Din
hija il- Liturgija tad-Disgha u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Fidi
tan-Nisrani hi totalment mixħuta fuq Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla,
Dak li offra ruħu b’sagrifiċċju lill-Missier bi tpattija għad-dnubiet ta’ kulħadd. Hemm ħafna veritajiet oħra li n-Nisrani
jemmen u jagħti xhieda għalihom, imma l-Fidi Nisranija hi kkonċentrata fuq
il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba dwar dak li wettaq għalija u għalik il-Mulej Ġesù
fil-Misteru tal-Għid, jiġifieri fit-tbatija, l-Mewt u l-Qawmien tiegħu b’risq
tagħna.
Bżonn
li nitwieldu mill-ġdid
Min
jemmen b’Fidi dejjem tikber u ssir dejjem aktar adulta fl-Opra ta’ Kristu, jiġi
nvadut mill-Ispirtu s-Santu li jagħmel minnu bniedem ġdid, b’natura ġdida, bħal
donnu twieled mill-ġdid. Lil Nikodemu,
bniedem tajjeb u tat-tempju, Ġesù qallu: “Tassew
tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna
ta’ Alla.” (Ġw. 3, 3). Issa wieħed jista’ jwieġeb għal dan billi
jgħid li l-Magħmudija li rċivejna ta’ trabi hi diġa “Twelid Ġdid”, u dan hu
minnu. Imma l-Magħmudija, kif tant drabi
sħaqna f’dawn l-artikli, mhix maġija, mhix awtomatika, fis-sens li titlob
il-Fidi u tikber fil-qjies li tikber il-Fidi.
Hu ċar li tarbija ma tkun qegħda tagħraf xejn minn dak li jkun inżera’
fiha, u dak li jkun inżera’ jrid jikber, irid jieħu ż-żmien, irid jara proċess
biex minn żerriegħa ssir pjanta, imbagħad xitla, imbagħad siġra li tagħmel
il-frott meta jasal żmienha.
Il-Fidi:
l-akbar Grazzja ta’ Alla
Dan
hu l-proċess li kull Nisrani jeħtieġlu jesperjenzja, jekk qed jieħu t-twemmin
tiegħu bis-serjetà. Inkella jikber
fiżikament, irabbi familja, jistagħna, forsi jkun stmat fis-soċjetà, imma jkun
għadu bil-kappa bajda tal-Magħmudija fuq rasu, għax ikun qisu tarbija
fil-Fidi. Il-Fidi mhix pjaċir li aħna
nagħmlu lil Alla! Għall-kuntraru, hija
don ta’ Alla, rigal mogħti b’xejn, gratis... għalhekk Grazzja. Mhux li kien li lkoll jitwieled fina għatx li
nagħrfu dejjem iktar ir-rigal li Alla tana meta tana lil Ibnu Ġesù biex ikun
il-garanzija ta’ Ħajja bla tmiem għalina!
“Kieku kont taf id-don ta’ Alla u
min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu
kien jagħtik ilma ħaj.” (Ġw. 4, 10).
Il-verità
dwar is-soċjeta tagħna
Imma
hemm bżonn ngħidu l-verità dwar is-soċjeta Għawdxija, Maltija, tal-punent, li
ninsabu mdawrin biha. Jekk xi ħadd
jaħsibni qiegħed niġġudika, x’naqbad ngħidlu...? Hemm bżonn li ngħidu l-verità, anke dwar
il-Knisja għax anke fil-Knisja hawn ħafna li qed jidfnu rashom fir-ramel biex
ma jarawx id-diżastru li riesaq. In-nies
m’għadx baqagħla għatx għal Alla u ma jimportahiex minn dak li wettaq Kristu
għaliha. Pajjiżna mimli bi psewdo-Nsara
li ma jemmnux fi Kristu. Pajjiżna saret
adultera, għax bidlet l-Għarus tagħha u ‘poġġiet’ ma’ oħrajn!
Malta
(u jista’ jkun li iktar Għawdex!) jinteressawha biss il-ħbieb ġodda li
għandha: l-ekonomija li timla l-bwiet;
ix-xogħol li jbattal id-djar mill-ġenituri; ix-xiri li hu ġiri wara r-riħ tal-kuntentizza
li ma jintlaħaq qatt; id-drittijiet ta’
li ‘nagħmel li rrid’ li jagħlaq lill-bniedem f’solitudni u egoiżmu; it-telf tas-sens fit-tbatija li għamlet minna
ġnus bla sinsla li tilfu l-fertilità għax ħadd m’għadu jrid tfal li
jiskomoditaw u jbattlulek il-but. In-nisa
tagħna, issa flok tfal, iġorru l-klieb, xi wħud sa ġol-knisja. Imsieken.
Meta jagħlqu s-sebgħin min se jieħu ħsiebhom dawn, il-klieb li lagħbu
bihom?
Ħażin
għall-Knisja jekk tinbidel biex tinogħġob
Ħażin
għall-Knisja jekk tipprova tiżvaluta l-Kristjaneżmu biex ma ddejjaqx lil din
is-soċjeta mifnija mit-taħsir. Smajt li
lill-qassisin qed jgħidulhom biex omelija jagħmluha fi tliet minuti għax ħadd
mhu kapaċi jisma’ għal iktar!!
Il-Ministru tal-Finanzi ma jaqbilx għax dam sagħtejn u nofs jitkellem fuq
il-flus din il-ġimgħa! Tlifna l-għatx
għal Kristu. Ta’ nies vojta li sirna
lanqas għadna kapaċi nifhmu x’ġie jagħmel hawn Kristu. Ħadd ma jifhem xejn. Il-Krisjtaneżmu sar “ethics”. Qegħdin nirremettu lil Kristu minn ħalqna u
kbir se jkun il-gwaj tagħna. Il-Knisja
kif nafuha aħna qegħda tmut, il-knejjes qed jitbattlu, id-drawwiet qed jinbidlu
u l-allat ħadu post l-Alla l-veru. Imma
l-Knisja ma tmut qatt għax hi l-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-Mewt. Imma trid tinbidel, u kemm uġigħ iġġib din
il-bidla!
Esperjenza
tal-idoli tista’ treġġagħna lejn Alla!
Għawdex
u Malta jridu jagħmlu esperjenza tad-dnub, tad-dinja, tal-idolatrija. Qed jgħammixna x-xejxi tal-għana, tal-bini
għoli, tal-istatistiċi. Tajjeb! Alla jħallina. “Morru” jgħidilna. “Fittxu l-ferħ band’oħra!” Hekk qalilha lill-Ewropa. L-Ewropa ilha
mill-illuminiżmu Franċiż tas-seklu tmintax tixxennaq li taħrab minn ħdan
il-Mulej, tiċħad l-għeruq li ffurmawha u tintelaq f’dak li tgħid ir-raġuni
tal-moderniżmu. Il-Mulej ħalaq il-bniedem ħieles, imma hemm verità li ħadd ma
jista’ jħassarha: tmur fejn tmur ruħ il-bniedem qatt mhi se ssib l-Imħabba
li tixxennaq għaliha. Imur fejn
imur, il-bniedem iweġġa’ u jibki għax hu maħluq għall-eternità u mhux għal din
il-biċċa ħajja t’hawn. Bħall-iben il-ħali,
l-Ewropa għad terġa lura ħafna iktar għarfa, ħafna iktar umli, ħafna iktar
imdawla. Id-dnub joqtol. Ħelu kemm hu ħelu, id-dnub joqtol, imma
l-bniedem imtajjar irid jagħmel esperjenza ta’ dan għax ma jaċċettax il-kliem
ta’ min ġarrab qablu.
L-Aħbar
it-Tajba li l-Knisja għandha għall-bniedem
Sadanittant,
il-Knisja tibqa’ ggranfata mal-għarfien li hi għandha ta’ Alla, muri lilha fi
Kristu Ġesù. Min hu Alla
għall-Knisja? Huwa Dak li jħobb
lill-għadu sal-punt li jilbes ġisem bħalu biex ibati minfloku l-konsegwenzi
kollha tad-diżubbidjenza tiegħu. Mhux
mat-tajbin biss jagħmlu Alla dan imma fuq kollox mal-għedewwa tiegħu. Meta l-poplu għajjat: “”Sallbu!” u lil Pilatu
qalulu xi ħaġa tal-biża’: “Demmu fuqna u
fuq uliedna!” (Mt. 27, 25), din
il-frażi, Alla, li hu l-Imħabba, dawwarha fi Grazzja għax tassew li xxarrbu
lkoll f’Demmu u bħal kull maħluq ġew maħsula mid-dnub. Id-Demm ta’ Alla nnifsu jiġi msawwab fuq kull
bniedem bħalma kien jissawwab fit-Testment l-Antik id-demm tal-vittmi
bil-friegħi tal-issopu fuq il-poplu biex jinħafer dnub kulħadd.
Imma
int trid temmnu dan! Jekk ma temmnux,
Demm Kristu jintrema fl-art u int għad tkun iġġudikat fuq il-ħala
tal-iktar ħaġa għażiża u qaddisa li qatt dehret fuq l-art. Dan bħal meta wieħed, xi ħadd mhux magħruf
iħallilu wirt ta’ biljun ewro fil-bank, merfugħ għalih. Għalxejn jgħidulu bih għax ma jemminx. Jidħaq u jgħid: “Tridu tgħadduni ħajta
hux?!” U qatt ma mar il-bank jiġbed ewro
għax f’qalbu qal: “Jidħku bija żgur!” Fqir kien u fqir baqa’...
Innamra
mal-Bibbja u tikber fil-Fidi
Min
isib lil Kristu jibqa’ mbellah bis-Sorpriża ta’ Alla! Jiena nagħtik il-parir li taw lili: Aqra
l-Iskrittura! Sir midħla tagħha! Ħa tkun hi l-Għarusa tiegħek! Fiha int issib dak li qalbek dejjem fettxet
’l hawn u ’l hinn. Lil Timotju, San
Pawl jifraħlu għax: “Sa minn żogħritek
sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal
għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u
tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk
il-bniedem ta’ Alla jkun perfett.” (2
Tim. 3, 15-17). Nirrepetu ‘ad
nauseam’ dak li qal San Ġirolmu: “Min ma
jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu!” U
min ma jafx lil Kristu qatt mhu se jagħraf kemm hu maħbub minn Alla u qatt mhu
se jsib il-mistrieħ għal ruħu.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Kull meta Mosè kien
jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ.
Eż 17, 8-13
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien,
il-poplu ta’ Għamalek qam u tqabad ma’ Iżrael f’Rafidim. Mosè qal lil Ġożwè:
“Agħżel irġiel u mur tqabad ma’ Għamalek; jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata
tal-għolja, bil-ħatar ta’ Alla f’idi”. Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar
jitqabad mal-Għamalekin. Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata tal-għolja.
Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien iniżżel
idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. Meta idejn Mosè bdew jitqalu, ħadu ġebla u
qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda, waqt li Aron u Ħur żammewlu
dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx. U
Ġożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b’xifer ix-xabla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 120 (121),
1-2.3-4.5-6.7-8
R/. (2): L-għajnuna
tiegħi mingħand il-Mulej
Nerfa’ għajnejja lejn
l-għoljiet;
mnejn se tiġini
l-għajnuna?
L-għajnuna tiegħi
mingħand il-Mulej,
li għamel is-sema u
l-art. R/.
Ma jħalli qatt li
riġlek jogħtor;
ma jongħosx dak li
jħarsek.
Ara, la jongħos u
lanqas jorqod
dak li jħares lil
Iżrael. R/.
Il-Mulej hu dak li
jħarsek;
il-Mulej hu d-dell
tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx
binhar,
anqas il-qamar billejl.
R/.
Iħarsek il-Mulej minn
kull deni;
hu jħarislek ħajtek.
Il-Mulej iħarsek
fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,
minn issa u għal
dejjem. R/.
Qari II
Il-bniedem ta’ Alla
jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.
2 Tim 3, 14 – 4,2
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil
Timotju
Għażiż, ibqa’ miexi
f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa
minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li
jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.
L-Iskrittura kollha
hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u
jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal
kull ħidma tajba.
Nitolbok bil-ħerqa,
quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin,
f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u
barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Lhud 4, 12
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla hi
ħajja u qawwija,
tgħarbel il-ħsibijiet u
l-fehmiet tal-qalb.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Alla jagħmel ħaqq
lill-magħżulin tiegħu.
Lq 18, 1-8
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla
ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn
Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u
kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma
riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’
minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla
dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”
U l-Mulej qal: “Isimgħu
ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li
jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?
Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin
il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|