Friday, 22 November 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) GRATITUDNI U RADD IL-HAJR
IT-TMIENJA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) GRATITUDNI U RADD IL-HAJR PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 13 October 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tminja u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

28_hadd.jpg

 

 

Meta bniedem jagħmillek pjaċir kbir ħafna, inti tħoss gratitudni lejh u l-bżonn li tirringrazzjah minn qalbek u x-xewqa li tpattilu t-tajjeb li jkun għamel miegħek.  Din il-gratitudni ma tħosshiex bħala dejn miegħu, għax is-sens ta dejn iġib miegħu dwejjaq u obligazzjoni li ttaqqal.  Li tkun grat lejn xi ħadd ifisser li tkun hieni u qalbek mimlija b’sentimenti tajbin lejn dak li wera li hu ħabib tassew.  Fl-aħħar mill-aħħar fuq dan għandha tkun mibnija relazzjoni vera bejn tnejn li jixtiequ l-ġid lil xulxin.

 

Iżda, hawn ħafna li jħossu li t-tajjeb li jirċievu hu kumbinazzjoni, ġiethom tajba, kif ngħidu, u xorti tajba.  M’għandux ikun hekk għax min jaħseb hekk għandu qalbu iebsa u ma jemminx li hemm min iridlu l-ġid jew lest li jħenn għalih meta jiġi dahru mal-ħajt.  Hu diffiċli jkollna din l-attitudni man-nies li jgħinuna, imma donnu li hu faċli li nkunu qalbna iebsa u ngrata ma’ Dak li tana kollox, li għamlilna l-ikbar “pjaċir” li seta jsirilna meta tana l-Ħajja u qed jagħtini n-nifs li ma kull sekonda niġbdu ’l ġewwa biex ngħixu. Alla mhux biss tana “gratis”, b’xejn, il-Ħajja meraviljuża, mhux biss għamilna bnedmin, l-ogħla ħlejqa tiegħu, mhux biss bagħat lilna f’dan il-ġisem u mhux lil ħaddieħor li seta ġie hawn flokina, imma wkoll dawwarna b’familja, bi ħbieb, b’socjetà, b’ambjent mill-isbaħ, b’kultura, drawwiet sbieħ li jlewnu s-sena.  Imma mhux dan kien l-akbar rigal li Alla tana...

 

Fl-Imħabba tiegħu lejna, Alla ħalaqna ħielsa li nħobbuh jew inwarrbuh minn Ħajjitna.  Ma għamlniex robots biex joqgħod jilgħab bina u dejjem nagħmlu li jrid Hu awtomatikament. Din mhix Imħabba.  Alla, li hu l-Imħabba vera u waħdanija li teżisti, ma setax ma jaħlaqniex liberi, ħielsa.  Għax hemm xi affarijiet li Alla ma jistax jagħmilhom, anke jekk aħna ngħidu li Hu jista’ kollox!  Dalwaqt insemmu oħrajn.  Meta ħalaq il-bniedem Alla rriskja immens, anzi kien diġa jaf x’kien se jiġri u li din il-ħlejqa dgħajfa kellha tirrispondih b’ingratitudni mmensa.

 

Fl-oriġini l-bniedem kien ħaġa waħda m’Alla, imma l-ħelsien frott l-Imħabba tilfu mal-ewwel prova.  Il-bniedem inqata’ minn Alla għax l-għadu daħħallu suspett fuqU f’moħħu li ma setax ineħħih sal-ġurnata tal-lum.  Minħabba l-Istorja, kull bniedem jgħaddi minn mumenti ta’ dubji jekk Alla jħobbux jew le.  Dan hu l-infern f’din id-dinja stess.  Dan hu d-“Dnub” li jwelled dnubiet oħra.  Il-bniedem sar egoista, differenti ħafna minn kif inħalaq.  L-insigurta u s-solitudni għamlu minn kull wieħed minna ħlejqa li l-ħin kollu tiġbed lejha: “survival instinct”.  Adam waħħal f’martu li kien “iħobb” meta s-sikkina laħqet l-għadma.

 

Il-psikoloġija tgħidilna dak li tgħidilna l-Ittra lil-Lhud u l-Bibbja kollha:  li l-bniedem hu kkundizzjonat mill-biża li għandu mill-Mewt.  Il-Mewt fiżika fuq kollox, imma mhux biss... Hemm ħafna tipi ta’ mwiet, għax bħal ma ngħidu aħna, bniedem tista’ toqtlu b’kelma, b’inġustizzja, b’aħbar ħażina.  Dan il-biża’ hu jipprova jaħrab minnu billi jagħti qima lill-idoli tad-dinja.  Ifittex il-ħajja fl-imħabbiet, fis-sentimenti, fil-ħbiberiji, fil-flus, fis-suċċessi, fil-fama, fil-passatempi, fil-pjaċiri, fil-waqgħat fid-dnub, fil-moħqrija lejn ħaddieħor... juża kollox b’egoiżmu li lanqas biss jaf li jeżisti fih.  Il-bniedem jidneb.

 

L-istorja tal-bniedem hi l-istorja tad-dnub.  Sa ċertu punt m’għandniex tort.  Uritna natura mingħand Adam li hi fatalment miġruħa mid-dnub, mid-dubju dwar Alla.  Hemm xintilla ta’ dawl fina li jixtieq li jxennaqna għat-tajjeb, li jagħtina nostalġija għall-għaqda primittiva ma’ Alla, imma kif jgħid S. Pawl meta jikkumenta fuq il-bniedem mhux salvat minn Kristu: “M’inix nagħmel it-tajjeb li rrid imma l-ħażin li ma rridx.” (Rum 7, 19), u “Inħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin.  Skont il-bniedem ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi.”  (Rum. 7, 21-23).  Dan hu l-jasar li fih sibna ruħna lkoll.  Ħafna lanqas biss jaħsbu fuq dan.  Ħsiebhom fix-xogħol, imbagħad għad-dar u l-lejla hemm partita tajba u ħallini mit-taħbil il-moħħ!  Ħafna jqattgħu ħajjithom hekk.

 

U hawn jidħol l-ikbar rigal, l-Għotja totali ta’ Alla nnifsu lill-bniedem.  Min hu l-bniedem hieni?  Issemmilix għana, suċċess, pjaċiri u l-jedd  li tagħmel li trid.  Ħmerijiet li jgħaddu!  Vojt kont u vojt tibqa’ tkun!  Bħall-ħmar, il-bniedem, jiġri wara l-karrotta bla ma jista’ jilħaqha.  Kemm jidħaq satana bil-bniedem!  Imma f’din il-qagħda, l-Appostlu jgħajjat: “Imsejken bniedem li jien!  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?  Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!”  (Rum. 7, 24-25).

 

Tidher triq miftuħa quddiem il-bniedem; Dawl fid-dlam; sorpriża ta’ Alla!  Il-Maħfra li tagħmel lill-bniedem “ġdid”.  Il-bniedem jitneħħilu t-toqol tal-ħtija, il-madmad tal-jasar li wiret.  Kif iseħħ dan? 

 

Għidna li hemm affarijiet li Alla ma jistax jagħmilhom.  Alla ma jistax jidneb!  Alla ma jistax ma jkunx Qaddis.  Alla ma jistax jaħfer hekk, qisu qatt ma kien xejn.  Ma jistax jgħid: “Ħa nneħħi n-niggieża tal-mewt mid-dnub biex il-bniedem jagħmel li jrid bla ma jmut.”  Ma jistax.  Id-dnub joqtol dejjem u dan Alla ma jistax ibiddlu għax ikun imur kontra l-Qdusija.  Il-Qdusija = il-Ħajja vera; id-Dnub = il-Mewt għal dejjem.  Dan Alla ma jistax ibiddlu.

 

La hu ċar li l-bniedem midneb ma jistax jagħmel it-tajjeb biex isalva ruħu... la ma jistax il-mejjet jakkwista għalih, isawwar għalih il-Ħajja... kif se jiġi salvat?  Dan kien diġa f’moħħ Alla qabel ma ħalaq l-univers!  Jinżel Hu nnifsu jgħammar fost il-bnedmin u jieħu fuqu d-dnub kollu tal-umanità, in-natura mħassra tiegħu, jieħu fuqu l-konsegwenza sħiħa ta’ dnub il-bniedem li hi l-Mewt, u jintelaq f’dan kollu minflok il-bniedem biex il-bniedem jeħles u d-dnub ikun tpatta!  Din hi l-Opra stupenda ta’ Alla!  Din hi l-Grazzja li tisboq kull Grazzja!  Din hi l-Maħfra! Din hi l-Imħabba vera u waħdanija li ħalqet lili u salvatni minn qagħda li minnha jien waħda ma stajt qatt u qatt inkun salvat.

 

Il-gratitudni vera u enormi li n-Nisrani veru jħoss tinbet minn dan il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu.  Dan hu li l-Knisja tiċċelebra f’kull Ewkaristija (Quddiesa).  M’hemmx minuta li fiha, fid-dinja, ma tkunx iċċelebrata mill-Knisja Universali din l-Għotja memorabbli tal-Imħabba, li hi Alla, lejn il-bniedem. 

 

Nagħman tas-Sirja kien bniedem supperv, bla ma kien jistħoqqlu l-ebda pjaċir mingħand il-profeta li qabel kien raħ ifarrak lil pajjiżu bil-gwerra.  Imma Nagħman esperjenzja s-Sorpriża ta’ Alla, il-Grazzja, u mtela’ bi gratitudni li ma titfissirx u li ġġagħalna nistħu lilna li ngħidu li “nemmnu”. 

 

B’antiċipazzjoni ta’ Kristu, is-Salmista jgħid: “Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.  Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!”  (S. 98, 3-4).  U lilna, San Pawl jgħidilna llum biex niftakru f’Ġesù Kristu... ma nkunux daqshekk ingrati li ninsew li xtralna s-Sema b’Demmu; ma ninsewx l-Aħbar it-Tajba.  Ifakkarna fil-Magħmudija li fiha Alla joqtol il-bniedem il-qadim, in-natura miżżewġa mal-Mewt, u jagħmilna Ulied Alla, werrieta, mhux ta’ Adam, imma ta’ Kristu, Ħajjin għal Dejjem f’hena bla tmiem.  Il-fejqan mill-ġdiem mhu xejn ħlief xbiha tal-fejqan li ġġib fina bil-mod il-mod il-Magħmudija.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Nagħman raġa’ lura għand il-bniedem ta’ Alla u stqarr lill-Mulej.

2 Slat 5, 14-17

 

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram, niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu. U raġa’ lura għand Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek”. U qallu Eliżew: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn”. U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4

 

R/. (ara 2b): Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Qari II

Jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu ma’ Kristu.

2 Tim 2, 8-13

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu,

li qam mill-imwiet,

li hu min-nisel ta’ David,

skont l-Evanġelju li ħabbart jien.

Għalih jien qiegħed inbati

sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt.

Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta!

Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla

għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta’ glorja għal

dejjem fi Kristu Ġesù.

Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha:

Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll;

jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll;

jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll;

jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu;

għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Tess 5, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.

Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.

Lq 17, 11-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >