Din
hija il- Liturgija ta' l-Erbgha u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Irridu dejjem noqogħdu
attenti dwar il-lingwaġġ li nużaw meta nitkellmu fuq il-ħwejjeġ qaddisa, li
huma l-aktar affarijiet importanti għax għandhom x’jaqsam intimament mal-Ħajja tagħna. Id-dinja żvalutat, għamlet “cheap” ħafna
kliem li għandhom tifsira kbira għax fil-kultura li qegħdin ngħixu r-reklamar,
il-“marketing” huwa kollox. Imma din
il-mania daħlet ukoll fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Nużaw kliem importanti qisu mhu xejn. Insemmi tlieta minnhom: l-Imħabba, il-Fidi,
il-Konverżjoni.
Hu faċli ngħidu li nħobbu
lil Alla. Lanqas issib lil ħadd li
jgħidlek li ma jħobbx lil Alla. Kulħadd
iħobb lil Alla, imma ftit ħafna huma dawk li jpoġġuH l-ewwel u qabel kollox,
qabel il-familja, qabel ix-xogħol, qabel il-“Jien” tagħhom stess. Jekk wieħed jagħmel riflessjoni serja malajr
jinduna kemm din il-kelma hekk qawwija, l-Imħabba, ġiet żvalutata għal kollox,
speċjalment f’dinja fejn l-Imħabba saret tfisser sess, pjaċir, x’se nieħu jien
u mhux x’se nagħti.
Anke l-kelma “Fidi” llum
ftit jafu tassew xi tfisser. Ara ma
taħsibx li l-Fidi hi kwistjoni biss li tmur il-knisja, jew li int dilettant
tal-kultura li ħarġet mill-Fidi, jew għax ġejt mgħammed, jew għax sibt ruħek tgħix
f’pajjiż “Nisrani”. Il-Fidi jew tidher
fil-mod kif tgħix jew m’hi Fidi xejn.
il-Fidi vera tfisser li int mitt u twelidt mill-ġdid. Din hi l-Fidi skont Kristu. Dan, li wieħed imut u jitwieled mill-ġdid hu
miraklu ċċelebrat b’sinjali fil-Magħmudija.
Imma l-Magħmudija hija proċess li jtul ħajtek kollha u mhux rit fuq
tarbija biss. Il-Fidi fik u fija hija
kbira skont kemm kibret il-Magħmudija.
Is-Salib li lkoll inġorru jikxfilna x’Fidi għandna. Dan lili jħassibni għax ninduna
fil-medjokrità ta’ spiritwalità li għandi u nibża’ ngħid “nemmen” jew “inħobb”
għax kbir huwa l-ingann li jista’ jaqa’ fih i-bniedem. Il-Fidi hija l-ikbar don ta’ Alla u tagħmel
minna nies “ġodda”, xhieda tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.
U kelma oħra wżata bl-addoċċ
hija “l-Konverżjoni”. Il-konverżjoni
tfisser appunt li “titwieled mill-ġdid”.
Sagrament ta’ konverżjoni huwa l-Qrar, li b’xi mod jixbaħ
lill-Magħmudija. Anzi kull qrara hi
speċi ta’ Magħmudija oħra, għax fiż-żewġ sagramenti jiġi maqtul il-bniedem
il-qadim li twelidna fih u jixxettel il-bniedem il-ġdid li jixbaħ lil
Kristu. Imma fil-fatt, kemm hu veru
dan? Ħafna qrar isir bl-addoċċ, biex
inkun nista’ nitqarben f’xi quddiesa mportanti... ħasil ritwali u xejn
aktar. Qrara serja tbiddel
lill-bniedem. Il-konverżjoni vera hija
Miraklu Morali li Alla biss kapaċi jwettaq fil-bniedem, jekk il-bniedem ikun
jixtiequ.
Għax il-bidla mill-qiegħ li
hi l-konverżjoni tibda minn xewqa kbira li tinbet fil-bniedem li jbiddel ħajtu.
U ma noqogħdux ninħbew wara subgħajna: ilkoll għandna bżonn konverżjoni, nies
tal-knisja u m’aħniex. Anzi min hu
mbiegħed ħafna minn Alla jista’ jkun eqreb bla ma jaf għax l-esperjenza
tad-dnub hi fiha nnifisha reklam favur Alla!
Għaliex? Għax id-dnub joqtol!! Għalhekk Alla hu dejjem rebbieħ fuq
satana! Id-dnub iwiegħed ħafna u jagħti
l-kontra. Mhux ta’ b’xejn li tal-aħħar
jiġu l-ewwel. Ħafna nies qrib il-knisja
jibżgħu jidinbu, u jagħmlu sewwa. imma
hu faċli jaħsbu li d-dnub hi frotta tajba imma li Alla ma jridx li mmissuha,
għax jekk immissuha xi ħaġa kerħa tiġrilna.
Hawn għandna bżonn ta’ konverżjoni wkoll!
Kristu kien ikun imdawwar
minn nies għatxana għall-Kelma għax ħafna minnhom kienu midinbin kbar, daqu
x’jagħti d-dnub u riedu jiggranfaw ma’ xi ħadd li seta jiġbidhom ’il barra
minnu. Mattew telaq il-mejda tar-regħba,
Żakkew niżel jiġri minn fuq is-siġra, il-prostituta bkiet u dilket saqajn
Kristu bil-fwieħa. Min jikkonverti
tassew jidħol f’festa enormi ta’ ħelsien.
Anke s-Sema tifraħ u tagħmel Festa, skont Kristu. il-konverzjoni mhix li wieħed iqerr biex ma
jmurx l-infern. Ħafna, ħafna iktar minn
hekk. Il-konverżjoni hi bħal waħda
miġbuda lejn il-Maħbub tagħha li ħarbilha.
Hi tfittxu ’l hawn u ’l hinn għax mingħajru ma tgħixx, imma ma sabitux. Ħliet ħajjitha tiġri wara t-tajjeb u wara
l-ħażin, sakemm fl-aħħar sabitu! Sabitu
u għannqitu magħha u ma riedet titilqu qatt għax kienet taf li tista’ terġa’
titilfu. Hu kien it-Teżor li qalbha
dejjem fettxet.
Kull maħluq ifittex lil
Kristu bla ma jaf! Kristu huw l-Ferħ li kulħadd irid. Kristu hu l-Ħelsien li kulħadd irid. Kristu hu l-Ħajja għal dejjem li kulħadd
irid. Kulħadd ifittex lil Kristu imma
l-biċċa l-kbira nfittxuH fejn mhux. Min
jiġri wara l-flus qiegħed ifittex lill-“Maħbub” bla ma jaf min hu. Min jiġri wara n-nisa qiegħed ifittex
il-“Ħajja” bla ma jaf x’inhi. Min miġnun
fuq il-politika qiegħed joħlom bis-soluzzjoni tal-problemi li jeżistu bla ma
nduna fejn din tinsab. Hawn min
jgħidlek: “Il-familja kollox!”
Ħażin! Kristu huwa kollox għax
Kristu biss miet għalik u rebaħlek Ħajja għal dejjem fil-hena li ġejja! Kristu qam mill-mewt u dan l-“għaġeb” ta’
Alla jfisser li min jemmen fi Kristu m’hemmx iktar biża’ tal-mewt fih imma minn
issa stess jgħaddi għall-Ħajja li ma tispiċċa qatt f’din id-dinja u titkompla
wara. Din hi l-konverżjoni lejn il-Fidi vera li tnissel Imħabba lejn kulħadd.
Meta jiġri dan il-fatt
enormi f’Ħajjitna, Alla jagħmel festa!
Ilibbisna l-ħwejjeġ ta’ prinċep, joqtlilna l-għoġol l-imsemmen u jkanta
u jiżfen magħna, għax aħna konna mejta u issa sibna l-Ħajja vera! Iżrael, fl-ewwel qari, David, fis-Salm
Responsorjali, San Pawl, fl-Ittra lil Timotju u l-iben il-ħali lkoll għaddew
minn dan il-passaġġ. Din hija t-triq,
l-esperjenza ta’ festa, li aħna mistednin għaliha.
Il-Liturġija tal-Qari ta’
dan il-Ħadd.
Qari I
Il-Mulej nidem
mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.
Eż 32, 7-11. 13-14
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien,
il-Mulej qal lil Mosè: “Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti
tellajt mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom
għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju
u qalu: “Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu”.
U l-Mulej issokta jgħid
lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta’ ras iebsa.
Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U
lilek nagħmlek ġens kbir”.
Mosè mbagħad talab
bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel
bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b’ħila kbira u b’id qawwija,
ħriġtu mill-art tal-Eġittu? Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja
tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: “Inkattar in-nisel
tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha
lil nisilkom bħala wirt għal dejjem”.
U l-Mulej nidem
mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 50 (51),
3-4.12-13. 17 u 19
R/. (Lq 15, 18): Inqum
u mmur għand missieri
Ikollok ħniena minni, o
Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena
tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni
mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub
tiegħi. R/.
Oħloq fija qalb safja,
o Alla,
u spirtu qawwi ġedded
fija.
La twarrabnix minn
quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu
qaddis tiegħek. R/.
Iftaħli xufftejja,
Sidi,
u fommi jxandar
it-tifħir tiegħek.
Is-sagrifiċċju tiegħi,
o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena
ma twarrabhiex, o Alla. R/.
Qari II
Kristu Ġesù ġie
fid-dinja biex isalva l-midinbin.
1 Tim 1, 12-17
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil
Timotju
Għażiż, niżżi ħajr lil
Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet
tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, lili li qabel kont
dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt
għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi. Anzi lili l-grazzja ta’
Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u mal-imħabba, li hi fi
Kristu Ġesù.
Din hija kelma ta’ min
jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva
l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena,
biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu,
b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’
dejjem.
Lis-Sultan ta’ dejjem,
li ma jmutx u li ma jidhirx, lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta’
dejjem! Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
2 Kor 5, 19
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Alla kien li ħabeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru
ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ikun hemm ferħ fost
l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.
Lq 15, 1-32
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien,
1il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U
kemm il-fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’
għandu dan u jiekol magħhom”.
Ġesù qabad u qalilhom
din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u
jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex
imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq
spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom:
“Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli”. Ngħidilkom li
l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem
milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema. Jew
min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li
mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal
sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u
tgħidilhom: “Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli”.
Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb
wieħed li jindem”.
Qalilhom ukoll: “Kien
hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: “Missier, agħtini
s-sehem li jmiss lili mill-ġid”. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq
ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u
hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak
il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed
minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku
jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien
jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom
ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand
missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma
jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”. Qam,
u telaq għal għand missieru.
Iżda kif kien għadu
fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u
biesu. Qallu ibnu: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma
jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”. Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu:
“Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u
s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u
nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!” U
għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien
fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ
wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: “Hawn ħuk, u missierek
qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ”. Hu inkorla, u ma
riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil
missieru: “Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u
kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! 30Imbagħad
jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol
l-imsemmen!”. Wieġbu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi
huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien
mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|