Din
hija il- Liturgija tal-Wiehed uTletin Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
F’dan
iż-żmien li fih qegħdin noqorbu lejn it-tmiem ta’ Sena Liturġika oħra,
il-Knisja, l-Omm u l-Imgħallma tagħna, trid tenfasiżżalna li l-konverżjoni
tagħna hi dejjem urġenti. Nikkonvertu llum! Din hi l-għajta dejjiema tal-Knisja. Il-Missierijiet kienu jgħidu li ġo fina hemm
l-ilma ħelu u ġwejjed tal-Magħmudija li fis-safa tiegħu dejjem isejħilna u
jgħidilna: “Ikkonverti llum!” Kull filgħodu, il-Knisja tibda t-Talb
uffiċċjali tagħha, il-Brevjar, jew aħjar il-Liturġija tas-Siegħat, b’Salm 95 li
jgħid: “Jekk illum tisimgħu leħnu la
twebbsux il-qlub tagħkom!” (ara S. 95, 7).
“Iż-żmien”
Bl-għerf
kollu tiegħu, il-bniedem hu kkundizzjonat miż-“żmien”. Ħadd minnha ma jista’ jaħkem iż-“żmien”; ħadd
minnha ma jaf kemm se ttul ħajtu, jew għada x’se jġib miegħu. Wieħed biss hu ’l fuq miż-żmien, li jaħkem
iż-żmien, u dan hu Alla. Alla jgħammar
’il barra miż-żmien għax iż-żmien ijassar u jaħkem fuq dawk li huma fid-dell
tal-Mewt. Fejn m’hemmx Mewt m’hemmx
żmien imma hemm l-eternità. Fejn hemm il-Mewt, iż-żmien jiqsar kuljum u
l-ħajja tgħaddi malajr.
X’mhix
il-konverżjoni
F’din
il-qagħda ta’ solitudni li fiha l-bniedem iħossu mhedded fl-baħħ ta’ dan
l-univers li hu “selvaġġ” fil-kobor immens tiegħu, is-sejħa għall-konverżjoni
hi sejħa ta’ faraġ. Alla daħal
fiż-“żmien” tagħna, tgħabba bit-toqol ta’ ġisem bis-susa ta’ tmiem iż-żmien
bħal tagħna, ġisem li n-nies ta’ żmienu sejħulu “Ġesù ta’ Nazaret”. Hu ġie biex ineħħi l-gidba tal-Mewt minn moħħ
il-bniedem u jurih l-eternità, il-Ħajja għal Dejjem. Int forsi tistaqsi: “X’inhi
l-Konverżjoni? X’inhi l-Konverzjoni?”
Jien
ngħidlek x’mhix il-Konverżjoni. Mhix li
int tmur tqerr sikwit għax hekk ġejt imdorri tagħmel minn meta kont żgħir, qrar
ta’ drawwa dejjem tredden fuq l-istess nuqqasijiet bla ma tinbidel qatt. Il-Konverżjoni mhix li int tmur titnaddaf
bil-qrar għax il-lejla għandek funeral jew quddiesa ta’ tieġ jew għax għada hu
jum ta’ festa u kulħadd jitqarben.
Il-Konverżjoni mhix li tistqarr dnubietek lill-Knisja għax se ssifer u
qed tibża’ mill-ajruplan u allura trid tassigura ruħek li ma tmurx tiġri xi
ħaġa. Lanqas mhi biss biża’ mill-infern,
jekk għadu jeżisti l-biża mill-infern fi żmienna...
X’inhi
l-konverżjoni
Il-Konverzjoni
hi sinjura sabiħa li malli dduq il-kumpanija tagħha tkun trid tagħrafha dejjem
iktar! Hi ħruġ mill-biża’ tal-Mewt u
d-dħul f’Ħajja għal dejjem li tibda minn hawn u tilħaq il-milja fil-ħajja li
ġejja. Alla jrid jikkonvertik billi
jdaħħlek fiċ-ċertezza li Hu ħalqek għal dejjem, li int qed tgħix għal dejjem u
din il-Ħajja għal dejjem rebaħħhielek Kristu bil-merti li kiseb għalik
fil-Misteru tal-Għid, jiġifieri bil-Mewt u l-Qawmien tiegħu.
Kellu
raġun il-Mulej jiddiskrivi l-bnedmin tad-dinja bħala jew dawk li huma ħajjin
jew dawk li huma mejtin. (ara Lq. 9, 60).
Il-mejtin huma dawk li huma fiż-“żmien”, li jgħoddu ż-żmien, li huma
fl-inċertezza, li kulma jagħmlu hu kkundizzjonat mill-biża’ tal-Mewt li
jgħammar f’sidirhom u li jagħmilhom, bla ma jridu, egoisti u kapaċi jħobbu biss
lil dawk li jħobbuhom u jibnuhom.
Il-Missier ra li kien vallapena li jerħi lil Ibnu fi tbatijiet tant
ħorox u li tibilgħu il-Mewt biex int u jien ikollna l-possibilta li nikkonvertu
mill-biża’ għall-ferħ, mil-luttu għall-festa, mill-Mewt għall-Ħajja ċerta u bla
tmiem. Għax fejn hemm iz-“zmien”,
il-ħakma tal-Mewt, hemmhekk issib il-biża’ li bħall-għasafar li jieklu l-mejtin
dejjem iduru madwarna u jimlewlna lil moħħna bit-tħassib li jerdagħlna
l-Ħajja. “Fejn hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru.” (Lq. 17, 37).
Trid
tinbidel? Ħares lejk innifsek
Ħares
lejk innifsek! Hemm tibda
l-Konverżjoni! Ħares lejk innifsek u għidli x’qed tara? Inti Ħaj jew Mejjet? Tkunx aljenat! Tkunx iblah li taħseb li int Ħaj għax
bħalissa għaddej minn żmien mhux ħażin.
Taljenax ruħek billi tilgħab bil-Ħajja.
Int Ħaj jew Mejjet? Kun sinċier,
għax “tiġi siegħa, anzi issa hi, meta
l-mejtin jisimgħu l-leħen tal-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu.” (Ġw. 5, 25).
Jekk qed tilgħab bil-Ħajja u int aljenat bil-friefet, tiġri wara
r-riħ, int qatt, qatt u qatt m’int se tisma’ l-Kelma ta’ Dak li l-Missier
bagħtu għalik. Jekk tisimgħu, il-Kelma
tiegħU għandha l-Qawwa u s-Setgħa li toħorġok minn ġol-qabar eżistenzjali
tiegħek u int timla sidrek b’nifs ta’ stagħġib għal dak kollu li kont qed
titlef bla ma taf! “Li kieku kont taf id-don ta’ Alla, u min hu dak li qed jgħidlek,
‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” (Ġw. 4, 10).
Żakkew
Tassew,
il-Konverżjoni li qed jippreżentalek il-Mulej hi mogħdija għal Ħajja ġdida u
meraviljuża, għal avventura miegħU. Hu
ma jrid jeħodlok xejn, imma jagħtik, jagħtik, jagħtik! Inti tħobb timla ruħek b’dak li joqtol għax
mingħalik li bih tgħix. X’ħasra! Int Żakkew!
Jien Żakkew! Aħna lkoll Żakkew.
Bħalu nistgħu niltaqgħu ma’ Kristu fl-uġigħ tagħna, fil-vojt tagħna, fix-xejn tagħna. Hu fettex il-ħajja fil-flus. Min minna m’għamlux dan? Kien xortih tajba għax fettex u ma sabx. Tafu x’sab fil-flus? Qalb iebsa, regħba, egoiżmu mmultiplikat għal
mitt darba, ġib ’l hawn, ġib ’l hawn, ġib ’l hawn! U fuq kollox sab l-istmerrija ta’ kulħadd,
is-solitudni tal-firda minn kulħadd,
il-ġudizzju ta’ kulħadd. Imħabba
mkien, mkien...
Imma
sema’ b’Ġesù. Li kien kuntent ma kienx
jagħti kas. Imma l-bniedem (b’xorti
tajba!) f’xi mument ta’ ħajtu jmiss il-qiegħ, iż-“żero”. Kien hemm min qal li Alla ma jistrieħx qabel
ma jagħmilna żero, xejn, falliment komplet.
Kien midneb kbir, imma msajjar għall-Konverżjoni. Liema Konverżjoni? Il-Maħfra ta’ dnubietu kollha, kollha,
naturalment, u l-bidu ta’ Ħajja Ġdida.
Tela’ ma’ siġra li hi l-Knisja li taqdi lill-imbiegħed biex tgħinu jara
u jiltaqa’ ma’ Kristu. U rah kieku, imma
b’daqshekk... Ġesù rah ħafna iktar mill-bogħod, ħafna iktar mill-bogħod... bħal
missier l-iben il-ħali.
Kieku
Żakkew kellu jiltaqa’ ma’ xi ħadd minna, hu li seraq lill-fqir, lill-armla, lil
min ma setax jiqaflu, kieku kien jitlaq jiġri għax kien ixomm il-periklu
tal-ġudizzju... aħna li qatt ma sraqna lil ħadd u qatt ma għamlna deni lil
ħadd... Imma Ġesù onorah! Mhux
iġġudikah, jew ikkastigah, imma onorah billi qallu: Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod
għandek!” (Lq. 19, 5). In-nies
tat-tempju ma kinux jidħlu fid-djar tal-publikani, ta’ dawk li jiġbru t-taxxi,
ilkoll kemm huma ħallelin, imma Ġesù ibellah lil Żakkew billi jurih li Hu ma
jitqażżux u li xtaq jonoralu lil daru bil-preżenza tiegħu. Kemm feraħ Żakkew! Ħassu kompletament maħfur u aċċettat! U kemm gemgmu n-nies “ġusti”. Dejjem l-istess jiġri fir-reliġjonijiet
kollha...
Il-Kristjaneżmu
hu iktar minn “reliġjon”
Imma
l-Kristjaneżmu hu iktar minn reliġjon, imur lil hemm minn reliġjon. Jekk trid tgħidlu “reliġjon”, għidlu, imma
tkun qed tagħmillu tikketta ċkejkna wisq!
Dan bħal wieħed li qatt ma ra baħar, u tela’ fuq ta’ Lourdes, ix-xatt, u
qal: “Kemm hu kbir il-baħar! X’waħda din
kemm ilmijiet!” bla ma kien jaf li l-baħar hu ferm ikbar, oċeani mmensi li
jħaddnu d-dinja kollha! Il-Kristjaneżmu
hu li int “tisma’” l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù b’ “widnejn” differenti u tinduna
li darba waħda, elfejn sena ilu, ġrat xi ħaġa b’risq tiegħek li għamlitek
werriet ta’ Ħajja li ma tispiċċa qatt. U
int temmen, temmen b’qalbek kollha li din l-Aħbar hi minnha għax Alla mhux
giddieb. U int issir bniedem/bniedma
ġdida!
San
Ġwannn l-Evanġelista jgħid fuq dan: “Nafu
li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna.” (1 Ġw.
3, 14). U Ġesù nnifsu jikkonferma
dan: “Tassew tassew ngħidilkom li min
jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx
ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja.”
(Ġw. 5, 24). Din hi
l-Konverżjoni: li nemmnu lill-Iben li Alla bagħat u hekk nidħlu fil-“Ġenna” sa
minn din il-ħajja stess.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum
Qari I
Int tħenn għal
kulħadd għax tħobb il-ħlejjaq kollha.
Għerf 11, 22 – 12, 2
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Mulej, quddiemek
id-dinja kollha qisha traba fil-miżien,
jew qatra nida
tal-għodwa li tinżel fuq l-art.
Iżda int tħenn għal
kulħadd, għax tista’ kollox;
int tagħlaq għajnejk
għal dnubiet il-bnedmin
biex huma jindmu.
Għax int tħobb
il-ħlejjaq kollha,
u xejn ma tistmell minn
kulma għamilt;
li kien hemm xi ħaġa li
stajt tobgħodha, int ma kontx tagħmilha.
Kif setgħet tibqa’ xi
ħaġa fid-dinja kieku int ma ridthiex?
Jew kif setgħet iżżomm,
kieku int ma sejjaħtilhiex?
Imma int, o Sid li
tħobb kulma jgħix,
lil kulħadd tagħder,
għax kollox huwa tiegħek.
Għax f’kulħadd hemm
nifsek bla ma qatt jintemm.
Għalhekk int twiddeb
bil-ftit il-ftit lil dawk li jonqsu,
twissihom u tfakkarhom
fejn dinbu,
biex jerġgħu lura
mill-ħażen tagħhom,
u fik, Mulej, iqiegħdu
t-tama tagħhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145),
1-2.8-9.10-11. 13ċd-14
R/. (1) Mulej, inbierek
ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Ħa nkabbrek, Alla
tiegħi, sultan,
u nbierek ismek għal
dejjem ta’ dejjem.
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal
dejjem ta’ dejjem. R/.
Twajjeb u ħanin
il-Mulej,
idum biex jagħdab u
kollu tjieba.
Twajjeb ma’ kulħadd
il-Mulej,
tjubitu fuq kulma
għamel. R/.
Kulma għamilt iroddlok
ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb
tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna
tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek
jitkellmu. R/.
Ta’ kelmtu l-Mulej
fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li
għamel.
Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqa’,
iqajjem ’il kull min hu mitluq. R/.
Qari II
L-isem ta’ Sidna Ġesù
Kristu jkun igglorifikat fikom, u intom fih.
2 Tess 1, 11 – 2, 2
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lit-Tessalonikin
Ħuti, aħna dejjem
nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li
bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi
tagħkom. U hekk l-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom u intom
fih skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.
Ħuti, għal dak li
għandu x’jaqsam mal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu u l-ġemgħa tagħna biex
ningħaqdu miegħu, nitolbukom biex ma toqogħdux tħawdu raskom malajr u tinħasdu
bħallikieku l-miġja ta’ jum il-Mulej qorbot, u la jekk tkunu mnebbħin
mill-ispirtu u lanqas jekk tisimgħu xi kelma jew taqraw xi ittra taparsi mingħandna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Ġw 3, 16
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Alla hekk ħabb
lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen
fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Bin il-bniedem ġie
jfittex u jsalva l-mitluf.
Lq 19, 1-10
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù
daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan
kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min
kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar
jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa
kien se jgħaddi.
Ġesù, kif wasal hemm,
ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm,
għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu
ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u
jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.
Imma Żakkew, wieqaf,
qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien
qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Qallu Ġesù: “F’din id-dar
illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin
il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”.
|