Din
hija il- Liturgija tas-Seba' u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ilkoll
nafu li l-ġenerazzjoni tagħna qegħda tgħix fi żmien speċjali għall-Knisja
fl-Istorja tagħha. San Ġwanni Pawlu II
meta kkonsulta ma’ grupp ta’ għorrief li laqqa’ hu stess, ried tweġiba
għall-mistoqsija jekk dan iż-żmien li jidher tant diffiċli għall-Knisja hux
żmien “normali”, diffikultajiet tas-soltu li tgħaddi minnhom il-Knisja, jew
inkella jekk fl-arja hawnx bidla, żmien ta’ taqliba epokali li bħalha qatt ma
kellha l-Knisja. It-tweġiba ta’ kulħadd
kienet li tassew dan hu żmien epokali li bħalu qatt ma rat il-Knisja.
Quddiem
il-fenomenu tal-kollass tar-“reliġjon” fil-pajjiżi hekk imsejħa “progressivi”
tal-Punent, ħafna li jħobbu l-Knisja qed jibżgħu u jitniehdu quddiem l-emoroġija
ta’ popli ħerġin mill-Knisja u parroċċi li jżarmaw u jbiegħu l-knejjes tagħhom
li jispiċċaw f’idejn spekulaturi bla skrupli.
Biex tagħqad, fil-Knisja hemm firda u nibtet oppożizzjoni għall-Papa u
l-mod kif jaħsibha, ħaġa rari fl-imgħoddi.
Biex ma nsemmux il-flaġell tal-pedofilija li għadu u donnu se jibqa’
jsawwat lill-Knisja midruba, għal żmien twil.
Id-dawl tal-Fidi qiegħed jintefa’ fuq l-Ewropa u fuq ġnus oħra u
l-bniedem dar b’deċiżjoni sħiħa mill-Fidi tiegħu fi Kristu lejn fidi fih
innifsu, u l-bniedem issa għamel lilu nnifsu alla. It-trijonf tal-“Jien”.
Fil-qalba
ta’ dan id-dlam, leħen il-Fidi jinstema’ fil-profond ta’ min jemmen... leħen li
jgħid: “Jiena hu, la tibżgħux!” (Ġw. 6, 20). Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, u mdallam kemm
ikun imdallam il-lejl, il-Knisja ma tiqafx ixxandar li Kristu huwa Sid
l-Istorja. Hu ġie magħmul hekk
mill-Missier bis-saħħa tar-rebħa tiegħu fuq il-Mewt, l-ikbar problema
tal-umanità. Bil-Qawmien tiegħu Kristu
rebaħ kollox. Għalhekk, hi x’inhi
l-Istorja, Kristu qed imexxi kollox għall-ġid.
Huwa qiegħed jiżbor il-Knisja tiegħu! Qed jagħmilha iżgħar imma
isbaħ, ifqar imma aktar għanja fil-Fidi.
Infatti,
dan hu żmien mill-iktar interessanti għall-Knisja! Għandna bżonn dixxerniment mingħand l-Ispirtu
s-Santu biex ngħarfu ċar x’qiegħed jgħidilna l-Mulej; kif irid li l-Knisja
taħdem biex tressaq tant nies morda f’ruħhom lejH biex ifejjaqhom. It-twemmin tal-Knisja ma jinbidel qatt, imma
l-mod kif twasslu, iva, u kif! Il-Knisja
dejjem tiġġedded. Dan hu s-sigriet
tagħha. Fl-aħħar sekli, meta soċjetajiet sħaħ kienu Nsara, meta, f’Għawdex, per
eżempju, kulħadd kien imur il-Knisja, kulħadd kellu l-Fidi... min ftit, min
ħafna. Lil dawn in-nies, il-Knisja
kienet twasslilhom lil Kristu permezz tas-Sagramenti u xi ftit
predikazzjoni. Ma kienx hemm bżonn ta’
ħafna predikazzjoni għax in-nies kellha Fidi biżżejjed biex tieħu l-grazzja
mis-Sagramenti li huma effikaċi fil-qies tal-Fidi li biha nilqgħuhom.
Iż-żminijiet
inbiddlu. Ħafna tilfu l-Fidi. Ħafna oħrajn jersqu lejn il-Quddies nhar ta’
Ħadd b’Fidi marida għall-mewt u bi bruda ddoqq l-iskotti, tant li għalihom
tliet kwarti fil-Knisja darba fil-ġimgħa huma sagrifiċċju li jagħtu lil Alla
biex Alla jgħinhom materjalment. Ereżija! Hu ċar illum (sinjal taż-żminijiet!) li ħafna
ma jistgħux jintlaħqu mill-pastorali sagramentali għax m’għandhomx Fidi. Ma jinteressahomx Ġesù fit-Tabernaklu; ma
jemmnux fil-Knisja; il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu għalihom hi ‘fairy tale’. Hu ċar li dawn, li darba tgħammdu u jinsabu
fuq ir-reġistru tal-parroċċa, mhumiex iktar Insara. Imma hemm bżonn jintlaħqu għal Kristu għax ma
jafux x’inhuma jitilfu!
Allura
l-Knisja qisha ferrovija fuq binarju wieħed; kif se timxi?! Il-binarju tal-Knisja hu dak li kien ħamsin,
mija, mitejn sena ilu: titma ’l Kristu lill-fidili bis-Sagramenti tagħha. Din tibqa’ dejjem pastorali kbira u fejjieda
imma għandha bżonn il-binarju l-ieħor li jikkomplimentaha: dik
tal-predikazzjoni. Mhux predikazzjoni
ta’ għaxar minuti fil-quddiesa tal-Ħadd biss, imma katekeżi iktar profonda u
ta’ ħin itwal. Ovvjament dan mhux għal
kulħadd imma għal min jilqa’ l-istedina.
Il-Knisja għandha bżonn tmur “back to basics” u xxandar l-Aħbar it-Tajba
ta’ Kristu, il-Misteru tal-Għid, l-Opra li Kristu wettaq għall-għadu tiegħu li
hu jien, int, dak u l-ieħor. Hemm bżonn
nemmnu f’din l-Imħabba miġnuna tal-Missier għalina li ġagħlitu jabbanduna lil
Ibnu biex aħna ma nibqgħux iktar qisna abbandunati! Hemm Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn
x’tintrebaħ u x’tintilef. Il-Knisja
għandha bżonn tiskopri lingwaġġ biex tfiehem l-Għid ta’ Kristu lin-nies għax
il-mod antik tal-priedki “morali” m’għadhom imissu qalb ħadd.
Kemm
għandna bżonn sabar! Imma din biss hija
t-triq li twassalna għal Knisja Ġdida, imma fl-istess ħin qadima daqs l-Atti
tal-Appostli. Kull parroċċa għandha tkun
skola ta’ daħla fil-Fidi għall-adulti.
Dan hu t-Teżor tal-parroċċa. Mhux
knisja sabiħa, jew statwa titulari, jew festa mill-aqwa, jew xogħolijiet
tal-arti. Dawn huma ħafna sekondarji;
jistgħu jgħinu, imma ħafna sekondarji.
L-għana
tal-Knisja lokali hi li jkolli gruppi ta’ nies li jinsabi fi proċess ta’ daħla
f’Fidi dejjem aktar matura, fejn Kristu huwa ċ-ċentru ta’ kollox u l-Misteru
tal-Għid tiegħU huwa s-Salvazzjoni tagħna.
Nies li huma mkissrin fuq l-Iskrittura.
Hemm nostalġija għall-etern f’kull bniedem. Ejjew nirrispondu għal dan is-sentiment bi
predikazzjoni kerigmatika u Kristo-ċentrika u naħlu l-enerġija tagħna kollha
biex nagħmlu dan. Ħa tkun
l-Evanġelizzazzjoni l-iskop ewlieni ta’ Knisja ħajja!
Il-Kolletta
tal-Ewkaristija tal-lum tixhed għal Alla li Hu huwa Dak li lill-bniedem jagħtih
dejjem aktar milli jistħoqqlu. Tah
kollox meta tah lil Kristu bħala vittma ta’ tpattija għall-mard spiritwali
kollu tiegħu. Imma hemm bżonn urġenti għal ħafna nies li jiġu megħjuna jiskopruh dan għax għalihom dan hu biss paroli. Kif tkompli titlob
il-Kolletta: “Agħtina dak li ma għandniex ħila nitolbu!” Dan għax Kristu għadu moħbi għal ħafna.
Ħabakuk
jirrappreżenta lil dawk il-ftit li ġa bdew jistinkaw u jxerrdu l-għaraq fi sforz
ta’ Evanġelizzazzjoni li qajla qed tinteressa lill-istituzzjoni
tal-Knisja. “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna, u inti ma tismax! Lejk ngħajjat: ‘X’qilla!’ u inti ma
ssalvax! Għaliex turini l-ħażen u inti
toqgħod tħares lejn il-ħtija?” (Ħab. 1,
2-3). Hu ċar li jitħabtu kemm
jitħabtu l-bnedmin, ftit jiswa għax jekk
il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja, u jekk il-Mulej ma
jħarisx il-belt għalxejn jishar l-għassies.
(S. 127, 1). Ħafna fil-Knisja
huma kuntenti bl-orarju tal-quddies u bil-fatt li l-Milied, l-Għid u l-Festa
tal-Parroċċa għadhom “kulturalment” f’qalb il-poplu. Is-Salm tal-lum igħid: “Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!”
(S. 95, 7). Liema leħen? Dak li qed jaslilna mis-Sema permezz
tal-Ġrajja, tal-esperjenza li l-Knisja qegħda tgħix.
Min
għandu l-Fidi ma jistħix u ma jibżax. Ma
jistħix juri li hu ta’ Kristu u ma jibżax mill-inkwiet li dan jista’ jaqlagħlu
u l-buffunati li jwaddbu lejh. Għandna
bżonn inkunu radikali, Insara radikali u mhux Insara tas-soltu, dawk li
jisimgħu l-quddies u huma kwieti. Tafu
xi rrid infisser. Mhux għax li tisma’
l-quddies u tkun kwiet huma affarijiet ħżiena.
Altru! Imma Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u
ta’ rażan. Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda
għal Sidna. (2 Tim. 1, 7-8).
Kristu
ma jixbax jitkellem fuq il-Fidi u s-setgħa li din għandha quddiem Alla. Jekk għandek Fidi, tagħti xhieda għal
Kristu. Jekk xhieda ma tagħtix dan
ifisser li Fidi m’għandekx għax ħadd ma jista’ jagħti minn dak li
m’għandux. Il-Fidi twettaq opri enormi u
Kristu jidher jgħaġġibha meta jipprova jixhed għal dan: “Kieku kellkom Fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil
din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’, u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’
minnkom. (Lq. 17, 6). Imma min minna
se jgħidilha hekk lill-problema kbira li għandu?
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Il-ġust jgħix
bil-fedeltà tiegħu.
Ħab 1, 2-3; 2, 2-4
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakuk
Mulej, kemm se ndum
nokrob għall-għajnuna
u int ma tismax,
jew ngħajjat:
“Vjolenza!”
u int ma ssalvax?
Għaliex turini l-ħażen,
u inti toqgħod tħares
lejn il-ħtija?
Quddiemi qerda u
vjolenza,
hemm it-tilwim, u
l-ġlied dejjem jiżdied.
Imbagħad il-Mulej
wieġeb u qalli:
“Ikteb id-dehra,
onqoxha fuq tavlozzi,
hekk li jkun jista’
jħaffef min jaqraha.
Għax id-dehra sseħħ
meta jkun waqtha,
tistenna sa ma ttemm, u
ma tqarraqx.
Jekk hija ddum ma
tasal, int stennieha,
għax tiġi żgur, ma
tiddawwarx ma tasal!
Arah jinfena min mhux
ruħu sewwa,
iżda l-ġust jgħix
bil-fedeltà tiegħu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 94 (95),
1-2.6-7.8-9
R/. (ara 8): Isimgħu
leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom
Ejjew, ħa nfaħħru
bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ
lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana
ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’
ferħ. R/.
Ejjew inqimuh u
ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem
il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu
tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.
Mhux li kontu llum
tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa,
fid-deżert,
meta ġarrbuni u
ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li
jien għamilt”. R/.
Qari II
Tistħi xejn minħabba
fix-xhieda għal Sidna.
2 Tim 1, 6-8. 13-14
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż, infakkrek biex
tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja; għax Alla ma
taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan. Mela
tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier
tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla.
Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-fidi u
fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Ħares bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li
jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f’idejk.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Piet 1, 25
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Il-kelma tal-Mulej
tibqa’ għal dejjem:
din hi l-kelma
tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kieku kellkom fidi.
Lq 17, 5-10
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien,
l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar
daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u
mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom. Wieħed minnkom ikollu
qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja,
isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli
sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu
ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu
kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna
biss dak li kellna nagħmlu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|