Din
hija il- Liturgija tat-Twelid tal-Vergni Mqaddsa Marija ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Fil-ġabra
ta’ Kotba Sagri li aħna nsejħu bl-isem kollettiv ta’ “Bibbja”, jew
l-Iskrittura, naħseb li m’hemmx Ktieb iktar diffiċli biex wieħed jikkummenta
fuqu mill-aħħar wieħed li l-Knisja ssejjaħ “l-Apokalissi ta’ San Ġwann”. Hu diskrizzjoni ta’ dehriet misterjużi li San
Ġwann l-Evanġelista kellu meta kien eżiljat fuq il-gżira ta’ Patmos, gżira
Griega fil-Baħar Eġew qrib ħafna tat-Turkija tal-lum. Ġwanni kien eżiljat hemm minħabba “l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù”
(Apok. 1, 9), kif jgħidilna hu stess fil-bidu tal-Ktieb.
Waħda
mid-dehriet, hu jiddiskriviha b’dan il-kliem: “U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt
riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.” (Apok. 12, 1).
Minn
dejjem, l-Insara għarfu f’din il-Mara kollha dawl bħalma hi x-xemx, lil Sidtna
Marija li f’dan il-Jum il-Knisja qegħda tifraħ bit-twelid tagħha. Imma din
il-Mara tista’ tkun ukoll il-Knisja, għax Marija hija Omm il-Knisja u xbiha
tagħha, u tista’ tfisser ukoll l-individwu li hu tassew Nisrani, għax anke
tan-Nisrani, Marija hija Omm u xbiha.
F’din
id-dehra, l-Mara mhix xi reġina komda fuq it-tron liebsa lbies ix-xemx, imma
hija f’mument ta’ kriżi, ta’ taqbida, għax kellha fuqha l-uġigħ tal-ħlas biex
twelled lil binha li kien għad irid jaħkem id-dinja kollha b’saltna li ma
tispiċċa qatt. U f’din il-qagħda
prekarja, il-Mara kellha quddiemha l-għadu l-kbir tal-bniedem, satana,
ix-xitan, jew “id-dragun il-kbir” (Apok.
12, 3) kif jiddiskrivih Ġwanni. Kien
kwiet quddiemha, iħares lejha fi tbatijietha, lest biex malli hi teħles jibla’
lit-tarbija. Imma kemm il-Mara u kemm
it-tarbija tagħha ġew salvati mill-periklu kbir tal-Ħażin bis-saħħa ta’ Alla.
F’dan
il-kuntest apokalittiku, wieħed malajr jinduna li hemm bżonn tifsira ta’ din
id-dehra tal-biża’. Hi dehra li tfisser
ħafna l-missjoni li kellha Marija, u bħalha, l-Knisja, u anke kull Nisrani li
jimxi ’l quddiem fil-Fidi. Infatti, hawn wieħed malajr jinduna, kif ġa
semmejna, li l-Mara hi Marija Omm Ġesù li welldet lil Binha meta kienet imdawra
minn perikli kbar, imma Marija hi xbieha wkoll tal-Knisja u anke tan-Nisrani
għax aħna lkoll imsejħa biex bħalha nitqalu b’Ġesù u nwellduh bix-xhieda tagħna
f’dinja li hi ostili kemm għall-Knisja kif ukoll għan-Nisrani.
Marija
hija Ommna u fl-istess ħin hija oħtna u hija aħna b’mod misterjuż għax
l-esperjenza tagħha hija l-esperjenza tagħna.
Meta Alla niseġ il-ġrajja ta’ Marija kien qed jinseġ il-ġrajja ta’
Knisja u tan-Nisrani. Fid-Dar tagħha ta’
Nazaret Marija rċeviet Aħbar mingħand messaġġier ta’ Alla li kienet
profondament Aħbar Tajba għaliha u għad-dinja.
Hi saret taf li għalkemm tfajla sempliċi f’raħal imwarrab, hi kienet
maħbuba minn Alla u mimlija bil-Grazzja tiegħU.
Hi kienet taħt għajnejn Alla u xejn ma kien qed jiġri b’kumbinazzjoni
f’Ħajjitha. Hi ġiet maħsuda minn
proposta magħmula lilha mill-Ħallieq ta’ kollox biex hi tkun il-pont, il-mezz,
l-istrument biex Alla jiġi jgħammar fost il-bnedmin.
Issa
dan kollu, kieku jkollna l-għajnejn tal-Fidi, nindunaw li ġara u jiġri lilna
wkoll. Forsi qajla nemmnuha din, imma
messaġġiera Alla jibagħtilna diversi drabi, nażżarda ngħid, ħafna drabi
f’Ħajjitna. Alla jaħdem magħna u
fl-Istorja tagħna b’mod li jaħsadna, li kieku kellna nindunaw. Alla ltaqa’ ma’ Abraham fil-figura ta’ tliet
irġiel li kienu qed jivvjaġġaw. Hu
mill-ewwel induna għax kien bniedem li kien qed jishar għal Alla billi stenna
ħwejjeġ kbar mingħandu. Ħares lura u
ifli lil Ħajtek u ara tindunax b’dawk il-mumenti misterjużi li ma tafx
tfissirhom... kelma ta’ ħabib, ġrajja li domt ma fhimtha, sitwazzjoni li fiha
l-istint jew l-intuwizzjoni tiegħek donnha kelmitek u qaltlek li kont qed
tinsab fil-preżenza ta’ Alla... mument fejn għajnejk ftaħthom beraħ f’reazzjoni
ta’ sorpriża... mument li għadda malajr imma mmarkak. Kemm nies se jiltaqa’ magħhom l-Anġlu ta’
Alla llum stess għax Alla jaħdem, jaħdem, jaħdem il-ħin kollu fis-skiet
man-nies.
Lil
Marija saritilha wegħda li kienet se titqal b’tarbija mingħajr l-intervent
naturali ta’ raġel. Min se jemmnu
dan? Ħafna nies mhumiex ċkejknin jew
umli, u leħen l-Anġlu hu ċiniż għalihom u jintilef il-ħoss tiegħu fl-istorbju
tal-jum. Fil-Magħmudija li int irċivejt,
Alla wegħdek li, jekk int trid, fik twieldet qawwa, setgħa divina li kienet se
tikber u tikber sakemm minn fetus bla forma ssir xbiha ta’ Alla l-Ħaj li int ma
tkunx tista’ żżommha moħbija fik imma jkollok tħalliha toħroġ minnek b’mod
naturali u twellidha bħala xhieda għal Alla quddiem il-bnedmin.
Fiċ-ċokon
tagħha, Marija emmnet l-Aħbar tal-Anġlu u hi tqalet. X’sempliċità fl-affarijiet ta’ Alla! Emmen li fik hemm żerriegħa qaddisa li hi
l-fetus ta’ Kristu l-Iben ta’ Alla, li, jekk trid int, jekk trid int biss, Alla
jkabbru u jiffurmah bil-mod il-mod sakemm int ma tkunx tista’ żżommu iktar fi
ħdanek u tħalliH joħroġ minnek biex jaħji lill-oħrajn bix-xhieda tiegħek.
Il-Missierijiet
tal-Knisja dejjem qabblu l-konverżjoni tal-bniedem, il-ħidma ta’ Alla fih, bħala
tqala, it-Tqala ta’ Marija. Dejjem jekk
temmen, Alla jwettaq dan il-Miraklu Morali miegħek u jagħmlek Ommu, (ir-ruħ
tagħna hija dejjem femminili), jiffekondak bl-isperma tal-Ispirtu s-Santu li hi
l-Kelma ta’ Alla u jseħħ fik dan il-Misteru.
Mhux int se twettqu dan imma Alla! Meta Eliżabetta rat lil Marija, hija
ndunat. Hekk jindunaw in-nies meta jaraw
lilek tqil, tqila bi Kristu.
Marija
kellha bżonn ta’ dar fejn tgħammar, id-dar ta’ Nazaret. Id-Dar li n-Nisrani għandu bżonn hi
l-Knisja. Mhux il-knisja tal-ġebel fejn
tiltaqa’ l-Ġemgħa Qaddisa, għalkemm dan hu għażiz għalih, imma l-Knisja li hi
l-Ġemgħa, li magħha jagħmel din l-esperjenza meraviljuża ta’ tqala
spiritwali. Alla ma jħallikx waħdek, kif
ma ħalliex waħedha lil Marija, imma dawrek bi sħaba ta’ xhieda, ta’ nies li
jgħinuk timxi t-triq qaddisa, tak l-għajnuniet tal-Kelma, tas-Sagramenti li
fihom jgħammar l-Ispirtu s-Santu. Din
il-Ġemgħa hija bħall-kurdun tat-tarbija li minnu jgħaddi l-ikel li jżommha
ħajja.
Imma
lil Marija ġie lilha mwiegħed sejf li jinfdilha qalbha. Is-sejf tan-Nisrani huwa s-Salib li jrid
iġorr kuljum. Dan huwa l-melħ li
jmellaħlu Ħajtu. Ma jeżisti xejn
awtentiku, veru, ta’ valur mingħajr it-tbatija.
Irridu u ma rridux, it-tbatija hija qaddisa, hija l-melħ li tobsqu ’l barra jekk jiġik f’ħalqek, imma
huwa hu li jagħti togħma lill-borma.
Marija saret Omm l-umanità fit-tbatija, bħall-Mara tal-Apokalissi li
semmejna fil-bidu. It-tbatija biss
issawwar dak li hu veru. Kulma jiġri
fid-dinja jixhed li dan hu minnu. Kristu
jkun kiber tassew fina dak in-nhar meta nażżardaw ma nitolbux li jitneħħa
s-Salib minn Ħajjitna, imma li ninagħtaw l-Għerf u d-dixxerniment li ngħarfu li
fis-Salib hemm imgeżwra l-Imħabba ta’ Alla. Dan hu l-Misteru l-kbir
tal-eżistenza tal-bniedem; din hija r-rebħa fuq il-Mewt li Kristu biss u waħdu
kapaċi jagħtina.
L-Ewwel Qari: Mikea 5, 1-4a
Imma int, Betlehem ta’
Efrata, ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun
prinċep f’Iżrael; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem ta’
dejjem. Għalhekk il-Mulej jitlaqhom sa ma teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas;
imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael.
U hu joqgħod jirgħa l-merħla
tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu. U huma jgħammru fiż-żgur, għax issa tkun
kbira setegħtu, sa trufijiet l-art. U
dan ikun is-sliem!
Salm Responsorjali: Lq. 1,
46-55.
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ
f'Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli
hienja.
Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta' driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron
tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b'riżq Abraham u nislu għal dejjem."
It-Tieni Qari: Rumani 8, 28-30.
Aħna nafu li Alla, ma’ dawk
li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox
jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. Għax
dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu sura fuq
ix-xbieha ta’ Ibnu ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li
ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll;
lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.
L-Evanġelju: Mattew
1,18-30.
It-tnissil ta’ Ġesù
l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru
joqogħdu flimkienm saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li
kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibagħtha
bil-moħbi tan-nies.
Meta kien għadu qiegħed
jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn
la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej
mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha
iben, u int ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal
il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara ix-xebba tnissel u jkollha iben u
jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.
Ġużeppi, meta qam, għamel
kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. Imma baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha iben, u
semmieh Ġesù.
|