Thursday, 21 November 2019
           
Home
IT-TLETIN HADD TA’ MATUL IS-SENA (2019) ID-DINJA: POST SABIH IMMA POST IL-BIKI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 26 October 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tletin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

30hadd.jpg

 

Il-Kelma ta’ Alla għal dan il-Ħadd, hekk kif resqin lejn it-tmiem ta’ Sena Liturġika oħra mislufa lilna biex nikkonvertu lejn il-Mulej, titħabat biex turina ir-rejaltà ta’ din il-Ħajja ta’ hawn li magħha aħna ggranfati tant.  Biex wieħed ma jaħsibx li llum ġejjin xi qabda kummenti negattivi, ħa ngħid mill-ewwel li Alla ħalaq kollox sabiħ u li l-ħbieb tiegħu fuq din l-art tassew li jibdew jgħixu l-Ġenna, il-Ħajja ta’ Dejjem minn hawn!  X’ħasra li l-bniedem ma jafx jiggosta r-rigal tant kbir tal-Ħajja; ma jafx jitgħaxxaq bis-sbuħija tan-natura u tal-ambjent, imma għaddej jiġri qisu miġnun biex jinqeda b’dak kollu li jara ħalli jkollu dejjem iktar xi jċekċek fil-but.

 

Bniedem/kuntradizzjoni

 

X’kuntradizzjoni!  X’kuntradizzjoni kull fejn tħares!  Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu u dan il-bniedem sarlu miġnun.  Il-ħlejqa li hi l-glorja ta’ Alla fis-sbuħija tagħha, insiet li hi l-werrieta ta’ dak kollu li għandu Alla, u ntilfet tilgħab fit-trab tgħodd il-muniti u tinkwieta li se jispiċċawlha jew li ħaddieħor għandu iktar.  Il-bniedem ħa fuqu l-madmad tqil tal-Istorja tiegħu għax nesa li Alla hu missieru u li Hu se jaħsiblu għal kollox, u spiċċa xkora mimlija nkwiet.

 

Id-dinja saret mimlija b’nies imħassba b’dak li jista’ jiġrilhom il-banek; imħassba fuq is-saħħa; imħassba fuq l-armamenti u l-gwerer; imħassba fuq l-ambjent; imħassba fuq il-politika; iż-żogħżija, il-fjur tal-Ħajja, iż-żmien tal-ħolm, imlejnih “stress” b’edukazzjoni dejjem iktar esiġenti bla ma nafu għalfejn.  Meta Adam infired minn Alla, indiegħex mill-għera tiegħu għax sar “negattiv” anke dwaru nnifsu; sar egoista għax issa waħdu.  U l-egoiżmu jġib vjolenzi, serq, inġustizzji.

 

 

 

Natura sabiħa, selvaġġa

 

L-istess natura saret selvaġġa!  Xi sbuħija!  X’meravilja... jekk għandna ċans inħarsu madwarna.  Jew huma biss dawk ta’ nofs ras, huma biss il-poeti, huma biss l-ambjentalisti, huwa biss xi San Franġisk li jaf jieqaf, joħroġ mis-serbut tal-imġienen u joqgħod jiggosta l-friefet, l-għasafar, il-weraq tas-siġar, il-għoljiet li jibdlu kulurhom ma’ kull staġun u li jħobb ir-riħa tal-baħar?  Ħafna jqumu kmieni għax-xogħol, imma min qatt qam kmieni biex jara x-xemx titfaċċa bil-mod minn fuq il-Qala u jrodd ħajr għal jum ieħor.

 

Imma din l-istess natura sikwit hi “wrapping paper” mill-isbaħ ta’ kaxxa magħluqa li ma tafx x’se ssib fiha malli tiftaħha.  Għax hi taf tgħattnek taħt il-qilla tagħha fit-terremoti, fil-maltemp esaġerat, bid-deżerti li dejjem qed jikbru, bil-baħar li dejjem tiela’ minħabba l-bidla fil-klima.  U fuq dan kollu hemm l-istar tal-mewt li llum ħasdet mijiet u mijiet ta’ eluf.  Issa stess hemm il-biki tal-armla tiela’ ’l fuq lejn Alla... il-karba tal-armla li tinfexx tibki (Sir. 35, 14), se tgħid il-Kelma tal-lum.  Armla ġdida, iltiema ġodda.

 

Il-bniedem li jara dak li l-oħrajn ma jarawx

 

Hieni l-bniedem li mhux iblah, imma jħares lejh innifsu u madwaru u jara dak li l-oħrajn, mehdija fil-bżulija tagħhom, m’għandhomx ħin jew aptit jaraw.  Hu jara li s-sbuħija ta’ madwaru hi marida u li hu mhux dak li jixtieq ikun, imma xi ħadd ieħor, midneb li għamel il-ħsara lilu nnifsu, lil dawk li jħobb, lil dawk li ma jħobbx, lill-istess pjaneta li fuqha jinsab.  Hu dan il-bniedem biss li jista’ jbaxxi rasu u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!  (Lq. 18, 13). 

 

Dan hu l-għerf.  Lit-tifel, jien, int, aħna lkoll ngħidulu: “Studja, ibni, studja!  Isa ħalli tgħaddi u tagħmel suċċess minn ħajtek u ma jkun jonqsok xejn u ma tkun bżonn ħadd!”  L-istess kliem ta’ wieħed pagan.  Min minna lit-tifel għaddejnielu l-għerf li jgħid: “Studja, ibni... imma kun af li l-ferħ, il-gost tal-Ħajja, il-Ħajja vera tinsab biss jekk int tagħraf kemm iħobbok Alla li hu Missierek u li se jaħsiblek għal kollox!”  Min minna qalu dan il-kliem lil uliedu?

 

Id-dinja post it-taqbida t-tajba

 

Din id-dinja taf tkun Ġenna, u taf tkun l-Infern.  Meta kont żagħżugħ qatt ma kont naħseb fuq mard u mwiet.  Illum narahom madwari l-ħin kollu.  Min se jaħtafna minn dan iċ-ċirku magħluq tat-tħassib, tal-biża’ tal-Mewt?  Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. Qrib il-Mulej lejn dawk ta’ qalbhom maqsuma, isalva lil ta’ ruħhom mgħaffġa.  (S. 34, 7.19).  F’Alla biss il-mistrieħ tagħna.  F’Alla biss il-ferħ u s-serħan tal-moħħ.  F’Alla biss l-Għerf veru.  F’Alla biss ir-rebħa saħansitra fuq il-Mewt.  Għand Alla biss tinsab il-Ħajja li ma tispiċċa qatt u li Hu refagħha għal dawk li jħobbuH.

 

San Pawl rebaħ lid-dinja meta qal: “Jiena ġa mxerred b’sagrifiċċju, u ż-żmien tiegħi wasal.  Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.”  (2 Tim. 4, 6).  Għan-Nisrani serju, id-dinja hi post it-taqbida t-tajba.  Hu jġorr ġewwa fih il-paċi ta’ Ġesù imma madwaru mhemmx paċi.  Hu fieq mill-ġrieħi nterni tiegħu, mill-ġrieħi spiritwali, psikoloġiċi li kellu qabel sab lil Kristu, imma xorta jiġi ferut “minn barra” għal Ġesù.  Ħadd ma jista’ jisraqlu l-għana li għandu ġewwa fih li hi l-Magħmudija matura u li laħqet il-milja tagħha, u l-Fidi f’Ġesù, imma jista’ jkun li minn barra jinsteraqlu ħafna.  Hu diġa daħal fil-Ħajja ta’ Dejjem, hu Ħaj dejjem u f’kull ċirkostanza għax l-Imħabba ta’ Kristu hi bħal sur madwaru, imma ħafna bħalu sofrew saħansitra l-martirju.

 

Il-Mewt mirbuħa!

 

Fuq kollox, in-Nisrani għandu l-Mewt mirbuħa għax Ġesù qallu: “Fid-dinja tbati jkollok.  Iżda agħmel il-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”  (ara Ġw. 16, 33).  Int u jien, jekk inħarsu lura lejn l-għoljiet ta’ ħajjitna, naraw li Kristu dejjem kien fidil magħna, dejjem provda waqt il-prova.  Iktar minn qatt qabel se jkun fidil magħna fis-salib tal-aħħar jiem tagħna fuq din l-art.  Hu se jkun qed jistenniena hemm fl-aħħar waqtiet u hekk jagħtina rebħa fuq l-esperjenza li l-aktar li tbeżża’ lill-bniedem u jagħmel mill-Mewt festa għalina!  Hija din iċ-ċertezza fil-fedeltà ta’ Kristu li ddawwwal il-bqija tal-Ħajja li għandna hawn u daħħalna ġa minn issa fil-Ħajja ta’ Dejjem.  Hu se jkun hemm jistenniena!

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal dan il-Ħadd

 

Qari I

It-talba tal-umli tinfed is-sħab.

Sir 35, 12-14.16-18

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Il-Mulej hu mħallef,

u ma jħarisx lejn l-uċuħ.

Ma joqgħodx iħares lejn wiċċ dak li jkun b’dannu tal-fqir,

u jagħti widen għat-talba tal-magħkus.

Ma jagħlaqx widnejh għat-talba bil-ħniena tal-iltim,

jew tal-armla li tibki xortiha.

Min jaqdi mill-qalb lil Alla jintlaqa’,

u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab.

It-talba tal-umli tinfed is-sħab,

u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib il-Mulej,

u ma tiqafx qabel mal-Għoli jagħti widen,

u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33, 2-3.17-18.19 u 23

 

R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

 

Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,

biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.

Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej jismagħhom;

mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom. R/.

 

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,

jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.

Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;

kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.

 

Qari II

Hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja.

2 Tim 4, 6-8. 16-18

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-pubblikan niżel id-dar iġġustifikat.

Lq 18, 9-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal”. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >