Wednesday, 21 August 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) MINGHAJR KRISTU KOLLOX FRUGHA; BIH KOLLOX JIEHU SENS
IT-TMINTAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) MINGHAJR KRISTU KOLLOX FRUGHA; BIH KOLLOX JIEHU SENS PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 04 August 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tmintax il-Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 rich-man-barns.jpg

 

Gwaj kbir għall-Knisja fi żmienna hu li l-Fidi saret kultura u qed infixklu dawn iż-żewġ rejaltajiet ma’ xulxin.  Dan insejjaħlu gwaj għax hu ċar li anke għall-Knisja nnifisha hu diffiċli tagħraf id-differenza u hekk taħseb li hi Fidi meta hemm biss kultura.  Meta nagħmlu dan ma jirnexxilniex naqraw is-sinjali taż-żminijiet u nieħdu l-azzjonijiet li tant huma bżonnjużi għaż-żminijiet tagħna.

 

Il-Fidi, meta kienet għadha b’saħħitha u tiddomina l-Ħajja ta’ missirijietna, welldet ħafna drawwiet sbieħ fihom infushom, drawwiet marbutin mas-Sena Liturġika, bħalma hi l-festa tar-raħal, l-użanzi ta’ żmien il-Milied u l-Għid u tant ħwejjeġ oħra.  Ma nistgħux inħallu barra l-kultura tal-għaġeb li ssawret madwar l-arti tal-bini, il-pittura u l-iskultura.  L-Ewropa, id-dar antika tal-Fidi fi Kristu Mqajjem mill-Mewt, ġiet imżejna b’kultura li tgħammex ta’ katidrali, abbaziji, universitajiet, postijiet ta’ pellegrinaġġi eċċ.  Din il-kultura tant kibret u stagħniet li llum nistgħu ngħidu li l-Ewropa hi kontinent kulturalment Nisrani, imma li fl-istess ħin irremettiet il-Fidi u l-valuri Nsara.  Dan hu ċar.

 

Il-Fidi hi omm il-kultura, imma meta l-kultura tikber u tikber waqt li l-Fidi tixjieħ u tintefa’ ikollok skeletru liebes kappa tlellex.  Dan jiġri f’soċjetà li tgħid li għandha l-għeruq fil-Kristjaneżmu imma lesta li titfa’ l-ħabs lill-Insara li jgħixu skont il-Vanġelu fejn jidħlu kwistjonijiet jaħarqu ta’ xeħta soċjali u etika bħad-drittijiet LGBT, jedd fuq il-Ħajja bħall-abort u l-ewtanasija, divorzju, edukazzjoni sesswali, idejat moda dwar il-ġeneru eċċ. 

 

Illum fl-Awstralja, Presbiteru jirriskja li jmur il-ħabs jekk ma jikxifx dak li jkun sema’ fil-konfessjonarju, waqt li f’Rochester, l-Ingilterra, it-tieni l-iktar katidral antik tal-pajjiż, monument eċċezzjonali tal-arti tas-sitt seklu, ġie mibdul f’post fejn imorru jilagħbu l-golf!  San Nikola, wieħed mix-xhieda l-kbar għal Kristu fis-sekli bikrin tal-Knisja, issa jsir Santa Klaws jew Father Christmas, u t-“tycoons” jgħorku jdejhom għax il-Festi l-kbar tal-Fidi ġew maħtufa mill-“kummerċ” għall-qligħ tal-flus.

 

Dan il-fenomenu fejn l-kultura li twieldet mill-Fidi issa tiddomina fuqha, jinħass ħafna f’pajjiżna wkoll, l-aktar fil-mumenti l-aktar pagani tal-festi ta’ barra, u t-trawwim ta’ partiti parrokkjali fejn dak li fil-bidu kienet Knisja lokali issa ssir tribù fejn l-unika ħaġa li tgħaqqad in-nies hija l-pika, u iktar kemm ikollok pika iktar tiġbor flus.

 

F’nofs dan l-istorbju pagan, jidwi leħen Koħelet: “O frugħa tal-frugħat – igħid Koħelet – O frugħa tal-frugħat!  Kollox hu frugħa!”  (Koħ. 1, 2).  Lil dan Koħelet, id-dinja tal-lum żgur li tgħajru “miġnun” u twaqqgħu għaż-żufjett, bħalma żżufjettat b’Dijoġene, filosofu Grieg pagan li kien joħroġ f’nofs in-nhar, fl-eqqel tax-xemx b’fanal mixgħul f’idu jgħarrex ’l hemm u ’l hawn, u meta staqsewh x’kien qed jagħmel, qalilhom li kien qed ifittex “bniedem” f’nofs pjazza mimlija nies.  Dawn huma nies li huma xjuħ fil-għerf u li lill-kultura dominanti tal-lum jgħajruha li hi kultura li għadha “adoloxxenti”, dejjem trid, u ġib ’l hawn biss.

 

Kollox hu frugħa tassew għax kollox qed imut.  Il-Vanġelu huwa torċa taqbad li tagħti dawl qawwi fuq dan.  “Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?” (Lq. 9, 25).  Xi jgħid Napuljun illum, fejn jinsab?  Tgħid ferħan bl-isem li ħalla wrajh?  Jiswielu dan xi ħaġa?  Tah Ħajja ta’ Dejjem?  Kemm huma  komuni nies bħall-iblah tal-parabbola tal-lum li ħela saħħtu, mank għex, xogħol, xogħol, xogħol, kiseb ħafna... u miet f’daqqa u malajr...  L-ekonomija tal-lum fuq nies bħal dawn hija mibnija, nies li Kristu jseħilhom “boloh”.  “Iblah li int!  Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura.  U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”  (Lq. 12, 20).

 

Dan iġiebna wiċċ imb’ wiċċ mal-vera problema tal-bniedem, u din il-problema tant hi enormi u ta’ barra minn hawn li l-bniedem ma jħarisx lejha u hekk kulma jagħmel isirlu frugħa, passatemp, mili taż-żmien, logħob bil-Ħajja.  Il-bniedem jiddroga ruħu u jsakkar lilu nnifsu biex ma jaħsibx fuq l-unika problema li għandu, biex imbagħad, meta jasal il-waqt, jiġi wiċċ imb’ wiċċ magħha... u x’waħda din xi ħmar il-lejl, x’waħx ikun dan! 

 

Il-problema waħdanija li għandu l-bniedem hi li hu ħlejqa riesqa lejn il-mewt!  Din hija l-problema tat-tarbija li għadha kif twieldet issa; tat-tfajjel sejjer l-ewwel darba lejn l-iskola; iż-żagħżugħ li nduna għall-ewwel darba bis-sbuħija tas-sess oppost; tal-istudent ferħan għax igradwa; ta’ min għadu kif beda l-ewwel xogħol tiegħu, jew għadu kif iżżewweġ, twelditlu l-ewwel tarbija, bena dar, ħareġ bil-pensjoni, beda jistenna fil-kju għand it-tabib...  Jekk ma nindirizzawx il-Mewt, kollox hu frugħa tal-frugħat!

 

Il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja propju biex jitqabad ma’ dan il-monstru.  Meta Kristu beka, ma bekiex għax Lazzru kien miet imma beka fuq il-kotra madwar il-qabar, imwerwra mir-rejalta selvaġġa tal-Mewt.  Kristu jibki fuqna meta funeral iħawwadna.  Hu jaf b’xi ħaġa li aħna ma nafux: li l-Mewt mhix l-aħħar kelma. 

 

Il-bniedem li jirbaħ lid-dinja huwa dak li jiskopri li fi Kristu l-Mewt ġiet mirbuħa.  Din hija l-Fidi awtentika Nisranija.  “Jien mhux se mmut imma se ngħix; jien mhux se mmut imma se ngħix!  U se nħabbar l-għemejjel tal-Mulej!”  (S. 118, 17).  Dan hu l-bniedem li rebaħ lid-dinja.  Dan hu l-“bniedem” li Dijoġene ħareġ ifittex u li diffiċli ssib.  Il-bniedem li għandu rebħa fuq il-Mewt għax jemmen b’dak li għamel għalih Kristu, igawdi d-dinja f’qies li miljunarju m’għandux il-ħila jgawdiha.  Hu meħlus mill-problema primarja ta’ kull maħluq!  Kristu ħelsu minnha.

 

Hu min għandu rebħa fuq il-Mewt biss li jista’ jifhem lil Kristu fl-Evanġelju tal-lum.  Iż-żewġt aħwa li tlewmu fuq il-wirt it-tnejn kienu fl-iżball għax it-tnejn ħasbu li iktar kemm ikollok flus iktar “tkun ħaj”.  Il-flus kienu l-“alla” tat-tnejn.  Dan huwa l-“common denominator” tagħna lkoll...  Int tista’ tiftaħar kemm trid li ma tħobbx il-flus, imma jekk xi ħadd imisshomlok, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt!!  Il-flus huma sbieħ u huma Providenza ta’ Alla u bihom tista’ tagħmel ħwejjeġ li jagħtu glorja lil Alla u lill-proxxmu.  Imma jekk m’għandekx rebħa fuq il-Mewt, huma frugħa bħal kull ħaġa oħra... inti tmut u huma jibqgħu hawn... f’but ħaddieħor.

 

Imma min hu “Kristjan” jara sens f’kollox; kollox hu sabiħ; kollox hu tiegħu u fl-istess ħin ma jgħodd xejn b’tiegħu ħlief ħaġa waħda: il-Fidi fi Kristu li ħabbu!  Iktar kemm nikbru fi Kristu iktar aħna wlied Alla Sid ta’ kollox u aħna l-werrieta tiegħU, werrieta ta’ Ħajja għal Dejjem!

 

Il-Qari tat-Tmintax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Ċ)

 

Qari I

X’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa?

Qoħ 1, 2; 2, 21-23

 

Qari mill-Ktieb ta’ Qoħelet

 

O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet.

O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!

Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess,

ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih.

Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar.

Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx?

Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda u lanqas billejl ma jserraħ rasu.

Dan ukoll hu frugħa!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 3-4.5-6. 12-13. 14 u 17

 

R/. (1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel

 

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.

Elf sena huma għalik bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;

filgħodu jwarrad u jħaddar,

filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

 

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.

 

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ idejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

 

Qari II

Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

Kol 3, 1-5. 9-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu, u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

Lq 12, 13-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”. U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel”, qal: “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”Iżda qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >