Wednesday, 21 August 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) L-IEHOR HUWA KRISTU
IS-SITTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) L-IEHOR HUWA KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 20 July 2019

Din hija il- Liturgija tals-Sittax il-Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

maxresdefault.jpg

 

Il-Konverżjoni tagħna lejn Kristu hija proċess, mogħdija, mixja, vjaġġ li ħafna drabi hu fid-deżert.  Imma Alla dejjem ikun magħna u f’silta famuża fit-Testment l-Antik Alla jgħid lill-poplu tiegħU, u jgħid lilna: “Il-mantar tiegħek ma tkiddx minn fuqek, u  riġlejk ma ntefħux f’dawn l-erbgħin sena (fid-deżert).” (Dewt. 8, 4). 

 

Ħafna ma jemmnux li għandhom bżonn ta’ konverżjoni għax huma nies ‘tal-Knisja’.  Jaħsbu li l-konverżjoni qegħda biss għal dawk li dnubhom jidher, għal dawk li jitkellmu ħażin, għal dawk li ma jfittxux lil Alla.  Ilkoll għandna bżonn urġenti li ngħarfu dejjem iktar lil Kristu u l-Imħabba bla limiti li Alla għandu għalina.  Dan iwassalna biex nifhmu li nikkonvertu mhux biex nagħtu xi ħaġa lil Alla imma biex naħtfu jew nirċievu l-Ħajja vera mingħandu, Ħajja li ma tispiċċa qatt.

 

 

Mhux li kien li jien u int u kulħadd ngħarfu tassew xi tfisser konverżjoni;  kieku kulħadd jiġri biex jaqbad it-triq tad-deżert!  L-Art imwegħda li lejha terraq Iżrael wara li ħeles mill-Eġittu hi xi ħaġa ferm konkreta għalina.  Għalihom kienet spazju ġeografiku li Alla kien wegħedhom biex jgħammru bħala nazzjon.  Għalina tfisser bidla totali li Alla biss jista’ joħloq fina, bidla tan-natura nfisha, twelid ġdid, il-qerda tal-biża’ tal-Mewt minn ġo qalbna biex inkunu nistgħu ninżgħu l-egoiżmu u nħobbu lil xulxin.  Din hi l-Ħajja li għaliha ġejna maħluqa.  L-eżistenza tagħna li naħsbuha Ħajja, ħafna drabi mhi xejn ħlief “jasar tal-Eġittu” fejn kulħadd jaħseb għal rasu l-ewwel u qabel kollox.

 

Il-Ħadd li għadda rajna x’inhi din il-Ħajja li Alla qed iwegħedna: hija ix-“Shemà”: dik il-frażi li tgħid: “Ħobb lil Alla tiegħek fuq kollox u b’kulma għandek, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”  Dan hu l-Ferħ veru li kulħadd ifittex.  Jekk mhux, allura Alla hu giddieb.  Dan il-proċess ta’ konverżjoni kontinwa jwassalna biex fl-“ieħor” naraw lil Kristu.  Hu min hu, l-“ieħor” huwa Kristu għan-Nisrani.  Hu biss meta ninagħtaw dawn l-“għajnejn spiritwali” li nkunu nistgħu tassew ngħidu li nħobbu lill-proxxmu, li tgħammar fina l-Imħabba li hi l-Ispirtu s-Santu.

 

Din l-Imħabba hi akkoljenti; jiġifieri dejjem tilqa’ lill-“ieħor”, dejjem tgħaddi għal għand l-“ieħor”. Marta u Marija kienu nies akkoljenti għax mill-ewwel fetħu l-bieb ta’ darhom għal dan ir-rabbi minn Nazaret.  Kienu għadhom bil-kemm jafuH, imma laqgħuh għandhom u malajr indunaw li kienu qed jilqgħu lil Alla. Ħafna nies laqgħu f’darhom lill-Anġli bla ma ndunaw!  Abraham laqa’ lit-tliet barranin li kienu għaddejjin minn quddiem l-għarix tiegħu.  Laqagħhom, temagħhom, ħaslilhom riġlejhom u tahom kollox biex jistrieħu fil-vjaġġ tagħhom.  Kien qed jilqa’ t-Trinità Qaddisa nfisha!

 

Hienja kienu dawk il-pagani mferrxa fil-bliet tal-Imperu Ruman li laqgħu lil Pawlu, lil Barnaba, lil Luqa, Titu, Timotju, Sila u tant oħrajn.  Għalihom dawn kienu nies strambi fil-bidu, nies li ġew għandhom bi Bxara li dehret tal-ġenn.  Mhux kulħadd laqagħhom.  Ħafna daħqu bihom, ippersegwitawhom. Kien hemm bliet li kellhom jaħarbu minnhom u neżgħu il-qrieq minn saqajhom u farfruhom f’wiċċhom biex lanqas biss it-trab tagħhom ma jieħdu magħhom!  X’tilfu dawn in-nies!

 

Il-Ħajja hi dejjem kwistjoni ta’ għażla...  Tieħu deciżjoni li tagħżel ħaġa minn oħra, triq minn oħra, stat ta’ Ħajja minn ieħor.  Għażla.  Deċiżjoni.  Imma biex nagħżlu l-ġid mid-deni irid ikollna sensittività li tiġi milli nżommu ruħna qrib il-Kelma ta’ Alla u l-meżżi li tagħtina l-Knisja biex tlaqqagħna ma’ Kristu. 

 

Ħbiberija u ntimità mal-Kelma Qaddisa tagħmilna għassiesa tajbin, nies li dejjem jishru, jistennew li jgħaddi Alla minn quddiemhom.  Dawn huma n-nies li bħal Marija, oħt Marta, għażlu s-sehem it-tajjeb.  Ħafna, dan jgħidulu għażż.  Ħafna jintelqu għall-ġirja sfrenata, ‘bżulija’ falza ta’ aljenazzjoni wara l-ġid tad-dinja. Xogħol, xogħol, xogħol!  Se nsiru mġienen, ilkoll.  Qiesna serbut nemel, minn sejjer ’l hawn u min jiġri ’l hemm, kulħadd fuq xogħolu, kulħadd għandu x’jagħmel, ħadd ma jara lil ħadd...

 

L-għorrief tad-dinja huma dawk li joħorġu mis-serbut, mill-kurrent, u jpoġġu bilqiegħda għall-kwiet, f’riġlejn Kristu li waħdu u Hu biss għandu l-Ħajja li kulħadd qed ifittex.  Kien hemm min qal li l-bniedem jinbidel f’dak li hu jikkontempla.  Min jikkontempla l-pornogrfija jsir hu nnifsu pornografiku bi ħsibijiet imħassra jġennuh f’moħħu.  Min jikkontempla l-għana jsir rgħib għall-flus.  Min jikkontempla l-fama u s-suċċess isir bniedem qatt mhu kuntent u dejjem irid iktar u beżgħan minn xi falliment.  Min jikkontempla lil Kristu jsir xbiha tiegħU!  Min jikkontempla lil Kristu jsir ħlejqa li hi Ħajja għal dejjem bħalU! 

 

Hu dan li aħna lkoll infittxu... li l-Mewt tintrebaħ u ngħixu għal dejjem f’mistrieħ li jibda minn hawn stess.  Dan hu mportanti.  Kristu jrid isawwar poplu ċkejken li ġa qiegħed fil-Ġenna minn hawn stess, anke jekk il-milja ta’ din il-Ħajja jintlaħaq biss fil-Ħajja ta’ wara l-Mewt fiżika.  Imma minn hawn, dawk li jikkontemplaw lil Kristu jidhru ċar li huma “Ħajjin” b’Ħajja li mhix eżistenza bħal tal-oħrajn.  Għaliex għal Kristu dan hu mportanti li jidher?  Għax il-Mulej irid isalva lil kulħadd, u biex id-dinja temmen trid ‘tara’. 

 

Id-dinja qegħda tistenna li jidhru dawk li huma ulied Alla, dawk li għalihom l-“ieħor” huwa Kristu.  Din hi l-kalamita.  Din hi l-Knisja.  Din hi l-missjoni tagħha. 

 

Il-Qari tas-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek.

Ġen 18, 1-10a

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, 1il-Mulej deher lil Abraham ħdejn il-ballut ta’ Mamri; u hu kien fil-bieb tal-għarix fl-aqwa tas-sħana tal-jum. U rafa’ għajnejh u ħares, u ra tlitt irġiel weqfin quddiemu; u malli rahom mar jiġri jilqagħhom mill-bieb tal-għarix u nxteħet wiċċu fl-art quddiemhom. U qal: “Sidi, jekk jien sibt ħniena f’għajnejk, tibqax għaddej minn quddiem il-qaddej tiegħek. Ħa nġib ftit ilma u aħslu riġlejkom, u strieħu taħt is-siġra, sakemm inġibilkom gidma ħobż, biex titrejqu, imbagħad tibqgħu sejrin – għax għalhekk għaddejtu għand il-qaddej tagħkom”. U huma qalulu: “Tajjeb, agħmel kif għedt”. U Abraham ħaffef lejn l-għarix, ħdejn Sara, u qalilha: “Fittex lesti tliet sigħan smid, agħġnu u agħmlu ftajjar”. U Abraham mar jiġri ħdejn il-baqar u ħa għoġol tari u sabiħ, u tah lill-qaddej; u dan fittex ilestih. U ħa l-baqta u l-ħalib u l-għoġol li kien lesta, u qegħedhom quddiemhom. U hu baqa’ bilwieqfa quddiemhom taħt is-siġra, u huma bdew jieklu. U staqsewh: “Fejn hi Sara, martek?” U hu weġibhom: “Hemm fl-għarix”. U qallu: “Nerġa’ niġi għandek bħal dan iż-żmien sena, u ara, Sara martek ikollha iben”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 14 (15), 2-3ab. 3ċd-4ab. 5

 

R/. (1a): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu. R/.

 

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

 

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

 

Qari II

Il-misteru li kien moħbi, issa hu mgħarraf.

Kol 1, 24-28

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu. Lil dawn Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani: Kristu hu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 8, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li jisimgħu l-kelma

b’qalb tajba u sinċiera,

jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Marta laqgħetu għandha. Marija għażlet l-aħjar sehem.

Lq 10, 38-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 20 July 2019 )
 
< Prev   Next >