Thursday, 21 November 2019
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2019) IN-NISRANI JGHIX G&AL DEJJEM!
IT-TNEJN U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2019) IN-NISRANI JGHIX G&AL DEJJEM! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 09 November 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tnejn uTletin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 32hadd.jpeg

 

Hemm frażi li tissemma l-ħin kollu fl-Iskrittura li hi ta’ mportanza fenomenali għan-Nisrani, u din hi “l-Ħajja ta’ Dejjem”.  Kull tip ta’ twemmin f’Alla jemmen li jekk Alla hu Mħabba ma jistax ikun li joħloq il-bniedem biex imut wara numru ta’ snin... u aħna nafu kemm hi effimera, kemm tgħaddi malajr din il-ħajja tagħna hawn.  Alla hu Mħabba, u l-Imħabba hi “l-Ħajja”.  Fejn m’hemmx Imħabba, tiddomina l-Mewt u l-Imħabba vera hi Alla nnifsu.  Din l-Imħabba li hi Alla nnifsu ħalqet kollox u ħalqet lill-bniedem xbieha tagħha u għamlitu etern bħalha, għax Alla ma jħobbx għal ftit snin, bħalma sikwit nagħmlu aħna, imma għal dejjem ta’ dejjem.

 

Jew “Ħaj” jew “Mejjet”

 

Hemm rabta enormi bejn l-Imħabba ta’ Alla u l-Ħajja tal-bniedem.  Fl-Iskrittura, li hi r-rivelazzjoni, il-wirja ta’ min hu Alla, hemm żewġ kelmiet li l-ħin kollu deħlin u ħerġin mill-kitba qaddisa, u dawn huma Ħajja u Mewt.  Kollox madwarhom idur.  Jekk int f’Alla, inti Ħaj, jekk int maqtugħ minn Alla, inti mejjet.  Dawn mhumiex teoriji fl-ajru; mhumiex filosofija.  Il-Ħajja jew il-Mewt jidhru mill-fatti.  Jekk inti Ħaj tassew int ġa qiegħed fil-Ħajja ta’ Dejjem, ġa int imqajjem mill-mewt u mdaħħal f’Ħajja li ma tispiċċax.  U dan int tkun ċert minnu għax Alla nnifsu jpoġġilek din iċ-ċertezza fik innifsek.  Dan jagħmel minnek bniedem ġdid, bniedem li jġorr l-akbar għana possibbli għall-bniedem: ir-rebħa fuq il-mewt.

 

 

Dan mhux paroli.  Il-Ħajja jew tidher, jew m’għandekx.  Jekk int ġa Ħaj għal dejjem inti ma tibqax egoista bħalma sar Adam malli nqata’ minn Alla.  Min għandu l-Ħajja, xejn u ħadd ma jista’ joqtlu u minn hawn titwieled l-Imħabba saħansitra lejn l-għadu għax l-għadu ma jibqax jhedded għax l-għana veru tiegħek, il-Fidi tiegħek, l-għadu ma jistax imisshielek.  Jista’ jeħodlok ġidek, jeħodlok il-fama tiegħek, jeħodlok l-affetti u l-ħbiberiji, jeħodlok kull ħaġa materjali, imma dak li jiswa tassew, dak li hu tal-Ispirtu, dak li ġie mogħti lilek mill-Għoli, dan ma jista’ jmissulek ħadd! 

 

L-omm fil-Ktieb tal-Makkabin

 

Eżempju ċar ta’ xi ħadd li, bil-Fidi, għaddiet mill-mewt għall-Ħajja ta’ Dejjem minn hawn stess hija l-Omm Makkabeja.  Dan ma jfissirx li jekk tkun Ħaj ma tweġġax, ma tbatix, ma tissallabx, ma tinqasamlekx qalbek... imma int tibqa’ Ħaj b’mod misterjuż.  Kien dan li ġiegħel lil din il-Mara tħeġġeġ lil uliedha biex ma jiddefendux ħajjithom f’din id-dinja tad-dlamijiet għax huma ġa kienu ġewwa l-Ħajja li ma tiqafx mal-mewt fiżika.

 

Id-dinja ma tistħoqqilhiex Fid bħal din.  Imma Alla jagħtiha b’rigal lil ħafna li hu jagħżel mhux għax huma, minnhom infushom, “itjeb” mill-oħrajn, jew b’xi mod aħjar; lanqas għax huma iktar b’saħħithom spiritwalment, speċi ta’ supermen.  Anzi Alla jħobb jagħżel lid-dgħajfa biex tidher iktar ċara l-Glorja tiegħu u hekk dawk li hu jagħżel isiru Dawl u Melħ għall-oħrajn.  Għax l-ikbar xewqa tal-Imħabba li hi Alla hi li ħadd ma jintilef.  Alla ried isalva saħansitra lil dawk li kienu qed jaħqru tant lil dik l-Omm u lis-seba’ uliedha, u ried isalvahom bix-xhieda tal-vittmi tagħhom.

 

Knisja “Ħajja” jew Knisja “Mejta”

 

Din l-Omm hi xbiha ċara tal-Knisja.  Kull meta l-Knisja kellha ħafna unuri, ħafna poter, ħafna titli u għana materjali, ix-xhieda tagħha kienet “zero”.  Imma kull meta tteħdilha kollox u ġiet ippersegwitatha, fiha vvampjat ix-xhieda tal-Ħajja li minn dejjem qegħda hemm fil-Knisja.  Għax il-Knisja hi il-Ġisem ta’ Kristu, il-Waħdieni li rebaħ il-mewt. 

 

Dawk li mhumiex parti minn dan il-Ġisem Glorjuż imqajjem mill-Mewt għal dejjem u li hu l-Knisja, jew almenu mhumiex influwenzati minnu, dawn huma l-mejtin li jorqdu u jqumu, jaħdmu u jistrieħu, jieklu u jixorbu, jidħku u jirrabjaw... jagħmlu kollox, imma huma mejta.  Huma l-kotra tal-bnedmin li minħabba l-biża’ tal-mewt, huma mjassrin għal għomorhom.  (Lhud 2, 15).  Għal dawn, il-ħajja hi mewt u l-infern jibda minn hawn.  Dan seħħ għax kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.  (Rum. 5, 12). Lil min hu “mejjet” ma tistax tikkritikah għax qishek għafastlu xi ferita moħbija; ma tistax tonqsu mir-rispett;  ma tistax flok “tibnih” tkissru b’xi għaġir negattiv tiegħek.  Tkun qed toħroġlu fil-beraħ ir-riħa ta’ mewt li għandu ġewwa fih.  Għalhekk id-dinja ma tista’ qatt tistrieħ mill-gwerer u l-Qorti ma tista’ qatt tieqaf mill-kawżi.

 

Aħna “Ħajjin” jew “Mejtin”

 

Dan m’aħniex ngħiduh b’ġudizzju.  Aħna iktar nixbħu lil dan il-bniedem “mejjet” milli lil-ieħor li hu “Ħaj” għax għandu lil Kristu matur fih.  San Pawl, jitkellem dwar il-bniedem “mejjet” meta qal: “Ma nafx x’jien nagħmel; naf li mhux dak li rrid nagħmel iżda dak li ma rridx.  Meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin.  Imsejken bniedem li jien!  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  (Rum. 7, 15. 21. 24).  Pawlu ma kienx qed jitkellem għalih innifsu, imma kien jaf x’inhu jgħid għax darba kien mejjet u issa kien ħaj.  Kien mejjet meta kien għadu ma ltaqax ma’ Dak li hu ħaj għal dejjem.  Qabel kellu l-mewt tgħammar fih, u l-mewt iġġib il-biża’, u l-biża’ jġib il-mibegħda u l-vjolenza u l-egoiżmi kollha.  Pawlu fettex lil Alla minn tfulitu, u mar isibu fl-iskejjel tal-iktar nies għorrief ta’ żmienu, imma kien bniedem “mejjet” għal kollox u ġagħal lil ħafna jbatu.  Għax il-“mejjet” joqtol lill-oħrajn.  Il-kontra tal-“Ħaj” li jimla lill-oħrajn bit-tama.

 

Min se jeħlisna mill-“Mewt” li writtna??

 

Min se jeħlisna, allura, minn dan il-wirt tal-mewt li nkiteb f’isimna sa minn ġuf ommna?  Wieħed hu s-Salvatur tal-bniedem: Ġesù ta’ Nazaret, iben Marija, il-Kristu ta’ Alla, l-Iben il-Waħdieni tiegħu, l-uniku li qasam fi tnejn il-mewt ta’ kulħadd!  Id-dinja messha tkanta l-Vittorja għax il-ħelsien mill-mewt ġa seħħ, elfejn sena ilu, fuq il-Kalvarju u fil-qabar bil-ġebla mgerrba. 

 

F’Maratona, kien hemm suldat li telaq jiġri mill-kamp tal-battalja lejn Ateni fejn in-nies kienet magħluqa, mwerwra minn dak li kien se jiġrilha jekk l-armata tagħha titlef.  Is-suldat ġera u ġera sakemm wasal taħt is-sur tal-belt u għajjat kelma waħda: “Irbaħna!!”  U waqa’ mejjet b’qalbu maqsuma bl-għejja.  Imma għal dik il-kelma l-belt xegħlet bl-għajjat ta’ ferħ u ħelsien!  Għal Aħbar waħda, il-belt kollha għaddiet mill-mewt għall-Ħajja, mill-biża għall-ferħ, mil-luttu għall-festa, mid-dlam għad-dawl.  Dan hu li ġie jagħmel Kristu.

 

L-Għid ta’ Kristu

 

Il-missjoni ta’ Kristu kienet għal siegħa waħda: is-siegħa tal-Għid tiegħU.  Huwa l-Għid li jsalva l-umanità!  Kristu ġie biex jitqabad mad-dragun li hi l-mewt u rebħilha b’mod tassew misterjuż.  U ħalla lilu nnifsu jinbela’ minnha imma sar għaliha l-velenu tal-qerda.  Kristu mqajjem mill-mewt ma hux l-istess ġisem ta’ qabel il-mewt, imma issa sar ġisem glorjuż li fih iħaddan l-Ispirtu tal-Ħajja ta’ Dejjem.  Dan l-Ispirtu rebbieħ fuq il-mewt Hu jagħtih lil kull min jemmen fiH bis-serjetà, lil kull min ipoġġiH l-ewwel u qabel kollox.  Din hija l-ikbar Grazzja li jista’ jagħtina: l-Ispirtu s-Santu li jfejjaqna minn ġewwa, inixxef il-ġrieħi tagħna, jaqlagħlna ’l barra l-biża’ tal-mewt u minflok jagħtina fiduċja, ċertezza, sigurtà li ninsabu ġa fil-Ħajja li fuqha l-mewt fiżika m’għad baqagħla l-ebda seħer.

 

Jgħid San Ġwann dwar dan il-Bniedem Ġdid fl-Evanġelju tiegħu: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob.  Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”.  (Ġw. 7, 37-38). Dan hu l-bniedem “Ħaj” għal dejjem.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Is-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem.

2 Makk 7, 1-2. 9-14

 

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Makkabej

 

F’dak iż-żmien, qabdu sebat aħwa u ’l ommhom; u s-sultan beda biex jisfurzahom bid-daqqiet tas-swat u tan-nerv biex jieklu l-laħam tal-majjal li ma jiswiex. Wieħed minnhom beda jitkellem f’isem l-oħrajn u qal: “X’int tfittex tistaqsi u trid taf minna? Aħna lesti mmutu, imma m’aħniex lesti niksru l-liġijiet ta’ missirijietna”. U t-tieni wieħed, kif kien fl-aħħar nifs, qallu: “Int, bniedem mill-agħar, int se ċċaħħadna mill-ħajja ta’ issa, imma s-sultan tad-dinja għad iqajjimna għall-ħajja ta’ dejjem, lilna li se mmutu għal-liġijiet tiegħu”. Imbagħad wara dan bdew jittorturaw it-tielet wieħed u malli talbuh ħareġ minnufih ilsienu u bla biza’ ta’ xejn midd idejh u ta’ qalbieni li kien għajjat: “Mis-sema ksibthom dawn, u għal-liġijiet tiegħu jien

nistmerrhom, għax mingħandu nittama li għad nerġa’ niksibhom”. Saħansitra s-sultan u dawk ta’ madwaru stagħġbu bil-qawwa ta’ dan iż-żagħżugħ, kif l-uġigħ ma kien iqisu xejn.

 

Meta miet dan bdew jittorturaw u jbiċċru r-raba’ wieħed bl-istess mod. Meta wasal fl-aħħar qal: “Aħjar li wieħed imut b’idejn il-bnedmin meta jkollu t-tama mingħand Alla li għad iqajmu mill-ġdid. Imma għalik m’hemmx qawmien għall-ħajja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 16 (17), 1.5-6.8b u 15

 

R/. (15b): Meta nqum nithenna bid-dehra tiegħek

 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja. R/.

 

Il-mixi tiegħi żammejt fi triqatek,

qatt ma għotru riġlejja.

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma’ kliemi. R/.

 

Għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.

Jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;

meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.

 

Qari II

Il-Mulej isaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba.

2 Tess 2, 16 – 3, 5

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

 

Ħuti, Sidna Ġesù Kristu stess u Alla Missierna, li ħabbna u tana l-kuraġġ ta’ dejjem u t-tama sħiħa bil-grazzja, jqawwilkom qalbkom u jsaħħaħkom f’kull għemil u kelma tajba. Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha u tkun milqugħa bil-ġieħ bħalma ġara fostkom. Itolbu biex inkunu meħlusa minn nies ħżiena u bla liġi. Għax mhux kulħadd għandu l-fidi. Iżda l-Mulej hu fidil: hu jwettaqkom u jħariskom mill-Ħażin. Aħna żguri minnkom fil-Mulej, jiġifieri, li intom qegħdin tagħmlu u għad tagħmlu dak li ordnajnielkom. Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Apok 1, 5a. 6b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, il-Kbir fost il-mejtin:

lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin.

Lq 20, 27-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, resqu fuqu xi wħud mis-sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: “Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh”. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.

 

Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >