Friday, 18 October 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) MIN JITLOB JAQLA, MIN IFITTEX ISIB, ...
IS-SBATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) MIN JITLOB JAQLA, MIN IFITTEX ISIB, ... PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 26 July 2019

Din hija il- Liturgija tals-Sbatax il-Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 sag.jpg.jpg

 

It-Talb huwa l-arma tan-Nisrani.  Din smajniha kemm-il darba, imma xorta jibqa’ jkollna xbieha falza f’moħna ta’ x’inhu fil-fatt it-Talb.  Normalment bih aħna nifhmu Talb ta’ Supplika, Talb biex naqilgħu xi grazzja li tgħinna f’din id-dinja li taf taqlagħlek ħafna problemi, mamma mia!  Imma t-Talb Nisrani hu ħafna iktar minn hekk.

 

L-ewwelnett għidna li t-Talb huwa l-arma tan-Nisrani għax nitilqu mir-rejaltà ta’ taqbida, taqtigħa, gwerra.  Ħadd ma jmur jissara mal-għadu bla ma jkun armat, għax anke David, li xtaq imur jitqabad ma’ Gulija mingħajr l-armamenti li xtaqu jagħtuh sħabu, xorta mar bl-arma li kienet għal qalbu: żbandola u ħames cagħkiet.  Ilkoll għandna gwerra qaddisa għax l-għadu tagħna, ix-xitan, qisu ljun jgħajjat u jdur madwarna biex jara lil min se jaħtaf.  (ara 1 Pt. 5, 8).  Min, dan li qed tgħid il-Kelma ta’ Alla, jaħseb li hi esaġerazzjoni, allura huwa ngannat u se jkun l-ewwel wieħed li se jinħataf mill-bhima.

 

 

Fil-Bibbja nsibu diversi ġrajjiet li jdawluna fuq l-uċuħ differenti tat-Talb Nisrani.  L-ewwelnett it-Talb għandu jsir bil-Fidi.  Dan huwa tassew it-Talb ħiereġ mill-qalb li jinfed is-Smewwiet u jasal sa  quddiem Alla l-Ħaj.  L-għama ta’ Ġeriko talab bil-Fidi.  Kien għama minn twelidu u qata’ qalbu minn dak li setgħet toffrilu d-dinja biex tagħtih id-dawl.  Tama waħda kien għad baqagħlu.  Sema’ bir-rabbi ta’ Nazaret, u f’qiegħ qalbu l-muġugħa nibtet xrara ta’ Tama li malajr saret Fidi kbira.  Meta nduna li Kristu kien għaddej minn quddiemu, min kien se jżommu milli jgħajjat u jgħajjat qisu miġnun: “Ġesù Bin David, ikollok ħniena minni!”  (Lq. 18, 38)?  Il-Mulej lanqas m’għamilhielu faċli, bħalma jagħmel dejjem ma’ dawk li jrid isinnilhom il-Fidi tagħhom.  L-imsejken kellu jistenna, bħal Abraham.  Imma l-Fidi titlob u taqla’!  “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.”  (Lq. 18,42).  Kemm nies jimxu fuq l-ilmijiet bħal Pietru, l-ilmijiet tal-għawċ u l-problemi, għax bil-Fidi jafu jiffissaw għajnejhom fuq Kristu, il-Mulej u s-Sid ta’ dak kollu li jista’ jdejjaq u ‘joqtol’ lill-bniedem.

 

It-Talb Nisrani hu umli.  In-Nisrani ma jistrieħx fuq dak li jagħmel hu imma dak li għamel għalih Kristu meta xerred Demmu.  Il-bniedem li ma jafx li hu ġie “mixtri” mid-Demm ta’ Alla nnifsu, mhu Nisrani xejn, anke jekk hu reliġjuż kemm tridu.  In-Nisrani jirtgħod bil-biża’ quddiem il-Fariżejiżmu li hi l-kundizzjoni ta’ tant minna li jidhru “b’saħħithom” spiritwalment u tant koerenti x’ħin tqabbilhom ma min hu dgħajjef.  Imberkin il-fallimenti, anke dawk spiritwali, għax dawn juruna min tassew aħna: dgħajfa, midinba li ma niswew għalxejn.  Minn fomm bniedem bħal dan joħroġ kliem safi u sinċier: “O Alla, ħenn għalija għax jiena midneb!”  (Lq. 18, 13).  Dan ma jippretendi xejn għax jaf li ma jistħoqqlu xejn: anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru... (Lq. 18, 13).  U Alla jinġibed mill-ewwel lejn l-umli.

 

It-Talb tagħna għandu jkun persistenti, li ma jgħejjiex meta dak li jintalab ma jiġix mogħti mill-ewwel.  Alla mhux biss irid jagħtina dak li nitolbuH imma fuq kollox, permezz ta’ Talba persistenti jagħmilna nies li ma nċedux malajr, xhieda tal-azzar li jkomplu jittamaw fil-Mulej anke meta kollox jidher li ġej il-kontra.  X’kien hemm iktar dgħajjef fis-soċjetà ta’ żmien Kristu minn mara armla, b’uliedha żgħar madwarha u b’għadu li għamilha tal-“bully” magħha?  Anke l-Ġustizzja ta’ beltha kienet kontriha meta talbet li din tilqa’ għaliha.  Imma din il-Mara kbira ġġiegħel anke lill-ħażin jibdel fehemtu: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma  tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.”  (Lq. 18, 4-5).  Aħseb u ara Alla jilqax it-Talba persistenti taż-żgħar tiegħi... anzi jiggosta lil min idejqu!  Bit-Talb persistenti li ma jgħejjiex anke l-ħitan ta’ Ġeriko waqgħu!

 

Il-Knisja Ommna dejjem għalmitna li t-Talb tagħna għandu jkun imsaħħaħ u magħmul fertili permezz tas-sawm u l-karità. Dawn it-tnejn jixxprunaw lil oħthom l-oħra: it-Talb, imma dejjem meta dawn huma magħmulha fis-sigriet.  Għaliex fis-sigriet?  Għax int jimpurtak biss li jarak Alla u mhux in-nies li mhux se jagħtuk dak li titlob.  Anzi, s-sawm u l-karità magħmulha għal għajn in-nies isoddu l-widnejn ta’ Alla għat-Talba tagħna u flok jixprunawha, kif għidna, joqtluha għax inkunu ġa ħadna “xi ħaġa” mingħand in-nies.  Hu mportanti li aħna jkollna sigrieti ma’ Alla, ħwejjeġ sigrieti li jaf bihom Hu biss.

 

Jekk Alla jiggosta lil min idejqu, li jibqa’ ġej u sejjer bit-Talba tiegħu anke meta donnu li r-Rieda ta’ Alla hi differenti, Huwa wkoll jitbissem quddiem il-bniedem wiċċu tost u sfieq!  Alla jiggosta l-bniedem li jiġi quddiemu jitolbu xi ħaġa anke meta dan i-bniedem stess jaf li ma jistħoqqlu xejn mingħand il-Mulej, anzi l-kontra. Dan hu bniedem li jażżarda ma’ Alla għax għandu fiduċja fiH u jaf li l-Imħabba tiegħU tisboq bil-bosta d-dnubiet tiegħu.  Alla jiddejjaq b’min jaħseb li Hu mhux se jgħinu għax għandu xi vizzju, għazzien fl-affarijiet spiritwali, ma ħaqqux.  Min ħaqqu minna?!  L-agħar mhux id-dnub imma li aħna naħsbu li hemm limiti għall-Imħabba ta’ Alla għalina li dehret l-aktar fi Kristu.

 

Imma hu mportanti li jkun hemm mixja ta’ għerf fit-Talb tagħna.  Imbierek il-bniedem umli li jaf li ħafna drabi tlabna mhux skont ir-Rieda ta’ Alla.  Dan joħloq problema.  Alla mhux dejjem jisma’ talbna għax din tkun ’il bogħod mill-Pjan glorjuż li hu għandu għalina.  Il-bniedem tassew qrib Alla huwa dak li jitlob li jkollu bżonn, bħal tifel ċkejken, imma li jibża’ jitlob dak li jista’ jkun mhux għall-ġid tiegħu.  Ara kif talab Kristu fl-iktar mument ta’ tensjoni f’Ħajtu:  “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi!  Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”  (Mt. 26, 39).  Dan hu l-‘apex’, l-ogħla punta tat-Talba umana.

 

Dwar dan tkellem Kristu mas-Samaritana meta qalilha li t-talb għandu jkun fl-Ispirtu u l-verità.  Il-bniedem li jitlob hekk jaf li, anke jekk għandu ħafna bżonnijiet materjali, il-verità hi li l-iskoperta tal-Imħabba u l-Ħiena ta’ Alla u s-Salvazzjoni eterna huma rigali ferm akbar u li għalihom għandna nitolbu lejl u nhar. Kemm talb għal ħwejjeġ ‘tad-dinja’ meta Alla qiegħed jissamma’ għal Talba vera u magħmula fl-Ispirtu.  X’inhu l-aqwa għalik, fejn qegħda qalbek, fil-Ħajja ta’ Dejjem u eterna, jew f’din ta’ hawn li se tispiċċa daqt? 

 

Pawlu jgħid: L-Ispirtu, min-naħħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna.  Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem, u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu.  (Rum. 8, 26-27).  Xi ġmiel!  Aħna, li talbna jikxef il-bluhat tagħna, niġu mogħtija l-Ispirtu s-Santu li jitniehed il-ħin kollu f’isimna, quddiem Alla biex aħna ninagħtaw dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet.

 

Il-Qari tas-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

La tagħdabx, Sidi, jekk nitkellem.

Ġen 18, 20-32

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien il-Mulej qal: “L-għajta ta’ Sodoma u Gomorra hi tassew qawwija, u t-toqol ta dnubhom hu kbir. U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf”. Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham. Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja”. U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom”. Wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?”. U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin”.

 

Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin?” U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin”. Qal Abraham: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?” U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin”. U raġa’ qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?” U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin”. U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?” U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 137 (138), 1-2a. 2bċ-3. 6-7ab. 7ċ-8

 

R/. (3a): Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej

 

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

 

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

 

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti;

terfa’ idek kontra l-għedewwa tiegħi. R/.

 

Il-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk! R/.

 

Qari II

Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha.

Kol 2, 12-14

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, intom indfintu ma’ Kristu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet. Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Rum 8, 15bċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;

u li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abbà! Missier!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Itolbu u jingħatalkom.

Lq 11, 1-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:

“Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib”.“

 

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih”. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: “Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik”. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

 

Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Friday, 26 July 2019 )
 
< Prev   Next >