Wednesday, 18 September 2019
           
Home
IL-WIEHED U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) IL-KNISJA: TWEMMIN WIEHED U SKOP WIEHED PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 25 August 2019

Din hija il- Liturgija tal-Wiehed u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

izaja-2000.jpg

 

Bil-meżżi ta’ komunikazzjoni li għandna llum hu faċli għalina nindunaw li d-dinja hi Babilonja sħiħa ta’ idejat, twemmin, drawwiet u kulturi.  F’dan il-villaġġ globali, li wieħed ma jkunx jaf f’hiex jemmnu n-nies tat-Tibet jew xi drawwiet għandhom l-Eskimos li jgħixu fil-Polo Nord, dan għax ma jridx.  Fil-qalba ta’ din id-diversità kollha hemm ġemgħa mdaqqsa ta’ nies li għalkemm meħuda minn fost dawn l-ilwien differenti ta’ kulturi, għandhom twemmin wieħed, skop wieħed ta’ ħajja li jgħaqqadhom flimkien u jissupera d-differenzi kollha ta’ bejniethom.  Din il-ġemgħa, multi-kulturali u multi-razzjali hija l-Knisja.

 

Xi jżomm lil din il-Knisja magħquda fid-diversità tal-aħwa li jiffurmawha?  Hija l-Fidi fi bniedem li deher elfejn sena ilu u li wera ruħu bħala dak li kien ilu mistenni, il-Mibgħut mill-Ħallieq ta’ kollox, biex idawwal u jiftaħ triq lejn Ħajja li ma tispiċċa qatt.  Dan il-bniedem kien iktar minn bniedem, għax kieku ma kien ikun kapaċi jsalva il ħadd.  Kien bniedem li fih għammret id-divinità kollha li minnha ssawwar l-univers: il-bniedem/Alla li ġie jgħammar fostna.

 

Min ma jemminx jgħid li dan kollu hu “wishful thinking”, imma min jemmen tassew ma jemminx għax iddeċieda hu li jemmen, jew għax sforża lilu nnifsu biex jemmen, jew għax kien imġiegħel li jemmen, imma jemmen għax fih ġiet tgħammar il-Fidi b’mod misterjuż, bħala rigal li Alla jagħti, mhux lil kulħadd imma lil dawk li Hu għażel biex ikunu d-Dawl u l-Melħ għall-oħrajn.  Din il-Fidi, li tibgħat in-nies għall-martirju u tgħaqqad tant kulturi u idejat flimkien billi tissuperahom, hi l-għarfien li jagħti sens lit-taħwid kollu tal-Ħajja.

 

Il-Kolletta tal-lum, it-Talba ta’ din il-Knisja li tiftaħ iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, titkellem b’lingwaġġ mill-isbaħ dwar it-tħannin tal-bniedem li jsib din il-ġawhra moħbija, il-labra mitlufa f’munzell tiben.  Dan id-Dawl, din il-Fidi, tagħmel li “fost il-ħafna tibdil ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena.”  Ġol-bniedem Alla tefa xewqa, ħerqa li ma tmut qatt għall-hena li tiġi biss mill-qerda tal-Mewt u l-għajbien tal-biża’ li din tnissel fih.  Din hi l-ikbar problema tal-bniedem u kulma jagħmel, jagħmlu biex jaħrab minn dan il-monstru. Din ix-xewqa tgħaqqad lil kulħadd, hi x’inhi l-kultura li fih twieled, għalkemm kulħadd jaqbad triq għal rasu biex jikseb ħelsien. 

 

Dan il-ġiri wara l-karrotta ta’ eżistenza għal dejjem, fejn il-Mewt ma tgħammarx iktar, welled id-drawwiet, it-twemmin, id-diverġenzi ta’ bejnietna.  Tant modi li jgħaddu... dak li darba kien jgħammex l-għajnejn illum idarras lil dak li jkun, dak li darba kien modern, illum hu mormi bħala xi ħaġa antika.  Fil-qalba ta’ dan kollu, Alla jmiss il-qalb tiegħek u jnissel fiha qawwa, għarfien li ħafna m’għandhomx biex int tkun tista’ ssib lil Kristu, l-Blata li fuqha jistrieħ l-ispirtu tiegħek, il-Blata li qatt ma titbiddel, qatt ma tiqdiem, qatt m’hi moda jew barra mill-moda; il-Blata li dejjem hi hemm, fil-maltemp u l-bnazzi, lejl u nhar, fis-sekli li għaddew u dawk li ġejjin.

 

U dan kollu jinagħta lilna bi Grazzja!  Gwaj għall-bniedem li tmissu l-Grazzja u, bħall-Fariżej, jgħid f’qalbu, li għax kien jistħoqqlu, għax kien “tajjeb”. rċieva l-ikbar għana li jista’ jkollu bniedem;  li Alla messlu qalbu għax kien aħjar mill-oħrajn!  Aktarx li l-kontra.  Alla jmiss il-qlub ta’ dawk li huma agħar, anke jekk dan hu ħafna diffiċli għalina li nintebħu bih. San Pawl kiteb ħafna fl-ittri tiegħu dwar dan li fuqu hija msejsa l-Aħbar it-Tajba li twassal il-Knisja lid-dinja.  L-ikbar teżor li Alla jista’ jagħtina hu l-Ispirtu s-Santu li jiġi mill-Fidi fi Kristu.  It-tnejn huma Grazzja.  Grazzja tfisser “rigal mhux mistħoqq”.  Tkun imqarraq jekk tgħid li Alla tani l-Fidi u tani l-Ispirtu tiegħu għax jien ħdimtlu u stinkajtlu u nkeddejt għall-ħwejjeġ tiegħu.  Dan hu qerq tax-xjaten!  Il-Fariżej li sallbu lil Kristu kien jgħiduh dan il-kliem.  Imma San Pawl, fost l-oħrajn, jgħid: “Meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.”  (Rum. 5, 6w). 

 

“Konna bla saħħa” spiritwalment, jiġifieri bla saħħa li nagħmlu t-tajjeb; ħafna bla saħħa li nħobbu lil min idejjaqna; bla saħħa li ma naħsbux għalina l-ewwel u niġbdu lejna.  Bla saħħa.  Hu dak il-ħin li Kristu jmut għalik; dak il-ħin meta int “ħażin”.  Il-Kelma tgħid: “Meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu.”  (Rum. 5, 10).  Dan hu li għandna bżonn niskopru: li aħna maħbubin hekk  kif aħna, anke wara li dnibna serjament, anke meta nindunaw li aħna konna fuq il-Kalvarju ma’ dawk li sallbu lil Kristu.  din hi tassew il-maturazzjoni tal-konverżjoni tagħna.  Hawn irridu naslu.  Mhux naljenaw ruħna bl-operetti ċkejkna tagħna għax nisimgħu ħafna quddies jew nitfgħu xi ħaġa fl-envelope tal-Arċipriet.  Hieni l-bniedem li jagħraf li hu kien għadu ta’ Kristu imma Kirstu ħabbu sal-mewt meta kien għadu tiegħu u ħallaslu dejnu kollu, u m’għandux għalfejn iħabbel rasu għal Jum il-Ħaqq għax hu ġie mixtri bi prezz għoli ħafna.  Huwa dan li jagħmilna wlied Alla, adottati minnu minħabba d-Demm ta’ Kristu.

 

Dawn in-nies li ġew minn bnadi differenti tad-dinja, drawwietu kulturi differenti, kif ġa għidna, jsiru ħaġa waħda, ġisem wieħed għax l-iskoperta ta’ Kristu tgħaqqadhom flimkien.  Huma jridu ħaġa waħda: li wara li daqu lil Kristu jridu jiskopruH aktar, jikbru aktar fih, jindunaw dejjem iżjed u jaraw dejjem aktar ċar il-Misteru tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu fejn jidħlu huma.  U barra minn dan, huma magħqudin flimkien għax jafu li resqin lejn is-Sema pajjiżhom.  Min jaħseb biss f’din l-art, jista’ jkollu l-aqwa karattru, imma hu egoist.  Hija l-istennija għall-Ġenna, li tagħmilna tassew aħwa.  Illum ftit tisma’ nies li qegħdin jistennew il-Ġenna.  Jistennew għajnuniet mingħand Alla għal hawn, imbagħad imutu, u jekk, għal li jista’ jkun, hemm xi ħaġa oħra wara l-Mewt, jittamaw li Alla jkollu ħniena minnhom.  Din mhix il-viżjoni Kristjana tad-dinja u tal-eternità.

 

Il-Liturġija tal-Kelma

 

Qari I

Iġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens.

Is 66, 18-21

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej: “Għad niġi niġbor il-ġnus kollha, u l-popli ta’ kull ilsien; dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi. Jiena ngħolli għalihom sinjal, u nibgħat lil xi wħud mill-fdal ta’ Iżrael għand il-ġnus, f’Tarsis, Put, Lud, u Mesek, Ros, Tubal u Ġawan, u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija, u qatt ma raw is-sebħ tiegħi, u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.

 

U jġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens, bħala offerta lill-Mulej; iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet, fuq suġġetti u bgħula u iġmla, għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, f’Ġerusalemm, jgħid il-Mulej: bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tal-qmuħ tagħhom f’ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej. U lil xi wħud minnhom neħodhom b’qassisin u leviti, jgħid il-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 116 (117), 1.2

 

R/. (Mk 16, 15): Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju

 

Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,

sebbħuh, intom popli lkoll! R/.

 

Għax kbira hi t-tjieba tiegħu magħna,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.

 

Qari II

Il-Mulej iwiddeb lil min iħobb.

Lhud 12, 5-7. 11-13

 

Qari mill-Ittra lil Lhud

 

Ħuti, insejtuha għalkollox il-kelma ta’ twissija li qalilkom ta’ wlied li intom: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, jolqot lil kull min jilqa’ b’ibnu”.

 

Hu għall-edukazzjoni tagħkom li intom qegħdin tbatu! Alla qiegħed jimxi magħkom ta’ wlied. Min hu dak l-iben li missieru ma jwiddbux? Tassew li bħalissa kull twiddiba ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott ta’ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja. Mela erfgħu l-idejn merħija u l-irkupptejn mitluqa tagħkom, u aqbdu triq dritta għal riġlejkom, biex min hu zopp, ma joħroġx mit-triq, imma jerġa’ jieħu saħħtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.

Lq 13, 22-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: “Mulej, iftħilna!”. Iżda hu jweġibkom u jgħid: “Ma nafx mnejn intom”. Imbagħad taqbdu tgħidulu: “Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna”. Hu jwieġeb u jgħidilkom: “Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!”. Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >