Friday, 18 October 2019
           
Home
IL-HAMSA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) IL-GIBDA G&ALL-FLUS U L- IBDA LEJN ALLA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 21 September 2019

Din hija il- Liturgija tal-Hamsa u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

25hadd.jpg

 

Bħala l-akbar għadu tal-ġibda naturali li nħossu fina lejn Alla u lejn il-qdusija u lejn “it-tajjeb”, l-Iskirttura tpoġġi lill-idolatrija, jiġifieri l-qima, il-fiduċja li l-bniedem jagħti lil allat oħra, allat giddieba u foloz; allat li jivvinta hu; allat f’sura li togħġob lilu.  Alla l-Imbierek hu kbir wisq biex jifhmu moħħ il-bniedem u lanqas taf biex se joħroġlok fl-Istorja li jinsiġlek.  Quddiemu hemm dejjem din il-prekarjeta, din il-“ma nafx x’ġej” li xi wħud għelbuha bil-Fidi kbira li kellhom f’Alla, tant li jiġri x’jiġri jemmnu li kollox hu għall-ġid u li kollox se jispiċċa tajjeb għax dan Alla misterjuż huwa l-Imħabba, l-Imħabba perfetta.  Hu stess jgħid: “Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom.  Għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet mill-art, daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.”  (Is. 55, 8-9).

 

Il-bniedem li m’għandux Fidi soda ma jiflaħx dan id-distakk, dan il-bogħod bejnu u bejn Alla li ħalqu.  Dan iwelled fih solitudni, insigurtà, vojt, dieqa, li jimbuttawh biex jistrieħ f’setgħat oħra, qawwiet oħra, allat oħra.  Hekk, fl-antik, hu vvinta allat tal-fertilità, li jagħtuh il-ġid għal din il-ħajja, art fertili għall-ikel, nisa fertili biex ikollu wlied li jiddefenduh f’ambjent bikri u selvaġġ, saħħa fil-ġisem u għomor twil.  Il-ġnus li kienu madwar Iżrael kollha kellhom dawn il-kulti, dawn ir-reliġjonijiet, li ma kinux jagħfsu wisq fuq ħajja moralment tajba, imma fuq li int tmur it-tempju u toffri s-sagrifiċċji.

 

Dawn kienu nassa enormi għall-Poplu ta’ Alla għax wara dan kollu kien hemm ix-xewqa tal-bniedem li jkunu għani, li joktorlu ġidu, li jkollu l-flus, li, fil-fatt, kif qed nindunaw illum, isir bħal Alla u indipendenti minnU!  L-Istorja ta’ Iżrael hija l-Istorja tal-infedeltà tiegħu lejn Alla li taħ il-ħelsien mill-Eġittu u Art tnixxi ħalib u għasel.  Alla tah kollox, imma l-poplu xorta baqa’ jdur lejn l-allat “ħfief” u tal-pjaċiri li bihom kien imdawwar u dan qanqal l-“għira” ta’ Alla. 

 

L-għira ta’ Alla hi dejjem ġejja mill-Imħabba tiegħu, għax Hu jaf  li dawn l-allat mhux vera li jagħtu dak li jwegħdu u Hu ma jiflaħx jara lil uliedu jintilfu fuq xejxi giddieba.  Iżrael fl-imgħoddi, u aħna llum, ngħidu li nemmnu f’Alla u anke mmorru l-knisja darba fil-ġimgħa biex inserrħu l-kuxjenza u nħallsu l-piż (!) ta’ quddiesa fil-ġimgħa, imma Alla jħares lejn il-qalb u jara l-ipokrezija tagħna.  It-Talb tagħna jikxifna, ibda minni l-ewwel wieħed, għax nitolbu ħwejjeġ ta’ din id-dinja u ninsew li Alla għandu rigali enormi x’joffri li aħna lanqas biss nistgħu nimmaġinaw is-sbuħija tagħhom.  B’fomm Isaija Hu jgħid: “Dal-poplu resaq ħdejja b’fommu, u b’xufftejh biex iqimni, imma qalbhom ’il bogħod minni u l-biża’ li għandhom minni mhux ħlief preċett mgħallem lilhom mill-bnedmin.”  (Is. 29, 13). 

 

Fejn hi qegħda qalbek?  Din hi l-mistoqsija li min jersaq lejn il-Mulej b’sinċerità għandu jagħmel.  Ara li ma niħdux il-Fidi tagħna “for granted”.  Għax “fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra.  Min jifhimha?”  (Ġer. 17, 9).  Il-flus huma moħbija wara kull idolu.  L-idoli tal-lum huma aktar “maturi” u “puliti” mill-istatwi tal-ġebel tal-antik.  Il-“flus” huma l-akbar għadu ta’ Alla.  Huma l-idolu ta’ kull ġenerazzjoni.  Ħadd ma jammetti li jagħmel għall-flus, li l-flus huma l-idolu tiegħu li minnhom jitlob il-Ħajja u s-sigurtà u li minħabba fihom warrab fil-ġenb lil Alla li ħalaq lilu u ħalaq lil flusu. 

 

Kristu ġie biex jeqred id-dnubiet minn qalb il-bniedem u hu l-għadu taż-żina, tal-qtil, tas-serq, tal-ġideb, tan-nuqqas ta’ rispett, tal-għira... Imma dwar il-flus biss li Hu jgħid: “Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor.  Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”  (Lq. 16, 13). 

 

Ma Alla, qalb ratba għalik innifsek u għall-proxxmu.  Mal-flus qalb li tibbies kemm għalik u iktar għall-proxxmu.  Il-Profeti kollha kemm huma ħambqu kontral-inġustizzji tal-pajjiż għax fejn joktru l-flus joktor fuq li joktor il-ħażen u l-korruzzjoni.  Hu mpossibbli għan-natura mwaqqa’ tal-bniedem li wieħed ma jqarraqx f’xi ħin jew ieħor (jew il-ħin kollu!) fid-dinja tan-negozju.  Il-Profeta Għamos, bniedem sempliċi, wild ir-raba’, inagħta l-għerf u l-awtorità mingħand il-Mulej biex jikxef il-qerq tal-ftit għonja tal-pajjiż a skapitu tal-kotra l-fqira li ma kinux jafu jiddefendu ruħhom.

 

Imma San Pawl iħeġġeġ lill-Insara biex ma jiġġudikaw lil ħadd, anzi jitolbu għal min hu tajjeb u għal min hu qarrieq.  Saħansitra jitlobhom biex jinterċiedu quddiem Alla għal Neruni li kien qed jippersegwita lill-aħwa Nsara! Fi ftit kliem l-Appostli jħoss li hu inutli tippriedka kontra l-kilba għall-għana għax huma biss dawk li għandhom l-Ispirtu ta’ Ġesù rebbieħ fuq il-mewt, dawn biss kapaċi jużaw l-għana skond ir-rieda ta’ Alla.  Mhux dawk li jgħidu li jemmnu...  imma dawk li tassew għandhom l-Ispirtu s-Santu li fi Kristu rebaħ il-Mewt u dak kollu li jagħmel lill-bniedem egoista.  Il-bniedem hemm bżonn li tinbidillu qalbu u inutli li s-soċjetajiet kollha jipprovdu liġijiet u pulizija għax il-qerq u l-kriminalità ma jinqerdux żgur.  Hu Kristu l-waħdieni li għandu setgħa fuq qalb il-bniedem.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Kristu ma jfaħħarx l-iskrivan qarrieq, li kien qed jisraq lil min kien tah xogħol, għax dineb!  Imma Hu jpoġġieh quddiemna b’eżempju biex bħalu aħna wkoll inkun makakki bħas-sriep għat-tajjeb, biex ma mmorrux inħallu li ninġarru mid-dinja u nitilfu l-għana veru li hu l-Ħajja ta’ Dejjem li tibda saħansitra minn hawn.  Noqogħdu lventi u ninsistu u nishru u nitgħallmu minn dawk li żżewwġu lid-dinja għal kollox.  Araw kemm jitħabtu, kemm iljieli jqattgħu jaħsbu x’se jagħmlu biex igeddsu iktar!  U aħna li aħna msejħin għal dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, nintelqu, nipposponu, nikkalkulaw u nkaxkru saqajna fil-qadi tal-Mulej.

 

Il-Liturġija tal-Qari tal-lum.

 

Qari I

Il-Mulej kontra dawk li jixtru bil-flus il-foqra.

Għam 8, 4-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

 

Il-Mulej qalli: “Isimgħu dan,

intom li tikkalpestaw l-imsejken,

intom li ttemmu l-foqra tal-pajjiż,

u tgħidu: “Meta se jgħaddi l-qamar ġdid,

ħa nbigħu l-qamħ?

Meta se jgħaddi s-Sibt ħa nferrgħu x-xgħir,

inċekknu l-efa, u nkabbru x-xekel,

u nqarrqu b’miżien falz,

nixtru bil-flus il-foqra,

u b’żewġt iqrieq l-imsejken?

Inbigħu sal-karfa tal-qamħ”.“

Il-Mulej ħalef bil-foħrija ta’ Ġakobb:

“Ma ninsa qatt xejn minn għemilhom!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 112 (113), 1-2.4-6.7-8

 

R/. (ara 1a u 7b): Faħħru lill-Mulej, li jerfa’ l-fqir

 

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,

faħħru isem il-Mulej.

Ikun isem il-Mulej imbierek,

minn issa u għal dejjem! R/.

 

Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,

ogħla mis-smewwiet hu sebħu.

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,

li qiegħed fl-għoli,

u li jħares ’l isfel,

lejn is-smewwiet u lejn l-art? R/.

 

Hu li jqajjem mit-trab l-imsejken,

u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar,

biex mal-kbarat iqiegħdu,

mal-kbarat tal-poplu tiegħu. R/.

 

Qari II

Itolbu għall-bnedmin kollha, għax Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw.

1 Tim 2, 1-8

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, nitolbok l-ewwel nett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha; għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq. Dan hu tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.

 

Għax wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd; u x-xhieda ta’ dan ngħatat f’waqtha. Hu għal dan li jien kont magħmul xandâr u appostlu – qiegħed ngħid is-sewwa, m’iniex nigdeb – biex ngħallem lill-ġnus il-fidi u l-verità. Nixtieq li l-irġiel jitolbu kullimkien, jerfgħu ’l fuq idejn safja bla għadab u bla ġlied.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.

Lq 16, 1-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: “Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi”. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: “Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu”.

 

U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. “Kemm għandek tagħtih lil sidi?” staqsa lill-ewwel wieħed. “Mitt barmil żejt”, wieġbu dak. Qallu l-amministratur: “Oħroġ il-karti tiegħek, oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin”. Lil ieħor staqsieh: “U int, kemm għandek tagħti?” “Mitt xkora qamħ”, wieġbu. Qallu: “Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin”.

 

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.

 

Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >