Thursday, 05 December 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) “MIN MA JAFX L-ISKRITTURA MA JAFX LIL KRISTU”
ID-DISGHA U GHOXRIN HADD MATUL IS-SENA (2019) “MIN MA JAFX L-ISKRITTURA MA JAFX LIL KRISTU” PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 19 October 2019

Din hija il- Liturgija tad-Disgha u Ghoxrin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 

29hadd_2019.jpg
 

Il-Fidi tan-Nisrani hi totalment mixħuta fuq Ġesù Kristu, l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, Dak li offra ruħu b’sagrifiċċju lill-Missier bi tpattija għad-dnubiet ta’ kulħadd.  Hemm ħafna veritajiet oħra li n-Nisrani jemmen u jagħti xhieda għalihom, imma l-Fidi Nisranija hi kkonċentrata fuq il-Kerigma, l-Aħbar it-Tajba dwar dak li wettaq għalija u għalik il-Mulej Ġesù fil-Misteru tal-Għid, jiġifieri fit-tbatija, l-Mewt u l-Qawmien tiegħu b’risq tagħna.

 

Bżonn li nitwieldu mill-ġdid

 

Min jemmen b’Fidi dejjem tikber u ssir dejjem aktar adulta fl-Opra ta’ Kristu, jiġi nvadut mill-Ispirtu s-Santu li jagħmel minnu bniedem ġdid, b’natura ġdida, bħal donnu twieled mill-ġdid.  Lil Nikodemu, bniedem tajjeb u tat-tempju, Ġesù qallu: “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.”  (Ġw. 3, 3).  Issa wieħed jista’ jwieġeb għal dan billi jgħid li l-Magħmudija li rċivejna ta’ trabi hi diġa “Twelid Ġdid”, u dan hu minnu.  Imma l-Magħmudija, kif tant drabi sħaqna f’dawn l-artikli, mhix maġija, mhix awtomatika, fis-sens li titlob il-Fidi u tikber fil-qjies li tikber il-Fidi.  Hu ċar li tarbija ma tkun qegħda tagħraf xejn minn dak li jkun inżera’ fiha, u dak li jkun inżera’ jrid jikber, irid jieħu ż-żmien, irid jara proċess biex minn żerriegħa ssir pjanta, imbagħad xitla, imbagħad siġra li tagħmel il-frott meta jasal żmienha.

Il-Fidi: l-akbar Grazzja ta’ Alla

 

Dan hu l-proċess li kull Nisrani jeħtieġlu jesperjenzja, jekk qed jieħu t-twemmin tiegħu bis-serjetà.  Inkella jikber fiżikament, irabbi familja, jistagħna, forsi jkun stmat fis-soċjetà, imma jkun għadu bil-kappa bajda tal-Magħmudija fuq rasu, għax ikun qisu tarbija fil-Fidi.  Il-Fidi mhix pjaċir li aħna nagħmlu lil Alla!  Għall-kuntraru, hija don ta’ Alla, rigal mogħti b’xejn, gratis... għalhekk Grazzja.  Mhux li kien li lkoll jitwieled fina għatx li nagħrfu dejjem iktar ir-rigal li Alla tana meta tana lil Ibnu Ġesù biex ikun il-garanzija ta’ Ħajja bla tmiem għalina!  “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.”  (Ġw. 4, 10).

Il-verità dwar is-soċjeta tagħna

 

Imma hemm bżonn ngħidu l-verità dwar is-soċjeta Għawdxija, Maltija, tal-punent, li ninsabu mdawrin biha.  Jekk xi ħadd jaħsibni qiegħed niġġudika, x’naqbad ngħidlu...?  Hemm bżonn li ngħidu l-verità, anke dwar il-Knisja għax anke fil-Knisja hawn ħafna li qed jidfnu rashom fir-ramel biex ma jarawx id-diżastru li riesaq.  In-nies m’għadx baqagħla għatx għal Alla u ma jimportahiex minn dak li wettaq Kristu għaliha.  Pajjiżna mimli bi psewdo-Nsara li ma jemmnux fi Kristu.  Pajjiżna saret adultera, għax bidlet l-Għarus tagħha u ‘poġġiet’ ma’ oħrajn! 

 

Malta (u jista’ jkun li iktar Għawdex!) jinteressawha biss il-ħbieb ġodda li għandha: l-ekonomija li timla l-bwiet;  ix-xogħol li jbattal id-djar mill-ġenituri;  ix-xiri li hu ġiri wara r-riħ tal-kuntentizza li ma jintlaħaq qatt;  id-drittijiet ta’ li ‘nagħmel li rrid’ li jagħlaq lill-bniedem f’solitudni u egoiżmu;  it-telf tas-sens fit-tbatija li għamlet minna ġnus bla sinsla li tilfu l-fertilità għax ħadd m’għadu jrid tfal li jiskomoditaw u jbattlulek il-but.  In-nisa tagħna, issa flok tfal, iġorru l-klieb, xi wħud sa ġol-knisja.  Imsieken.  Meta jagħlqu s-sebgħin min se jieħu ħsiebhom dawn, il-klieb li lagħbu bihom?

 

Ħażin għall-Knisja jekk tinbidel biex tinogħġob

 

Ħażin għall-Knisja jekk tipprova tiżvaluta l-Kristjaneżmu biex ma ddejjaqx lil din is-soċjeta mifnija mit-taħsir.  Smajt li lill-qassisin qed jgħidulhom biex omelija jagħmluha fi tliet minuti għax ħadd mhu kapaċi jisma’ għal iktar!!  Il-Ministru tal-Finanzi ma jaqbilx għax dam sagħtejn u nofs jitkellem fuq il-flus din il-ġimgħa!  Tlifna l-għatx għal Kristu.  Ta’ nies vojta li sirna lanqas għadna kapaċi nifhmu x’ġie jagħmel hawn Kristu.  Ħadd ma jifhem xejn.  Il-Krisjtaneżmu sar “ethics”.  Qegħdin nirremettu lil Kristu minn ħalqna u kbir se jkun il-gwaj tagħna.  Il-Knisja kif nafuha aħna qegħda tmut, il-knejjes qed jitbattlu, id-drawwiet qed jinbidlu u l-allat ħadu post l-Alla l-veru.  Imma l-Knisja ma tmut qatt għax hi l-Ġisem ta’ Dak li rebaħ il-Mewt.  Imma trid tinbidel, u kemm uġigħ iġġib din il-bidla!  

 

Esperjenza tal-idoli tista’ treġġagħna lejn Alla!

 

Għawdex u Malta jridu jagħmlu esperjenza tad-dnub, tad-dinja, tal-idolatrija.  Qed jgħammixna x-xejxi tal-għana, tal-bini għoli, tal-istatistiċi.  Tajjeb!  Alla jħallina.  “Morru” jgħidilna.  “Fittxu l-ferħ band’oħra!”  Hekk qalilha lill-Ewropa. L-Ewropa ilha mill-illuminiżmu Franċiż tas-seklu tmintax tixxennaq li taħrab minn ħdan il-Mulej, tiċħad l-għeruq li ffurmawha u tintelaq f’dak li tgħid ir-raġuni tal-moderniżmu. Il-Mulej ħalaq il-bniedem ħieles, imma hemm verità li ħadd ma jista’ jħassarha: tmur fejn tmur ruħ il-bniedem qatt mhi se ssib l-Imħabba li tixxennaq għaliha.  Imur fejn imur, il-bniedem iweġġa’ u jibki għax hu maħluq għall-eternità u mhux għal din il-biċċa ħajja t’hawn.  Bħall-iben il-ħali, l-Ewropa għad terġa lura ħafna iktar għarfa, ħafna iktar umli, ħafna iktar imdawla.  Id-dnub joqtol.  Ħelu kemm hu ħelu, id-dnub joqtol, imma l-bniedem imtajjar irid jagħmel esperjenza ta’ dan għax ma jaċċettax il-kliem ta’ min ġarrab qablu.

 

L-Aħbar it-Tajba li l-Knisja għandha għall-bniedem

 

Sadanittant, il-Knisja tibqa’ ggranfata mal-għarfien li hi għandha ta’ Alla, muri lilha fi Kristu Ġesù.  Min hu Alla għall-Knisja?  Huwa Dak li jħobb lill-għadu sal-punt li jilbes ġisem bħalu biex ibati minfloku l-konsegwenzi kollha tad-diżubbidjenza tiegħu.  Mhux mat-tajbin biss jagħmlu Alla dan imma fuq kollox mal-għedewwa tiegħu.  Meta l-poplu għajjat: “”Sallbu!” u lil Pilatu qalulu xi ħaġa tal-biża’: “Demmu fuqna u fuq uliedna!”  (Mt. 27, 25), din il-frażi, Alla, li hu l-Imħabba, dawwarha fi Grazzja għax tassew li xxarrbu lkoll f’Demmu u bħal kull maħluq ġew maħsula mid-dnub.  Id-Demm ta’ Alla nnifsu jiġi msawwab fuq kull bniedem bħalma kien jissawwab fit-Testment l-Antik id-demm tal-vittmi bil-friegħi tal-issopu fuq il-poplu biex jinħafer dnub kulħadd.

 

Imma int trid temmnu dan!  Jekk ma temmnux, Demm Kristu jintrema fl-art u int għad tkun iġġudikat fuq il-ħala tal-iktar ħaġa għażiża u qaddisa li qatt dehret fuq l-art.  Dan bħal meta wieħed, xi ħadd mhux magħruf iħallilu wirt ta’ biljun ewro fil-bank, merfugħ għalih.  Għalxejn jgħidulu bih għax ma jemminx.  Jidħaq u jgħid: “Tridu tgħadduni ħajta hux?!”  U qatt ma mar il-bank jiġbed ewro għax f’qalbu qal: “Jidħku bija żgur!” Fqir kien u fqir baqa’...

 

Innamra mal-Bibbja u tikber fil-Fidi

 

Min isib lil Kristu jibqa’ mbellah bis-Sorpriża ta’ Alla!  Jiena nagħtik il-parir li taw lili: Aqra l-Iskrittura!  Sir midħla tagħha!  Ħa tkun hi l-Għarusa tiegħek!  Fiha int issib dak li qalbek dejjem fettxet ’l hawn u ’l hinn.  Lil Timotju, San Pawl jifraħlu għax: “Sa minn żogħritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.  L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett.”  (2 Tim. 3, 15-17).  Nirrepetu ‘ad nauseam’ dak li qal San Ġirolmu:  “Min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu!”  U min ma jafx lil Kristu qatt mhu se jagħraf kemm hu maħbub minn Alla u qatt mhu se jsib il-mistrieħ għal ruħu.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ.

Eż 17, 8-13

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, il-poplu ta’ Għamalek qam u tqabad ma’ Iżrael f’Rafidim. Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżel irġiel u mur tqabad ma’ Għamalek; jien noqgħod wieqaf fuq il-quċċata tal-għolja, bil-ħatar ta’ Alla f’idi”. Ġożwè għamel kif qallu Mosè, u mar jitqabad mal-Għamalekin. Mosè, Aron u Ħur telgħu fuq il-quċċata tal-għolja. Kull meta Mosè kien jerfa’ jdejh, Iżrael kien jirbaħ; u kull meta kien iniżżel idejh, kienu jirbħu l-Għamalekin. Meta idejn Mosè bdew jitqalu, ħadu ġebla u qegħduhielu taħtu; u hu qagħad bilqiegħda, waqt li Aron u Ħur żammewlu dirgħajh, wieħed kull naħa. Hekk idejh baqgħu sodi merfugħa sa nżul ix-xemx. U Ġożwè qered lil Għamalek u l-poplu tiegħu b’xifer ix-xabla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 120 (121), 1-2.3-4.5-6.7-8

 

R/. (2): L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej

 

Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet;

mnejn se tiġini l-għajnuna?

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej,

li għamel is-sema u l-art. R/.

 

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor;

ma jongħosx dak li jħarsek.

Ara, la jongħos u lanqas jorqod

dak li jħares lil Iżrael. R/.

 

Il-Mulej hu dak li jħarsek;

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar,

anqas il-qamar billejl. R/.

 

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,

minn issa u għal dejjem. R/.

 

Qari II

Il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

2 Tim 3, 14 – 4,2

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.

 

L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba.

 

Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-Dehra tiegħu u s-Saltna tiegħu: xandar il-kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu.

Lq 18, 1-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”

 

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 19 October 2019 )
 
< Prev   Next >