II
Kollox bih u għalih
kien maħluq.
Kol 1, 15-20
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Kolossin
Ħuti, Kristu hu
x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq
kollha;
għax fih kien maħluq
kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u
dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet,
Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih
kien maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed
iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li
hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel
f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li
tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’
jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu,
imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz
tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Ġw 6, 63ċ. 68ċ
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Il-kliem tiegħek Mulej,
huwa spirtu u ħajja:
Inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-proxxmu tiegħi min
hu?
Lq 10, 25-37
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, iqum
wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel
biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti
x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb
il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek
kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.
Qallu Ġesù: “Sewwa
weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù:
“U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel
kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh,
biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis
minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed
levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien
għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh,
dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq
il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil
tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien
meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’
proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur,
u agħmel hekk int ukoll”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|