Friday, 18 October 2019
           
Home
ID-DSATAX-IL HADD MATUL IS-SENA (2019) FID-DINJA IMMA MHUX TAD-DINJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 10 August 2019

Din hija il- Liturgija tad-Dsatax il-Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

sa_lukajpeg.jpeg 

 

L-Insara jxandru dejjem li l-bniedem isib il-fejqan, il-ħelsien, il-milja tal-Ħajja, fi Kristu, jekk jiskopri lil Kristu.  Imma Kristu fejn hu biex il-bniedem jiltaqa’ miegħu?  Wara li ġie gglorifikat bir-Rebħ tiegħu fuq il-mewt, Hu ġie mtella’ s-sema u jinsab fuq il-lemin ta’ Alla l-Missier, imma xorta baqa’ fid-dinja, fil-Knisja li hi l-Ġisem mistiku tiegħu li tagħha Hu r-Ras. Min jara lill-Knisja jara lil Kristu.  Bi Knisja ma nifhmux il-binja tal-ġebel fejn tiltaqa’ l-Knisja vera.  Lanqas nifhmu in-numru kbir ta’ nies li jinsabu fuq ir-reġistru tal-kappillan għax tgħammdu ta’ trabi.  Ħafna minn dawn, illum, qatgħu mill-Knisja bla ma nqatgħu mir-reġistru. 

 

Bi Knisja bħala l-Ġisem mistiku ta’ Kristu li jidher fid-dinja, aħna nifhmu dawk iż-żgħar, iċ-ċkejknin li daqu kemm hu tajjeb il-Mulej u jridu jduqu iktar.  Huma dawk li l-għan prinċipali tal-Ħajja għalihom hu li jiskopru dejjem iktar il-Misteru enormi ta’ Kristu għax jemmnu li kollox minn hawn jiddependi.  Din hi Knisja li tagħti s-sinjali li Kristu ried li tagħti: l-Għaqda ta’ bejn l-aħwa u l-Imħabba saħansitra lejn l-għadu.  Meta jidhru dawn is-sinjali mill-Knisja, allura d-dinja tkun qegħda tħares lejn Kristu nnifsu u tħossha mqanqla tiġri lejh għax id-dlam li tinsab fih hu kiefer wisq.

 

Il-Knisja tgħammar fid-dinja imma mhix tad-dinja.  Hi titkellem il-ħin kollu mad-dinja, u twasslilha l-Aħbar tat-Tama li hemm fi Kristu Ġesù.  Il-Knisja tħobb lid-dinja u tinagħta għalija saħansitra sal-mewt. Hija l-melħ li tagħti togħma lill-borma li hi d-dinja.  Hija d-dawl li tixgħel it-triq.  Biex twettaq dan is-servizz enormi, biex tipprova tilħaq qalb il-bniedem u tbiddilhielu, il-Knisja ma tistax tinħeba, ma tistax tibqa’ magħluqa fis-sagristija, ma tistax tkkuntenta ruħha li toffri “time-table” ta’ quddies... min irid jiġi u min ma jridx jagħmel affarih. 

 

Il-Knisja trid tkun hemm fejn qegħda d-dinja bla ma tkun tad-dinja.  Il-Papa jrid li l-Knisja jkollha r-riħa tan-nagħaġ mhux tal-inċens biss.  Dwar dan, Kristu qatagħha meta qal: “Belt li tkun qegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba.  Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.”  (Mt. 5, 14-15).  Il-Knisja ma taħrabx mid-dinja, għax bħal Kristu hi tħobbha lid-dinja u tixtieq taqsam it-teżor ta’ Kristu magħha.  Id-dmugħ ta’ Kristu fuq dinja li ma tridx temmen l-Aħbar it-Tajba huwa d-dmugħ tal-Knisja wkoll.  Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha u jgħid: “Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik!”  (Lq. 19, 41-42). 

 

Madankollu, l-Knisja trid toqgħod attenta li ma tiddakkarx mid-dinja! Dan hu periklu kbir ħafna.  Il-bniedem, di natura, jħobb il-kompromessi u sikwit jemmen li l-verità u r-rieda ta’ Alla jinsabu fil-kompromess, f’li nilħqu ftehim: jien inċedi biċċa u int iċedi biċċa oħra biex naqblu u nagħmlu paċi.  Din mhix paċi skont il-qalb ta’ Alla!  Il-paċi mhix sempliċement li jieqfu l-argumenti u ma jkollokx ġlied.  Ma jistax ikun hemm kompromess, qbil, bejn il-bniedem il-qadim u l-bniedem il-ġdid xbiha ta’ Kristu! 

 

In-natura mwaqqa’ ta’ Adam bl-imħabba tagħha għas-sigurtà tal-flus u tal-armamenti ma tista’ qatt tilħaq ftehim ma’ Kristu.  Għalhekk l-Insara huma ppersegwitati f’kull ġenerazzjoni.  Knisja vera ta’ Kristu ma tistax tinnammra ma’ dak li hu għażiż għad-dinja!  Knisja tal-poter, tas-saħħa, tal-vantaġġi u l-privileġġi mhix il-Knisja ta’ Kristu.  Il-Knisja ta’ Kristu huma l-fqar, l-emarġinati, dawk li jibki fis-skiet ta’ darhom, dawk li ma jiswewx.  Huma dawn li qed jerfgħu is-salib ma’ Kristu.  Huma dawn li, skont Kristu, għad jirtu l-art!  Kristu hu Sultan tassew imma s-saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja. (Ġw. 18, 36). 

 

Ir-relazzjoni tal-Knisja mad-dinja hi mfassla b’mod tal-għaġeb minn Kristu fl-aħħar diskors tiegħu.  “Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jien m’iniex tad-dinja.”  (Ġw. 17, 14).  Dik il-qalb li fiha tinżera’ l-Kelma qaddisa ta’ Alla tiskopri ħelsien li d-dinja ma tafx tagħti u għalhekk ma tibqax miġbuda lejn it-tlellix tad-dinja.  Kristu waħdu hu biżżejjed! 

 

Imma Kristu ma jridx li l-Knisja tiegħu ssir eremita... “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin.”  (Ġw. 17, 15).  Anzi, kif il-Missier bagħat lil Ibnu fid-dinja biex isalvaha u mhux biex jintrebaħ minnha, hekk Hu bagħat lid-dixxipli biex kullimkien ikunu sinjal li hemm Dawl ieħor, Ħelsien ieħor, Aħbar oħra, differenti minn dik tad-dinja, minn dik tal-kultura dominanti ta’ żmienna.  “Kif int bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja.”  (Ġw. 17, 18).

 

Fil-qalba ta’ dan kollu titwieled kontradizzjoni manja.  Id-dinja tixxennaq għall-verità u tfittixha kullimkien, imma meta l-verità tiġi tiltaqa’ magħha hi tiżżufjetta biha, tibagħtha tixxejjer, targumenta kontriha, tgiddibha, tippersegwitaha u tipprova toqtolha!  San Pawl jgħid: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla... Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas.”  (Rum. 8, 19w).  Il-ħolqien jitniehed għal Kristu, jitħannen biex xi ħadd iwassallu l-Aħbar li l-mewt  intrebħet u d-dnub tħassar għax il-prezz tal-fidwa tħallas. Dan hu xogħol il-Knisja; imma l-Knisja taf li meta tinstema’ din l-Aħbar, meta jissemma isem Kristu, ix-xjaten kollha jqumu u jippruvaw joħonqu l-Kelma. Għalhekk il-Knisja dejjem tbati, imma l-Mulej wegħedha li dejjem tirbaħ: “Fid-dinja tbatu jkollkom.  Iżda għamlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”  (Ġw. 16, 33).

 

Il-Liturġija tal-Qari tal-lum.

 

Qari I

Kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna, hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.

Għerf 18, 6-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

Dak il-lejl tal-ħelsien tħabbar minn qabel lil missirijietna,

biex, wara li għarfu sewwa f’liema wegħdiet emmnu,

aktar iqawwu qalbhom.

Il-poplu tiegħek stenna l-ħelsien tal-ġusti,

u l-qerda tal-għedewwa tagħhom,

għax kif int ikkastigajt l-għedewwa tagħna,

hekk sebbaħt lilna meta sejjaħtilna għalik.

L-ulied twajba tal-ġusti offrew sagrifiċċju bil-moħbi,

u lkoll fehma waħda qagħdu għal-Liġi ta’ Alla:

li l-qaddisin tiegħek jaqsmu xorta bejniethom

kemm il-ġid u kemm id-deni;

għalhekk minn qabel għannew tifħir missirijiethom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 1 u 12. 18-19. 20 u 22

 

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

 

Għannu, ġusti, bil-ferħ lill-Mulej;

jixirqilhom ifaħħruh in-nies sewwa.

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna. R/.

 

Qari II

Kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

Lhud 11, 1-2.8-19

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.

 

Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

 

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

 

Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art. Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b’dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom. Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih. Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Jew il-forma l-qasira

 

Qari II

Kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

Lhud 11, 1-2. 8-12

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, 1il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer. Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

 

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a. 44

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kunu lesti intom ukoll.

Lq 12, 32-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

 

Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Saturday, 10 August 2019 )
 
< Prev   Next >