Friday, 18 October 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) L-ISKOP TAL-EZISTENZA
IS-SITTA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) L-ISKOP TAL-EZISTENZA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 28 September 2019

Din hija il- Liturgija tas-Sitta u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

26hadd.jpg

 

Sittin sena ilu, meta konna żgħar, konna nitgħallmu bl-amment ħafna mill-Katekiżmu tal-Knisja fuq is-siġġijiet tad-duttrina.  Ma kellna l-ebda ideja x’konna qed ngħidu u d-duttrina serviet biss biex tkun ta’ bidu umli għal tfittxija serja, aktar tard, ta’ min hu Alla li deher fi Kristu Ġesù ta’ Nażaret.  Iżda dawk l-ilħna rqaq tat-tfal, f’kantaliena monotona kienu qed ilissnu veritajiet profondi li kienu teoloġiċi u anke filosofiċi!

 

L-ewwel mistoqsija tal-ktejjeb, għax il-Katekiżmu kien magħmul minn mistoqsijiet u tweġibiet, kienet: “Għaliex ħalqek Alla?”  Din hi mistoqsija-bomba li kapaċi titfa’ bniedem, li jaf jaħseb, fi kriżi.  Għal ħafna nies din il-mistoqsija-bomba tibqa’ bla ma tisplodi ħajjithom kollha!  Ħafna qatt ma jistaqsu lilhom infushom għalfejn inħalqu, għalfejn ġew fid-dinja, għalfejn qed jgħixu.  Għalfejn qed tgħix int?

 

 

Jekk niltaqa’ ma’ ħabib miexi għal għonq it-triq u nistaqsih fejn kien sejjer, jista’ jirrispondini b’mod differenti: sejjer il-Knisja; sejjer il-każin; sejjer għand it-tifla; sejjer ngħaddi siegħa l-pjazza.  Tkun ħaġa tal-għaġeb jekk jirrispondini: “Taf li ma nafx!  Tlaqt mid-dar u ma nafx fejn sejjer!”  Għandna tweġiba għall-aktar affarijiet sempliċi tal-Ħajja, imma għall-affarijiet l-iktar importanti qisna boloh, m’aħniex differenti minn tfal żgħar li għadhom ma jafux jaħsbu.

 

Wieħed jista’ jirrispondi billi jgħid: “Ngħix biex naħdem.  Għandi xogħol tajjeb u tgħidx kemm tħabatt għalih!”  “U taħdem għalfejn?”  “Tajba din!  Biex naqla’ l-flus!”  “U l-flus għalfejn?”  “Biex ngħix!  Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus!”  “U tgħix għalfejn?”  U hekk insibu ruħna f’ċirku, dejjem nirritornaw għall-ewwel mistoqsija...

 

Il-biċċa l-kbira tan-nies ma jsaħħnux moħħhom b’dan... jgħixu u daqshekk.  Jeżistu biex jaħdmu u jixtru.  Jekk bniedem għandu xi jċekċek fil-but, OK; jekk le jibda l-inkwiet.  Dan hu l-mod kif taħdem l-ekonomija moderna u l-bniedem hu biss skorfina f’magna kbira ta’ produzzjoni u nfieq.  Tgħallimna ngħixu hekk bl-amment u sirna bħan-nemel... kulħadd jaf x’għandu jagħmel u niġru qisna mġienen: naħdmu, naħdmu, naħdmu u nonfqu, nonfqu, nonfqu.  Nippruvaw nagħtu ftit kulur lill-ħajja b’avvenimenti marbuta mal-istaġuni... Milied, Għid, festi, baħar fis-sajf, football fix-xitwa... u “nqattgħu” iż-żmien hekk.  Sakemm wieħed jaqa’ fl-art... funeral, biki, ċimiterju... u ftit wara anke dawk li bkewk jidraw mingħajrek u qisu qatt ma kien xejn... ħajja qisha żiffa riħ, festa tas-sajf li tgħaddi, jew ftit passi ta’ tifel fuq ir-ramel li jmorru mal-mewġ.

 

Imma tassew li din hi l-Ħajja tal-bniedem?  Għal dan “ix-xejn” ġejna maħluqa?  Għalfejn ġejt jien fuq din il-gżira u mhux ħaddieħor?  Min kien li ried li jien ngħaddi sebgħin, tmenin sena fuq din il-pjaneta... jien u mhux ħaddieħor floki?  Il-bniedem ma jissaportix il-baħħ tal-eżistenza u jivvinta l-allat ta’ ħajtu, l-idoli tad-dinja: ix-xogħol, l-għana, il-pjaċiri, il-passatempi, il-ġiri wara s-suċċess akkost ta’ kollox, li jkun stmat... saħansitra l-familja u l-ħbiberiji.  Malli dawn l-affarijiet, li bażikament huma tajbin, il-bniedem jagħmilhom l-iskop tal-Ħajja, ikun bidilhom f’jasar, taħsir, dnub... għax mhumiex kapaċi jservu bħala s-sens tal-eżistenza.  Il-bniedem jipprova elf ħaġa għax jaf li Ħajja bla sens, bla skop twassal għall-ġenn. 

 

Il-bniedem qatt ma kellu fhiex jehda daqs il-bniedem tal-lum.  Suppost li qatt ma kien daqshekk ’il bogħod minn-nonsens, mill-baħħ, daqs illum.  Sadanittant is-suwiċidji qed jiżdiedu kullimkien fil-pajjiżi “avanzati” anke f’pajjiżna.  Għaliex?  X’qed jiġri?  X’marda għandu l-bniedem modern li lanqas il-flus, lanqas l-avanzi fil-mediċina, lanqas l-għeġubijiet tat-teknoloġija ma rnexxielhom jagħmluh il-bniedem ħieles, sid ta’ kollox, kuntent bih innifsu?  Għaliex irid jisker jew jiddroga ruħu biex jifraħ?  Għaliex, għaliex, għaliex?

 

Il-filosofi, il-psikoloġisti, il-ħakkiema li jsawru l-liġijiet, ilkoll iżidu fl-istorbju tat-tweġibiet.  Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra.  Fil-qalba ta’ dan kollu, leħen kwiet imma setgħan joħroġ mir-rivelazzjoni antika li rċieva l-bniedem minn barra minnu... mhux minnu imma minn barra minnu.  “Il-poplu tiegħi bidel il-glorja tiegħu max-xejn!  Stagħġbu smewwiet b’dan, tkexkxu fuq li tkexkxu.  Għax tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi: telqu lili, l-għajn tal-ilma ġieri, biex ħaffru bjar għalihom, bjar miksura li ma jżommux ilma!”  (Ġer. 2, 11-13).  Min jifhimha din il-Kelma?  Żgur mhux il-bniedem li telaq ’l Alla tiegħu biex iġġennen wara “l-allat” li vvinta hu.  Il-bniedem ifittex il-Ħajja, imma l-Ħajja ma jsibhiex.  Il-kbarat bagħtu l-qaddejja għall-ilma, marru sal-ġwiebi, imma ilma ma sabux.  Jerġgħu lura bil-ġarar battala!  (Ġer. 14, 3). 

 

Il-Profeta kien jaf x’qed jgħid għax għex fi żmien meta s-soċjetà tiegħu kienet bħal frotta mħassra mdendla mas-siġra imma li waslet biex taqa’. L-Ewropa, l-Amerika, id-dinja post-Kristjana, riesqa lejn is-sies, u kulħadd jaħseb li qatt ma ġietu tajba l-bniedem daqs illum!  Lid-dinja Ġesù jweġibha: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.  L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem.”  (Ġw. 4, 13-14).

 

Ġesù jitkellem b’Awtorità!  Jew jien nagħti sens lil Ħajtek jew ħadd!  Mistoqsi dwar kif kien fi ħsiebu jirbaħ l-elezzjoni għall-President tal-Amerika, Clinton wieġeb: “It’s the economy, stupid!”  U Clinton rebaħ l-elezzjoni...  In-nies, agħtiha l-flus fil-but u tagħmel biha li trid.  Imma tkun qed tidħaq biha.  Tkun qed tilgħab biha.  Tkun qed tingannaha.  “Min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx!”  Is-soluzzjoni huwa l-ilma li għandu Kristu.  Imma dan int trid tiskoprih.

 

Dan il-Ħadd nerġgħu niltaqgħu ma’ Għamos jitħabat mal-inġustizzji tal-ekonomija ta’ żmienu.  Bħall-profeti kollha, hu ħabbar li l-inġustizzja qatt ma hi sostenibbli.  Sistema li twelled inġustizzji qegħda tiġri lejn it-tmiem għax mhix il-verità.  Clinton ma qalx il-verità, imma d-dinja tħobb il-gidba.  Kristu jtenni dak li jgħid Għamos meta jħabbar li min jemmen fl-allat tad-dinja (l-ewwel fosthom il-flus) u jogħxa bihom dalwaqt tiġih waħda terribbli u ma jkunx jista’ joħroġ minnha.  Mhux dejjem hekk ġara?  Jew ma nitgħallmu qatt?

 

Hieni l-biedem li jsib l-għan veru tal-eżistenza tiegħu fuq din l-art.  Fuq dan is-sens, l-iskop, id-direzzjoni soda tal-Ħajja, jitkellem San Pawl meta jagħti d-Dawl lid-dixxiplu tiegħu Timotju li tant kien iħobb.  “Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ.”  (1 Tim. 6, 12).  Dan hu l-iskop tal-Ħajja li għaliha jistedinna Dak li ħalaqna. It-taqbida tal-fidi hi li ma tistallax imma dejjem timxi fit-tfittxija dejjem iktar ċara tal-Imħabba eterna li l-Missier għandu għalik u li lilek urihielek fi Kristu Ibnu.  Din il-Mixja dejjem iktar ’il ġewwa fil-Fidi fi Kristu hi l-għan.  U l-Missier iżejnek bl-Ispirtu s-Santu li hu l-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn hawn!  Dan hu l-Misteru meraviljuż tal-Ħajja Nisranija.  Int tkun taf li diġa dħalt fil-Ħajja ta’ Dejjem ġa minn din id-dinja għax inagħtalek li tħobb lill-aħwa.  Dak li qabel kien impossibbli għalik, isir possibbli, anzi l-ferħ tiegħek.

 

U t-tfal kienu jwieġbu għall-mistoqsija li biha bdejna billi jgħajtu f’kantalena: “Alla ħalaqni biex ngħarfU, inħobbU, naqdiH u mmur ingawdiH għal dejjem fis-Sema!”  Toffri sens bħal dan id-dinja għal Ħajtek?

 

Il-Liturġija tal-Kelma ta’ dan il-Ħadd:

 

Qari I

Tintemm l-għajta tal-imhejmin.

Għam 6, 1a. 4-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

 

Dan jgħid il-Mulej li jista’ kollox:

Ħażin għalihom

dawk li f’Sijon għandhom moħħhom mistrieħ,

dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija!

Fuq sodod tal-avorju mimduda,

jitmattru fuq il-friex;

u ħrief il-merħla jieklu, għoġiela mill-istalla.

Mal-arpa jqabblu l-għana,

bħal David strumenti jivvintaw.

L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,

u bl-ifjen żjut jindilku,

bla xejn ma jsewdu qalbhom

għall-qerda ta’ Ġużeppi.

Għalhekk ikunu l-ewwel fost dawk li jittieħdu fl-eżilju,

u tintemm imbagħad l-għajta tal-imhejmin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10

 

R/. (1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 

Il-Mulej li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

 

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

 

Qari II

Ħares l-istruzzjonijiet sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu.

1 Tim 6, 11-16

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.

 

Inwissik quddiem Alla li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha, u quddiem Kristu Ġesù li xehed u għamel l-istqarrija sabiħa quddiem Ponzju Pilatu. Inwissik biex tħares l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija sa jum id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad

juriha f’waqtha.

 

Dak li hu l-hieni u waħdu setgħani, is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien, li hu biss ma jmut qatt u jgħammar f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh, hu li ebda bniedem qatt ma rah u anqas qatt jista’ jarah. Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sidna Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu, issa hu qiegħed jitfarraġ.

Lq 16, 19-31

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-fariżej: Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.

 

Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.

 

Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”. Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >