Friday, 18 October 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) IZ-ZEWG BINARJI TAL-KNISJA
IS-SEBGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) IZ-ZEWG BINARJI TAL-KNISJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 05 October 2019

Din hija il- Liturgija tas-Seba' u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

27_hadd.jpg
 

 

Ilkoll nafu li l-ġenerazzjoni tagħna qegħda tgħix fi żmien speċjali għall-Knisja fl-Istorja tagħha.  San Ġwanni Pawlu II meta kkonsulta ma’ grupp ta’ għorrief li laqqa’ hu stess, ried tweġiba għall-mistoqsija jekk dan iż-żmien li jidher tant diffiċli għall-Knisja hux żmien “normali”, diffikultajiet tas-soltu li tgħaddi minnhom il-Knisja, jew inkella jekk fl-arja hawnx bidla, żmien ta’ taqliba epokali li bħalha qatt ma kellha l-Knisja.  It-tweġiba ta’ kulħadd kienet li tassew dan hu żmien epokali li bħalu qatt ma rat il-Knisja.

 

Quddiem il-fenomenu tal-kollass tar-“reliġjon” fil-pajjiżi hekk imsejħa “progressivi” tal-Punent, ħafna li jħobbu l-Knisja qed jibżgħu u jitniehdu quddiem l-emoroġija ta’ popli ħerġin mill-Knisja u parroċċi li jżarmaw u jbiegħu l-knejjes tagħhom li jispiċċaw f’idejn spekulaturi bla skrupli.  Biex tagħqad, fil-Knisja hemm firda u nibtet oppożizzjoni għall-Papa u l-mod kif jaħsibha, ħaġa rari fl-imgħoddi.  Biex ma nsemmux il-flaġell tal-pedofilija li għadu u donnu se jibqa’ jsawwat lill-Knisja midruba, għal żmien twil.  Id-dawl tal-Fidi qiegħed jintefa’ fuq l-Ewropa u fuq ġnus oħra u l-bniedem dar b’deċiżjoni sħiħa mill-Fidi tiegħu fi Kristu lejn fidi fih innifsu, u l-bniedem issa għamel lilu nnifsu alla.  It-trijonf tal-“Jien”.

 

 

Fil-qalba ta’ dan id-dlam, leħen il-Fidi jinstema’ fil-profond ta’ min jemmen... leħen li jgħid: “Jiena hu, la tibżgħux!”  (Ġw. 6, 20).  Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, u mdallam kemm ikun imdallam il-lejl, il-Knisja ma tiqafx ixxandar li Kristu huwa Sid l-Istorja.  Hu ġie magħmul hekk mill-Missier bis-saħħa tar-rebħa tiegħu fuq il-Mewt, l-ikbar problema tal-umanità.  Bil-Qawmien tiegħu Kristu rebaħ kollox.  Għalhekk, hi x’inhi l-Istorja, Kristu qed imexxi kollox għall-ġid.  Huwa qiegħed jiżbor il-Knisja tiegħu! Qed jagħmilha iżgħar imma isbaħ, ifqar imma aktar għanja fil-Fidi. 

 

Infatti, dan hu żmien mill-iktar interessanti għall-Knisja!  Għandna bżonn dixxerniment mingħand l-Ispirtu s-Santu biex ngħarfu ċar x’qiegħed jgħidilna l-Mulej; kif irid li l-Knisja taħdem biex tressaq tant nies morda f’ruħhom lejH biex ifejjaqhom.  It-twemmin tal-Knisja ma jinbidel qatt, imma l-mod kif twasslu, iva, u kif!  Il-Knisja dejjem tiġġedded.  Dan hu s-sigriet tagħha. Fl-aħħar sekli, meta soċjetajiet sħaħ kienu Nsara, meta, f’Għawdex, per eżempju, kulħadd kien imur il-Knisja, kulħadd kellu l-Fidi... min ftit, min ħafna.  Lil dawn in-nies, il-Knisja kienet twasslilhom lil Kristu permezz tas-Sagramenti u xi ftit predikazzjoni.  Ma kienx hemm bżonn ta’ ħafna predikazzjoni għax in-nies kellha Fidi biżżejjed biex tieħu l-grazzja mis-Sagramenti li huma effikaċi fil-qies tal-Fidi li biha nilqgħuhom.

 

Iż-żminijiet inbiddlu.  Ħafna tilfu l-Fidi.  Ħafna oħrajn jersqu lejn il-Quddies nhar ta’ Ħadd b’Fidi marida għall-mewt u bi bruda ddoqq l-iskotti, tant li għalihom tliet kwarti fil-Knisja darba fil-ġimgħa huma sagrifiċċju li jagħtu lil Alla biex Alla jgħinhom materjalment.  Ereżija!  Hu ċar illum (sinjal taż-żminijiet!) li ħafna ma jistgħux jintlaħqu mill-pastorali sagramentali għax m’għandhomx Fidi.  Ma jinteressahomx Ġesù fit-Tabernaklu; ma jemmnux fil-Knisja; il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu għalihom hi ‘fairy tale’.  Hu ċar li dawn, li darba tgħammdu u jinsabu fuq ir-reġistru tal-parroċċa, mhumiex iktar Insara.  Imma hemm bżonn jintlaħqu għal Kristu għax ma jafux x’inhuma jitilfu!

 

Allura l-Knisja qisha ferrovija fuq binarju wieħed; kif se timxi?!  Il-binarju tal-Knisja hu dak li kien ħamsin, mija, mitejn sena ilu: titma ’l Kristu lill-fidili bis-Sagramenti tagħha.  Din tibqa’ dejjem pastorali kbira u fejjieda imma għandha bżonn il-binarju l-ieħor li jikkomplimentaha: dik tal-predikazzjoni.  Mhux predikazzjoni ta’ għaxar minuti fil-quddiesa tal-Ħadd biss, imma katekeżi iktar profonda u ta’ ħin itwal.  Ovvjament dan mhux għal kulħadd imma għal min jilqa’ l-istedina.  Il-Knisja għandha bżonn tmur “back to basics” u xxandar l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu, il-Misteru tal-Għid, l-Opra li Kristu wettaq għall-għadu tiegħu li hu jien, int, dak u l-ieħor.  Hemm bżonn nemmnu f’din l-Imħabba miġnuna tal-Missier għalina li ġagħlitu jabbanduna lil Ibnu biex aħna ma nibqgħux iktar qisna abbandunati!  Hemm Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn x’tintrebaħ u x’tintilef.  Il-Knisja għandha bżonn tiskopri lingwaġġ biex tfiehem l-Għid ta’ Kristu lin-nies għax il-mod antik tal-priedki “morali” m’għadhom imissu qalb ħadd. 

 

Kemm għandna bżonn sabar!  Imma din biss hija t-triq li twassalna għal Knisja Ġdida, imma fl-istess ħin qadima daqs l-Atti tal-Appostli.  Kull parroċċa għandha tkun skola ta’ daħla fil-Fidi għall-adulti.  Dan hu t-Teżor tal-parroċċa.  Mhux knisja sabiħa, jew statwa titulari, jew festa mill-aqwa, jew xogħolijiet tal-arti.  Dawn huma ħafna sekondarji; jistgħu jgħinu, imma ħafna sekondarji. 

 

L-għana tal-Knisja lokali hi li jkolli gruppi ta’ nies li jinsabi fi proċess ta’ daħla f’Fidi dejjem aktar matura, fejn Kristu huwa ċ-ċentru ta’ kollox u l-Misteru tal-Għid tiegħU huwa s-Salvazzjoni tagħna.  Nies li huma mkissrin fuq l-Iskrittura.  Hemm nostalġija għall-etern f’kull bniedem.  Ejjew nirrispondu għal dan is-sentiment bi predikazzjoni kerigmatika u Kristo-ċentrika u naħlu l-enerġija tagħna kollha biex nagħmlu dan.  Ħa tkun l-Evanġelizzazzjoni l-iskop ewlieni ta’ Knisja ħajja!

 

Il-Kolletta tal-Ewkaristija tal-lum tixhed għal Alla li Hu huwa Dak li lill-bniedem jagħtih dejjem aktar milli jistħoqqlu.  Tah kollox meta tah lil Kristu bħala vittma ta’ tpattija għall-mard spiritwali kollu tiegħu.  Imma hemm bżonn urġenti għal ħafna nies li jiġu megħjuna jiskopruh dan għax għalihom dan hu biss paroli.  Kif tkompli titlob il-Kolletta: “Agħtina dak li ma għandniex ħila nitolbu!”  Dan għax Kristu għadu moħbi għal ħafna.

 

Ħabakuk jirrappreżenta lil dawk il-ftit li ġa bdew jistinkaw u jxerrdu l-għaraq fi sforz ta’ Evanġelizzazzjoni li qajla qed tinteressa lill-istituzzjoni tal-Knisja.  “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna, u inti ma tismax!  Lejk ngħajjat: ‘X’qilla!’ u inti ma ssalvax!  Għaliex turini l-ħażen u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?”  (Ħab. 1, 2-3).  Hu ċar li jitħabtu kemm jitħabtu l-bnedmin, ftit jiswa għax jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja, u jekk il-Mulej ma jħarisx il-belt għalxejn jishar l-għassies.  (S. 127, 1).  Ħafna fil-Knisja huma kuntenti bl-orarju tal-quddies u bil-fatt li l-Milied, l-Għid u l-Festa tal-Parroċċa għadhom “kulturalment” f’qalb il-poplu.  Is-Salm tal-lum igħid: “Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!”  (S. 95, 7).  Liema leħen?  Dak li qed jaslilna mis-Sema permezz tal-Ġrajja, tal-esperjenza li l-Knisja qegħda tgħix.

 

Min għandu l-Fidi ma jistħix u ma jibżax.  Ma jistħix juri li hu ta’ Kristu u ma jibżax mill-inkwiet li dan jista’ jaqlagħlu u l-buffunati li jwaddbu lejh.  Għandna bżonn inkunu radikali, Insara radikali u mhux Insara tas-soltu, dawk li jisimgħu l-quddies u huma kwieti.  Tafu xi rrid infisser.  Mhux għax li tisma’ l-quddies u tkun kwiet huma affarijiet ħżiena.  Altru!  Imma Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.  Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna.  (2 Tim. 1, 7-8).

 

Kristu ma jixbax jitkellem fuq il-Fidi u s-setgħa li din għandha quddiem Alla.  Jekk għandek Fidi, tagħti xhieda għal Kristu.  Jekk xhieda ma tagħtix dan ifisser li Fidi m’għandekx għax ħadd ma jista’ jagħti minn dak li m’għandux.  Il-Fidi twettaq opri enormi u Kristu jidher jgħaġġibha meta jipprova jixhed għal dan: “Kieku kellkom Fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’, u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom. (Lq. 17, 6).  Imma min minna se jgħidilha hekk lill-problema kbira li għandu?

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Il-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu.

Ħab 1, 2-3; 2, 2-4

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħabakuk

 

Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna

u int ma tismax,

jew ngħajjat: “Vjolenza!”

u int ma ssalvax?

Għaliex turini l-ħażen,

u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?

Quddiemi qerda u vjolenza,

hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.

Imbagħad il-Mulej wieġeb u qalli:

“Ikteb id-dehra,

onqoxha fuq tavlozzi,

hekk li jkun jista’ jħaffef min jaqraha.

Għax id-dehra sseħħ meta jkun waqtha,

tistenna sa ma ttemm, u ma tqarraqx.

Jekk hija ddum ma tasal, int stennieha,

għax tiġi żgur, ma tiddawwarx ma tasal!

Arah jinfena min mhux ruħu sewwa,

iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

 

R/. (ara 8): Isimgħu leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!

La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

 

Qari II

Tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna.

2 Tim 1, 6-8. 13-14

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, infakkrek biex tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja; għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan. Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla. Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ li smajt mingħandi, fil-fidi u fl-imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Ħares bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina t-teżor sabiħ li kien fdat f’idejk.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Piet 1, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem:

din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kieku kellkom fidi.

Lq 17, 5-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom. Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Saturday, 05 October 2019 )
 
< Prev   Next >