Thursday, 05 December 2019
           
Home
IT-TLIETA U TLETIN HADD MATUL IS-SENA (2019) L-IMHABBA TKECCI L-BIZA’ ’L BARRA! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 16 November 2019

Din hija il- Liturgija tat-Tlieta uTletin Hadd matul is-sena ( 2019 )   bi hsibijiet  min Joe Rapa.

33_hadd.jpg

 

Qed noqorbu lejn it-tmiem tas-Sena Liturġika, u huwa ż-żmien li fih il-Knisja, fil-Liturġija tagħha tikkontempla t-tmiem taż-żminijiet.  Normalment dan mhux suġġett li tant jixgħel l-entużjazmu tagħna!  Huwa min-natura tagħna li aħna nippruvaw ngħixu billi naljenaw ruħna mit-tmiem, kemm tagħna personali, kif ukoll tal-pjaneta li fuqha poġġiena Alla.  Wara kollox “it-tmiem” huwa l-ikbar problema li għandu l-bniedem u jikkondizzjona s-subkonxju kemm ta’ raġel ta’ disgħin sena kif ukoll ta’ tfajjel li għadu kemm beda jitkellem.  Wieħed jipprova jinsa dan kemm irid imma jħares madwaru u lejh innifsu u malajr jara s-sinjali tat-tinwir, tas-susa, taż-żmien li jsajjar il-bajtar.

 

 

Il-biża’ tal-Mewt

 

Is-sens li kollox jinsab jiżżerżaq lejn “it-tmiem” huwa l-għodda li biha jsawwatna l-għadu tagħna, sid il-Mewt, satana, dak li l-ħin kollu jipprova jisirqilna l-ħajja.  Huwa bħall-argużin li jgħasses fuq l-ilsiera.  Jfaqqa’ l-frosta u kulħadd jistira u jibża’.  Huwa l-biża’ tat-“tmiem”, il-biża’ tal-Mewt li jġiegħel lill-bniedem ikun egoista, jaħseb fih innifsu l-ewwel u qabel kollox, u hekk jaħrab billi jidneb.  Il-biża’ tal-Mewt huwa l-għerq tad-dnub, u l-ħniżrijiet kollha li nwettqu tul ħajjitna ġej minn hawn.

 

Dan kif, li l-ħolqien li tnissel mill-Imħabba li hi Alla, sab ruħu f’din il-kundizzjoni li ġġegħlu jiġri, jiġri, jiġri biex jaħrab mill-Mewt u lest li jbigħ ruħu għal dan il-għan?  Il-Bibbja, fil-midrax impekkabli tal-bidu tal-bniedem, tgħid li l-Imħabba ma setgħetx ma toħloqx lill-bniedem sabiħ u kollu kemm hu tajjeb; imma ma setgħetx ma toħolqux ħieles ukoll.  U dan il-ħelsien, li jħobb jew li ma jħobbx lil min ħalqu, kien perikoluż u wassal lill-bniedem biex fil-prova ddubita mill-Imħabba li minnha nħoloq.  Maqtugħ mill-Imħabba sar ħlejqa, natura, “mhix maħbuba”.  Din hi l-Mewt. L-Imħabba (Alla) baqgħet tħobb, imma l-Imħabba ma baqgħetx iktar emnuta.

 

Il-bxara t-tajba ta’ Kristu

 

Imma dan kollu kien parti mill-Pjan ta’ Alla li juri li l-Imħabba kapaċi tħobb saħansitra lill-għadu.  Kollox kien maħluq bi Kristu u għal Kristu!  L-Istorja kollha tal-univers għandha ċentru wieħed: il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li bih Alla, liebes laħam bħal tagħna, giddeb il-Gidba primordjali u serraħ moħħ il-bniedem li jemmen, li hu jiswa tant li Alla ġie biex jinqatel għalih sabiex huwa jaħrab is-swaba tal-Mewt.  Fi Kristu, Alla jgħid lill-bniedem: “Jiena nħobbok hekk kif int!”  Il-Fidi twettaq miraklu enormi fil-bniedem.  Bil-mod il-mod hu jibda jħobb!!  Jibda jħobb għax l-Imħabba tfejqu!  L-Imħabba tnixxef il-ġrieħi l-antiki tal-biża’ tal-Mewt li ġegħluh tant jidneb u jaħseb fih innifsu, u jsir bniedem ġdid, b’natura ġdida, bniedem li lest li jinagħta għall-ieħor.  Dan hu l-Evanġelju, il-Kerigma, il-Bxara t-Tajba li Alla joffri lili u lilek.

 

L-eskatoloġija

 

Għalhekk, huwa minn iġorr fih dan il-fejqan li jista’ jħares b’eskatoloġija lejn it-tmiem ta’ kollox.  L-eskatoloġija hi d-dehra pożittiva tat-tmiem.  Fuq dan, il-profeta fil-qari tal-lum joffri żewġ xeni għal kollox differenti. “Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum għad jaħraqhom.”  (Mal. 3, 19).  Dan ix-xenarju jimla bil-biża’ lil dawk li żżuffjettaw bl-istediniet ta’ Alla, li ma stmawx id-Demm tal-Ħaruf u ma ħammrux bih xofftejhom u l-bibien ta’ ruħhom.  Min m’għandux il-Mewt mirbuħa ġewwa fih, jista’ jistagħna u jirnexxi, jitkabbar u jitgħolla, imma dan it-tmiem hu dejjem riesaq.

 

Iżda ċ-ċkejknin, li ma ħarġux ta’ giddieb lil Alla, dawn ikunu ġew imfejqa mill-biża’ bl-Imħabba u għalihom it-tmiem ta’ ħajjithom jew ta’ kollox m’għadux iktar ibeżżagħhom għax jaraw l-Imħabba f’kollox.  “Imma għalikom li tibżgħu minn ismi, titla’ x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha; u intom toħorġu taqbżu qiskom għoġiela tal-mandra!”  (Mal. 3, 20).  Lin-Nisrani fidil, Kristu jgħidlu: “Tibżax minn dak il-waqt meta jkun riesaq it-tmiem tal-Ħajja, għax jien se nkun nistenniek f’dak iż-żmien.  Din kelma ta’ Dak li Ismu hu ‘Il-Fidil’.  Jien se nkun nistenniek u nagħmel mill-Mewt tiegħek festa!”  Hu għalhekk li l-Insara kienu jmorru jkantaw għall-martirju.  It-tmiem għalihom hu biss il-Bieb is-Sabiħ tal-palazz tas-Sultan li żżewwiġhom u li jistennihom bla sabar biex jimlihom bil-Ħajja tiegħu li ma tispiċċa qatt.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Għalikom titla’ x-xemx tal-ġustizzja.

Mal 3, 19-20a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom, jgħid il-Mulej tal-eżerċti: hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa. Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 5-6.7-8.9a.9bċ

 

R/. (ara 9): Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli

 

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

 

Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih,

id-dinja u kulma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajtu bil-ferħ

quddiem il-Mulej. R/.

 

Għax il-Mulej ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa. R/.

 

Qari II

Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.

2 Tess 3, 7-12

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

 

Ħuti, intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Imxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; mhumiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,

għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom.

Lq 21, 5-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: “Jien hu”, u: “Iż-żmien wasal”. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

 

Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

 

U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >