Din
hija il- Liturgija ta' L-Ahhar Hadd matul is-sena ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Il-Knisja
hi rigal ta’ Alla lid-dinja. Hija
l-Ġisem ta’ Kristu li tagħha Hu ir-Ras.
Permezz tal-Knisja, Kristu jgħammar kullimkien fid-dinja. Fejn tersaq il-Knisja jersaq Kristu li
jdawwal id-dlamijiet li jgħammru f’qalb il-bniedem. Hu dan li jagħmlu Sultan
ta’ kollox u kulħadd għax hu waħdu huwa mdawwal bil-“Ħajja” vera li kiseb
bil-Qawmien. Mill-banda l-oħra l-Knisja
hi magħmula minn bnedmin dgħajfa u b’natura “mwaqqa’” bħall-bnedmin l-oħra,
imma fihom jinsab għaddej proċess meraviljuż ta’ bidla, ta’ passaġġ, ta’
qawmien. Għalkemm huma twieldu “Dlam”
bħall-oħrajn, qegħdin jinbidlu f’”Dawl”, fi Kristu. Għalhekk, għalkemm dgħajfa bħal ġarar
tal-fuħħar, l-Insara (veri) jġorru dawl li mhux tagħhom imma mogħti lilhom b’risq il-bqija tal-bnedmin.
Ħolqien
ferut mill-ħelsien tiegħu stess
L-univers
huwa meravilja maħluq mill-Imħabba iżda hu kollu kemm hu ferut għall-mewt għax
l-Imħabba ma setgħetx ma toħloqx ħolqien ħieles fl-għażliet tiegħu, inkella ma
kienet tkun Imħabba xejn. U dan
il-ħelsien, f’xi ħin jew ieħor, kellu jintuża ħażin. Għalhekk iddalmet il-meravilja tal-ħolqien. Kollox inqata’ minn Alla għax il-bniedem
iddubita minn minnU. Qabel kien parti
mill-Ħajja għax parti minn Alla. Issa
sar suġġett għall-Mewt b’għażla tiegħu.
Sar ħlejqa b’natura miġrugħa għax tilef l-innoċenza tat-tfal u sar adult
għax jissuspetta f’kollox. Sar “jaf”
bit-tajjeb u l-ħażin u f’Kajjin għaraf li issa kellu ġibda mortali lejn
il-qerda tiegħu nnifsu, lejn il-ħażen, lejn id-dlam.
Il-bniedem
imjassar
Il-bniedem
induna li fih daħlet is-susa tal-Mewt.
Sab ruħu mkebbeb fil-biża’ tagħha u issa hu kkundannat għal dejjem
jaħrab minnha, jagħmel minn kollox biex jegħlibha, ibigħ saħansitra ruħu biex jimmaġina
li hu xi alla li ma jmut qatt. Dan hu
d-“Dnub” li jmur lil hinn minn sempliċi ksur ta’ liġi qaddisa. Id-“Dnub” hu qagħda iktar profonda minn
azzjoni moralment ħażina; huwa stat ta’ jasar bil-bniedem il-ħin kollu jċekċek
il-ktajjen għax jissielet biex jinħall, imma għalxejn. Minn hawn ġejja l-kilba għal dik li
f’għajnejh tidher li hi “il-Ħajja”: flus, saħħa, fama, suċċess, affetti,
passatempi, l-aljenazzjoni tal-vizzji...
Il-bniedem li tilef is-sigurta ta’ Alla, issa jfittixha fl-allat
tiegħu. Għalhekk meta raġel jinġibed
lejn mara jew viċiversa, dejjem hemm dan il-bżonn jilgħab bejniethom: il-bżonn
tas-sigurtà, ta’ ħelsien minn dak li jeqirdu, tas-sejba ta’ dak li jimlilu
l-vojt etern ta’ qalbu. Barmil vojt
jitlob li jimtela’ minn barmil vojt ieħor.
Għalhekk żwieġ pagan hu bla sens u d-divorzju jidher bħala
ħelsien, dritt, rebħa għall-bniedem ilsir. Bla ma jrid, hu jċappas anke l-iktar
ħwejjeġ qaddisa bl-egoiżmu tiegħu li mhu xejn għajr il-biża’ tal-Mewt li ssemmi
l-Ittra lil-Lhud.
Fid-dlam
tinstema’ Aħbar Tajba
Imma
fejn hi l-Imħabba quddiem dan kollu?
Fejn hi l-Imħabba li hi Alla li ħalaq kollox? M’hemmx tama għall-bniedem li wiret dan kollu
f’ġuf ommu? Il-versi 16 u 17 tat-3
Kapitlu ta’ Ġwanni jxandru: Għax Alla
hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma
jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.
Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja,
imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.
(Ġw. 3, 16-17).
L-Imħabba
li hi Alla kienet taf li l-ħolqien tal-univers u tal-bniedem kien se jwassalha
għal dan il-punt. Kollox sar bi
Kristu u għal Kristu. Ir-raġuni u
s-sens ta’ kollox hu li fi Kristu, Alla juri Hu min hu: Imħabba lejn l-għadu
li hi aqwa mill-mewt; Dawl aqwa mid-dlam; Qdusija aqwa mid-dnub. Alla kien totalment ġeneruż fil-ħoqien
meraviljuż ta’ kollox, l-aktar tal-bniedem.
Imma ħafna, ħafna aktar minn hekk Hu kien ġeneruż ma’ kollox u ma’
kulħadd meta, fi Kristu, ħa fuqu t-tinwir tan-natura tal-bniedem u ġarrha
miegħu lejn il-mewt tas-Salib. Hemm, fuq
is-Salib, kien qed imut il-bniedem il-qadim, il-bniedem tas-suspett, il-bniedem
supperv li ried jieħu post Alla. Fuq
is-Salib, Kristu xtara l-Maħfra għal kull bniedem li qatt ġibed nifs ’il ġewwa.
Imma mhux biss...
Kristu
Sultan fuq il-Mewt
Kristu
ġie mqiegħed Sultan ta’ kollox u fuq kollox għax daħal minn jeddu fil-Mewt u
qasamha għalina biex, bi Grazzja, nindunaw li l-Mewt hi gidba, li l-Mewt
naturali tal-ġisem fiżiku mhix u qatt ma kienet il-Mewt eterna tal-bniedem. Għal min jemmen, Kristu ġab fix-xejn l-għerq,
il-kawża, il-prinċipju ta’ kull azzjoni ta’ dnub tal-bniedem: il-Mewt. Min huwa l-Bniedem il-Ġdid? Min huwa l-bniedem tassew Ħaj? Min huwa l-bniedem li, bħal Kristu, jista’
jħobb anke lil min isallbu? Min huwa
l-bniedem li bi Kristu għeleb id-dinja u l-beżgħat kollha tagħha? Huwa dak li jemmen li fi Kristu Alla miet
għalih u qam mill-Mewt biex sar Spirtu Ħaj għal dejjem li jinagħta
lill-bnedmin.
In-Nisrani
jsaltan ma’ Kristu
Min
jirċievi l-Grazzja ta’ din il-Fidi jirċievi wkoll l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt
ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu. Dan
l-Ispirtu jixhed lill-ispirtu tagħna li aħna mhux se mmutu, li aħna ħajjin għal
dejjem u li hemm wirt jistenniena li bħalu la għajn qatt ma rat u lanqas widna
qatt ma semgħet. Min jirċievi dan kollu
jsir Ħuġġieġa ta’ Mħabba li tieħu post il-biża’ tal-Mewt li jibqa’ jdur ma’ min
ma jemminx fi Kristu. Bir-rebħa tiegħu, Kristu sar Sultan tal-Univers, imma l-istess
in-Nisrani!! Għax in-Nisrani u Kristu
huma ħaġa waħda.
Kif
jista’ jkun dan? Aħna nagħmlu din
il-mistoqsija għax id-dinja u l-esperjenza tal-ħajja daħħlulna ġo moħħna,
għamlulna “brain-washing” li int trid tkun, li int, bl-isforzi tiegħek trid
tilħaq din il-perfezzjoni. Xejn minn
dan! Anzi, kollox hu Grazzja. Kollox hu għotja gratis, b’xejn. Inħarsu lejn Marija. Hi tqalet bl-Iben ta’ Alla b’opra li ma
kinitx tagħha, jew tagħha u ta’ xi bniedem ieħor, imma totalment bl-opra
tal-Ispirtu s-Santu. In-Nisrani hu ġarra tal-fuħħar li fiha hemm storjat
l-Ispirtu s-Santu rebbieħ fuq il-Mewt, l-Ispirtu tas-Sultan tal-univers. Ġarra li faċli titbenġel, tixxaqqaq,
tixxellef. Ilkoll inġorru ġewwa fina
t-tbenġil u x-xquq tal-waqgħat tagħna.
Il-glorja
ta’ din il-ġarra dgħajfa hi li hi tgħid “Iva!” għall-proposta li Alla
jagħmel. Imma Kristu hu fidil! Kristu hu fidil ma min jemmen fiH. Huwa Sultan għax Hu biss hu ħaj biżżejjed li
kapaċi jħobb lill-għadu. Kristu biss
il-waħdieni qatt ma mess miegħu l-egoiżmu, qatt ma poġġa lilU nnifsu fl-ewwel
post imma ġie biex jaqdi lill-midneb, jitbaxxa quddiemu, jilqa’ l-bżieq li
suppost ċappas wiċċ il-bniedem, refa’ s-salib li l-bniedem warrab, u ħa
minfloku l-Mewt li kien qed igħix.
Aħna
werrieta tas-Sultan il-Kbir
San
Pawl daħal f’dan il-Misteru, anke hu bi Grazzja. Fil-qari tal-lum, lill-Insara jgħidilhom: Roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji
li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna
fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub. (Kol. 1, 12-14).
Liema Saltna? Liema
wirt? Il-Ħajja ta’ Dejjem; il-Ħajja
Dejjem li tibda ġa minn hawn u tilħaq il-milja wara l-Mewt fiżika. Dawk li jikbru fil-Fidi fil-Misteru tal-Għid
ta’ Kristu, jikber Kristu fihom u jsiru xhieda tal-Ħajja ta’ Dejjem. Ħafna ma jemmnux fiha. Ħafna oħrajn jgħidu li jemmnu imma l-mod kif
jgħixu u l-beżgħat tagħhom juru li dan mhux veru. Id-dinja mxennqa biex tara lil ulied Alla li
għandhom l-istess natura tiegħU, jiġifieri Ħajja li ma tintemmx mal-Mewt
fiżika, ċertezza ta’ għixien għal dejjem, rebħa totali fuq il-Mewt. Dawn huma s-Slaten li jirtu d-dinja, Slaten
kopja tas-Sultan il-Kbir li hu Kristu Ġesù.
Il-Liturġija
tal-Qari tal-lum:
Qari I
Lil David dilkuh
sultan fuq Iżrael.
2 Sam 5, 1-3
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien,
it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana,
għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li
kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: “Int għad
tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael”.
U x-xjuħ kollha ta’
Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom
f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 121 (122),
1-2.4-5
R/. (ara 1): Sejrin
ferħana f’dar il-Mulej
Fraħt meta qaluli:
“Sejrin f’dar
il-Mulej!”
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm!
R/.
Ġerusalemm, mibnija
bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet
jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej.
R/.
Biex, skont il-liġi ta’
Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu
t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar
ta’ David. R/.
Qari II
Daħħalna fis-saltna
ta’ Ibnu l-maħbub.
Kol 1, 12-20
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin
Ħuti, roddu ħajr
lill-Missier, li għamilkom denji
li tissieħbu fil-wirt
tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
Hu ħelisna mill-ħakma
tad-dlam,
u daħħalna fis-saltna
ta’ Ibnu l-maħbub,
li bih għandna l-fidwa,
il-maħfra tad-dnubiet.
Hu x-xbieha ta’ Alla li
ma jidhirx,
il-kbir fost il-ħlejjaq
kollha;
għax fih kien maħluq
kollox, fis-sema u fl-art,
dak kollu li jidher u
dak kollu li ma jidhirx,
Troni u Ħakmiet,
Prinċipati u Setgħat.
Kollox bih u għalih kien
maħluq,
hu li hu qabel kollox,
u kollox fih qiegħed
iżomm.
Hu r-Ras tal-Ġisem, li
hu l-Knisja.
Hu li hu l-bidu,
il-kbir li qam
mill-imwiet,
sabiex ikun hu l-ewwel
f’kollox.
Hekk Alla għoġbu li
tgħammar fih il-milja kollha;
bih Alla għoġbu jerġa’
jħabbeb kollox miegħu;
bid-demm tiegħu,
imxerred fuq is-salib,
ġieb is-sliem permezz
tiegħu fis-sema u fl-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 11, 9.10
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Imbierek min ġej f’isem
il-Mulej!
Imbierka s-Saltna li
ġejja ta’ David missierna!
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġesù, ftakar fija
meta tidħol fis-Saltna tiegħek.
Lq 23, 35-43
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, wara li
sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku
b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu
l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u
resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva
lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa
s-sultan tal-Lhud”.
Wieħed mill-ħatjin li
kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva
lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla
int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta,
tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel
xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”.
U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|