Monday, 06 April 2020
           
Home
8 TA’ DICEMBRU, 2019 MARIJA: MEHLUSA GHALL-MERTI TA’ KRISTU PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 08 December 2019

Din hija il- Liturgija ta' 8 TA’ DICEMBRU, 2019 MARIJA   bi hsibijiet  min Joe Rapa

 st.jpg

 

Il-Knisja llum tiċċelebra u tifraħ bil-“Festa tal-Ġmiel”, kif xi wħud isejħu s-Solennità tal-Beata Verġni Marja Mnissla mingħajr il-jasar tad-dnub ta’ Adam.  Tissejjaħ il-“Festa tal-Ġmiel” għax jekk kulma ħalaq Alla Hu raħ li kien tajjeb, u tajjeb ħafna, sabiħ, u sabiħ ħafna, f’Marija Hu ħalaq il-qalba tas-Sbuħija, il-Ġmiel tal-ġmiel.  Lil kull wieħed minna, Alla joħolqu għal xi ħaġa, xi għemejjel, opri maħsuba minnU minn qabel, skont il-Pjan meraviljuż li Hu għandu għall-ħolqien.  Lil Marija, Hu ħalaqha biex tkun it-Theotokos, l-Omm ta’ Alla nnifsu li f’Ġesù ta’ Nazaret libes laħamna biex jgħix magħna u biex iduq il-Mewt u jirbħilha, lilha li hi l-akbar għadu tal-bniedem.

 

Lil kull wieħed minna, l-Mulej iżejnu b’kariżmi, grazzji, doni, rigali biex inkunu nistgħu inwettqu dak li Hu jrid minna.  Iżda ma jeħdilniex il-libertà tagħna li nagħżlu li nagħmlu li rridu.  Jekk jien nuża d-doni li tani Alla biex nagħmel ir-Rieda tiegħu, dan nagħmlu għax irrid u mhux għax bil-fors jew għax Alla, speċi ta’, tani l-ħabel biex nimxi fejn iridni Hu, kif konna nagħmlu aħna bil-ġugarelli tagħna. Ħafna huma dawk li l-kariżmi u t-talenti li rċivew mingħand il-Mulej għal xogħol misterjuż, jużawhom għal ħwejjeġ oħra u l-Pjan ta’ Alla jintilef għal dik il-persuna, u kif tgħid waħda mill-Għanjiet ta’ Salamun, “l-anġli kienu qed jibku għax intilfu l-pjanijiet ta’ Alla”.

Il-Knisja llum tiċċelebra u tifraħ bil-“Festa tal-Ġmiel”, kif xi wħud isejħu s-Solennità tal-Beata Verġni Marja Mnissla mingħajr il-jasar tad-dnub ta’ Adam.  Tissejjaħ il-“Festa tal-Ġmiel” għax jekk kulma ħalaq Alla Hu raħ li kien tajjeb, u tajjeb ħafna, sabiħ, u sabiħ ħafna, f’Marija Hu ħalaq il-qalba tas-Sbuħija, il-Ġmiel tal-ġmiel.  Lil kull wieħed minna, Alla joħolqu għal xi ħaġa, xi għemejjel, opri maħsuba minnU minn qabel, skont il-Pjan meraviljuż li Hu għandu għall-ħolqien.  Lil Marija, Hu ħalaqha biex tkun it-Theotokos, l-Omm ta’ Alla nnifsu li f’Ġesù ta’ Nazaret libes laħamna biex jgħix magħna u biex iduq il-Mewt u jirbħilha, lilha li hi l-akbar għadu tal-bniedem.

 

Lil kull wieħed minna, l-Mulej iżejnu b’kariżmi, grazzji, doni, rigali biex inkunu nistgħu inwettqu dak li Hu jrid minna.  Iżda ma jeħdilniex il-libertà tagħna li nagħżlu li nagħmlu li rridu.  Jekk jien nuża d-doni li tani Alla biex nagħmel ir-Rieda tiegħu, dan nagħmlu għax irrid u mhux għax bil-fors jew għax Alla, speċi ta’, tani l-ħabel biex nimxi fejn iridni Hu, kif konna nagħmlu aħna bil-ġugarelli tagħna. Ħafna huma dawk li l-kariżmi u t-talenti li rċivew mingħand il-Mulej għal xogħol misterjuż, jużawhom għal ħwejjeġ oħra u l-Pjan ta’ Alla jintilef għal dik il-persuna, u kif tgħid waħda mill-Għanjiet ta’ Salamun, “l-anġli kienu qed jibku għax intilfu l-pjanijiet ta’ Alla”.

 

It-tiżjin ta’ Marija

 

L-ikbar thejjija li wettaq Alla fi bniedem jew bniedma, Hu għamilha f’Marija, tfajla komuni minn Nazaret, imma li kienet imnissla b’xi mod minn David li minnu kellu joħroġ il-Messija.  Il-Missjoni ta’ Marija kienet waħda grandjuża, anke jekk moħbija minn għajn in-nies u mkebba f’umiltà u sempliċità.  Hi kellha tkun dik li f’ġufha jissawwar Alla bħala bniedem, u għalhekk id-doni, ir-rigali li taha Alla kienu jisbqu lil dawk ta’ kull bniedem ieħor.  Xorta waħda hi kienet ħielsa li taċċetta jew le dak li l-Pjan ta’ Alla kien qed jitlob minnha.

 

Il-biedem imwaqqa’

 

L-ikbar rigal li Alla seta’ jagħtiha kien li jeħlisha mill-flaġell tal-umanità, mill-kondizzjoni tal-biża’ li fiha waqa’ l-bniedem fil-persuni ta’ Adam u Eva.  Hawn, mill-ewwel nidħlu fil-qalba tat-tbatija tal-bniedem.  Id-dnub tal-bidu, primordjali jew oriġinali, kif nafuh, mhux xi teorija astratta.  Jekk dalgħodu int qomt fuq tiegħek, xi ftit kuntent, ġejjin festi sbieħ, id-dinja kollha tidher xi ftit isbaħ f’għajnejk, imma f’daqqa waħda xi ħadd, id-dar, jgħidlek kelma żgħira, bla ebda ntenzjoni ħażina, imma żejda, li lilek għafsitlek xi ferita moħbija fil-profond tiegħek, u int dħalt fil-Mewt.  Is-sema ssaħħab għalik.  Il-kuluri tal-ħajja ntfew.  Int weġġajt għax xi ħadd seraqlek il-ħajja. 

 

Dan għaliex aħna lkoll għandna natura feruta, bis-susa tal-mewt minħabba li fil-bniedem, b’xi mod jew ieħor, f’ċertu mument, daħal suspett profond dwar Alla.  Il-kurdun tal-Ħajja ta’ bejn il-bniedem u Alla nqata’ u l-bniedem miet fuq livell eżistenzjali ħafna; ma’ baqa’ jafda f’xejn u f’ħadd.  Il-bniedem hu mejjet.  Jien mejjet, inti mejjet, għax il-Ħajja hi biss għand Alla u għandna natura li hemm bżonn tiġi mifdija, imfejqa, mixtrija lura lejn Alla biex terġa’ tgħaddi għalih il-Ħajja mill-kordun ta’ Alla. 

 

Il-bniedem eperimenta l-mewt.  Ilkoll esperimentajniha meta xi ħadd, jew xi sitwazzjoni, beżżagħna, heddidna, inkwetana, kien inġust magħna, seraqna, ikkalunjana, gideb fuqna, tellifna milli nieħdu dak li ħassejna kien tagħna.  Biex jaħrab id-dieqa profonda tal-Mewt, il-bniedem jidneb għax issa hu egoista.  Lest jagħmel kollox.  Jipprova jikkontrolla ruħu, darba, tnejn, tlieta, imma issa jew imbagħad se jċedi għall-istint.  Ħoloq idoli għalih li  emmen li jistgħu jevitawlu l-eperjenzi ta’ mwiet, idoli bħall-flus, saħħa, fama, poter, suċċess.  Hu biegħ ruħu għal dawn u Alla m’għandux ċans jitkellem ma’ ruħ mibjugħa lid-dnub.  Anzi, Alla jidher rival, ma tafx biex jista’ joħroġlok, il-fehma tiegħu qatt ma hi l-fehma tiegħek u dak li trid int donnu li qatt mhu dak li jrid Hu.  Bla ma nduna l-bniedem sar supperv, u għamel lilu nnifsu alla flok Alla li ħalaq kollox.

 

Il-vera Ħajja hi l-Imħabba, imma f’din is-sitwazzjoni ta’ ħarba kontinwa mill-Mewt, l-Imħabba li tista’ ma tkunx reċiprokata, hi mpossibbli.  X’għerf stupend wera l-kittieb fit-tielet kapitlu tal-Ġenesi meta biex Adam jaħrab mis-sitwazzjoni mwegħra tiegħu poġġa lil martu fuq quddiem u akkużaha quddiem Alla billi qal: “Il-mara li int tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra u jiena kilt.”  (Ġen. 3, 12).  Mhux dejjem hekk inqerru aħna?  “Għamilt hekk u hekk imma għax...”  Il-bniedem lest iwaħħal saħanistra f’Alla għal dnubu biex jaħrab il-Mewt li minnha jibża’.

 

Tidher “Mara”

 

Hawn insibu l-għerq tal-ħażen kollu li jaħkem id-dinja.  Kriminalità ta’ kull xorta, qtil, vendetti, mibegħda, għira, gwerer, drogi, pornografija, prostituzzjoni u elf mitt oxxenità oħra.  U dehret persuna, Mara żagħżugħa, li ġiet meħlusa minn dan kollu bi Grazzja!  Eva hi omm il-mejtin, Marija hi Omm il-Ħajjin mifdija minn Binha.  Marija ma ġarritx il-Mewt għax irċeviet natura oħra, natura Ħajja mhux mejta, natura bla biża’ tal-Mewt u għalhekk bla dnub, bla egiżmu, bla ħarba minn dak kolllu li minnu jaħrab il-bniedem.  Marija hija l-opra perfetta ta’ Alla, is-Sorpriża li kexkxet l-infern, il-ħatba li ġiet meħlusa mill-ħuġġieġa.  Kull ġuf ta’ mara, minn Eva ’l hawn welled il-Mewt, imma l-katina nqatgħet f’Marija għax f’ġufha niżlet il-Ħajja li tlibbset laħam minn laħamha, demm minn demmha, għadam minn għadamha.

 

Il-Ħarufa bla ħtija

 

Hi ġiet magħmula l-Ħarufa bla ħtija li tat għad-dawl lill-ħallieq.  Ħarufa, bħalma Ħaruf kien dak li ħalaq kollox. Ħarufa u Ħaruf għax meħlusa mis-susa tal-Mewt li tagħmel mill-bniedem annimal selvaġġ.  Imma nieqfu ftit!  Marija hija l-Ħarufa bla ħtija sa minn twelidha, mhux b’merti tagħha.  Min rebaħ il-merti biex tinfeda minn qabel ma tnisslet din it-tfajla?  Min xtara l-Ħajja lura biex il-bniedem jgħix?  Min patta bl-Ubbidjenza tiegħu biex id-dnubiet kollha jinħaslu f’demmU?  Min rebaħ għall-bniedem iċ-ċans li jsir Alla, bl-istess natura ta’ Alla li ma tmut qatt, u allura kapaċi tħobb anke lill-għadu?  Min rebħilna dan kollu?  Huwa l-Ħaruf.  Huwa Kristu.  Mhux Marija mietet għalina iżda kien Kristu li tela fuq is-salib b’risq tiegħi u tiegħek.

 

Mifdija minn Kristu b’antiċipazzjoni

 

Marija saret l-ewwel mifdina minn Kristu, b’antiċipazzjoni tal-Misteru tal-Għid tiegħU: l-ewwel waħda mifdija minnU.  Marija hi dik li hi, għax Kristu miet għaliha bħalma Hu miet għalina lkoll. Huma l-merti ta’ Kristu, li ħadd ma jista’ jqishom, huma dawn il-merti li joqtlu l-Mewt li tbeżżagħna u jiftħu beraħ il-Ħajja hienja ta’ Dejjem.  Allura nħarsu lejn Marija u fiha naraw lilna nfusna.  Marija hija aħna!  Marija hija n-Nisrani!  Marija hija l-Knisja.  Kristu xtralna l-Ġenna, u lil Marija xtralha din il-Grazzja waħdanija li hi qatt ma daqet il-Mewt li hi omm id-dnub.  Għalhekk il-Knisja dejjem tkanta l-Merti ta’ Kristu, il-Glorja ta’ Kristu, l-Għid imbierek ta’ Kristu f’kull festa.  Marija mnissla mingħajr id-dnub tan-nisel hi xhieda ta’ dak li rebaħ Kristu għall-umanità kollha.

 

Il-ġuf safi ta’ Marija hu l-ġuf safi tal-Knisja.  Il-Knisja titqal b’kotra ta’ Nsara li hi twellidhom fil-Fidi biex ikunu xhieda ta’ Ġesù f’dinja fejn il-kuxjenza saret disensitiżżata, kuxjenza li ma tħoss xejn quddiem il-qtil, il-korruzzjni, il-ħażen.  Xejn mhu xejn u xbiha eċċellenti ta’ dan huwa l-Mara li tirrendi lil ġufha l-post tal-forka għat-tarbija tagħha bl-abort.  Qalb din is-sintina kollha, il-Knisja, xbiha ta’ Marija, issawwar ward safi, ifuħ li huma d-dixxipli ta’ Ġesù.

 

L-Ewwel Qari

 

Kapitlu 3 tal-Ġenesi hu wieħed mill-aqwa u l-iktar importanti fil-Bibbja kollha, fir-Rivelazzjoni kollha li Alla ta tiegħU innifsU lill-bniedem.  Mhux “history”, kif nifhmu dan is-suġġett illum, bħalma mhumiex “history” l-ewwel ħdax-il kapitlu tal-Ġenesi, kif tfiehem il-Knisja fid-dokument tal-Konċiju “Verbum Dei”.  Dan il-Kapitlu jiġbor fih Rivelazzjoni kbira ta’ Alla.  Huwa verità assoluta fuq il-qagħda tal-bniedem, tiegħi u tiegħek illum.  Jekk ma nemmnux li l-bniedem kien maħluq perfett imma ħieles, u dan il-ħelsien wassal għall-waqgħa tiegħu, ma nistgħu qatt nidħlu fil-Misteru ta’ Kristu... anzi ma nistgħu qatt nemmnu l-Opra mmensa ta’ Kristu b’risq tiegħi u tiegħek.

 

Il-Mibegħda Qaddisa

 

F’dan ir-rakkont meraviljuż jidħlu għall-ewwel darba fuq il-pjaneta tagħna emozzjonijiet u reazzjonijiet umani kbar bħalma huma l-biża’ u l-mibegħda.  Fuq il-biża’ ilna nitkellmu.  Hemm żewġ tipi ta’ mibegħda.  Hemm dik li ovvjament hi ħażina, bħall-mibegħda ta’ satana għall-bniedem.  Li kieku nafu b’liema mibegħda jobogħdna l-għadu kieku nitwerwru u niġru lejn il-kenn ta’ Alla li ħalaqna għall-ferħ, għall-ħelsien, għas-sliem... anzi għall-eternità.  Hemm il-mibegħda ħażina bejn il-bnedmin infushom, u bejn l-annimali li hi l-frott tal-egoiżmu li semmejna diġa wkoll. 

 

Imma hemm mibegħda tajba, anzi Mibegħda Qaddisa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha! Din hi l-Mibegħda tal-“Mara” misterjuża li tidher bħal fanal (“lighthouse”) li f’nofs ta’ baħar imqalleb u mdallam isejħilna lejn l-art moħbija fis-swied tal-lejl fejn hemm il-kenn imwiegħed.  Din il-Mibegħda Qaddisa titqajjem minn Alla nnifsu: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu.” (Ġen. 3, 15).  

 

Tidher il-“Mara”, it-tama tal-bniedem, ix-xbieha tal-Mibegħda li mingħajrha ma jsalvax.  Hi tobgħod is-serpent qarrieq b’mibegħda perfetta, u għalhekk hi tidher tgħaffeġ taħt riġlejha dan il-ħażen makakk, jitkgħawweġ kollu theddid u periklu, jitmiegħek fit-trab tal-art bil-mod, bla għagla, bla ħoss, imma dejjem riesaq, sakemm jigdem u jobżoq il-velenu tiegħu ġol-bniedem aljenat.  Hu f’dan ix-xenarju li jissemma għall-ewwel darba “n-nisel”, nisel il-Mara, Ġesù, il-Kristu, il-Messija, Bin Marija.

 

Marija: Xbieha tal-Mibegħda Qaddisa

 

Marija bis-serpent taħt riġlejha ssejħilna għal din il-Mibegħda Qaddisa.  Isejjħilna biex nieħdu l-konverżjoni tagħna u l-Mixja tagħna lejn il-port fid-dlam bis-serjetà.  Twiddibna biex ngħarfu l-periklu li bih dejjem imdawrin; biex ma naljenawx ruħna bix-xejxi tad-dinja għax f’daqqa waħda nħossu gidma u fina jiġri semm il-giddieb.  Jekk tħobb lil Kristu trid tobgħod lil satana u t-tlellix ta’ dak kollu li jaljenak minnU.  Jekk tħobb id-Dawl, tobgħod id-dlam.  Jekk tħobb il-Ħajja, tobgħod il-Mewt.  Jekk tħobb il-ġid, is-sliem, il-ferħ, tobgħod id-deni, l-inkwiet, id-dieqa.  Jekk tħobb il-Grazzja, tobgħod id-dnub.  Din hi l-Mibegħda Qaddisa li mingħajrha nkunu biss qed nilagħbu bil-gandlieri bħalma kienu jagħmlu t-tfal dari.  Kemm reliġjożità fiergħa li mhix ħlief passatemp u li aħna ngħodduha bħala Fidi!

 

Qari I

Ġen 3: 9-15.20

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi.

 

Wara li Adam kiel mis-siġra: Il-Mulej sejjaħlu u qallu: “Fejn int?” U wieġbu: “Għax smajt ħossok fil-ġnien, u billi jien għarwien, bżajt u staħbejt”.

 

U qallu: “Min qallek li int għarwien? Jaqaw kilt mis-siġra li għidtlek ma tikolx minnha?” U wieġeb Adam: “Il-mara li tajtni miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt”. U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu li għamilt?” U l-mara weġbitu: “Is-serp daħak bija, u kilt”. U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt hekk, int tkun l-iżjed misħut fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi kollha. Int timxi għal żaqqek u tiekol it-trab għal ħajtek kollha.

 

Innissel mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u bejn nisilha. Hu jgħaffiġlek rasek u inti tgħattanlu għarqubu”. U lil martu Adam semmieha Eva, għax kienet omm il-ħajjin kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

 

Alla dejjem jissorprendi.  Kull bniedem li tkellem fuq l-esperjenza tiegħu ta’ Alla dejjem żvela is-Sorpriża enormi li biha tbellah bħall-Għaġeb tal-Presepju.  Fil-Kapitlu 3 tal-Ġenesi li għadna kif rajna, jidhru d-dlamijiet, id-disprament, il-biża’, il-qerda tas-sbuħija li ħalaq Alla, imma fl-istess ħin ukoll it-tama, id-dawl, il-wegħda ta’ qawmien ġdid, ta’ ħelsien, ta’ Xemx li kellha titla u ddawwal kollox mill-ġdid.  Il-bniedem jidher mitluf għal dejjem, iżda fl-istess waqt jidher salvat għal dejjem.

 

Alla jintervjeni u l-bniedem jifraħ

 

Salm 97 jirrifletti dan il-ferħ.  Ferħ għall-bniedem li jara b’għajnejh l-għeġubijiet ta’ Alla, is-Sorpriża mmensa tiegħU.  Għal ħafna dan hu Ċiniż!  Illum, il-bniedem jistenna mhux il-Ferħ ta’ Alla imma x’hemm ġdid fil-ħwienet, x’inhi l-moda, x’aħbarijiet għandna, x’logħba jmiss.  Oħrajn huma ddrogati bi ħwejjeġ iktar serji. Min hu muġugħ għax ingidem mill-għadu u għex f’laħmu dak li ġara fil-qari mill-Ġenesi, huwa dan li jixxennaq li jilmaħ lill-“Mara” bit-tarbija f’idejha riesqa biex tkeċċilu s-solitudni bl-Imħabba, id-dieqa bil-ferħ, il-jasar tad-dnub bil-ħelsien tal-Grazzja.  Hi tagħtih lil Binha, is-Salvatur Waħdieni tal-bniedem. 

 

M’hemm Salvazzjoni f’ħadd ħlief f’Binha.  Mhux fil-“Mara” hi s-Salvazzjoni.  Hi turina lil Binha għax fiH biss hemm ir-rebħa fuq il-Mewt u fuq dak kollu li jbeżżagħna u jġagħlna niżbaljaw. 

 

“Għannu għanja ġdida lill-Mulej, għax għamel l-għeġubijiet!”  (S. 97, 1).  Bniedem Ġdid jgħanni Għanja Ġdida.  Bniedem Ġdid jitkellem fuq ħwejjeġ ġodda.  Bniedem Ġdid jifraħ b’ferħ ġdid.  Bniedem Ġdid iwettaq ħwejjeġ, opri qaddisa, li qatt ma kien joħlomhom qabel.  Bniedem Ġdid għandu fih Spirtu Ġdid, l-Ispirtu ta’ Dak li hu aqwa mill-Mewt.  Bniedem Ġdid jifhem il-kliem ta’ dan is-Salm li jgħid: “Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art, ħa jħabbat il-baħar u kulma fih, ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih, u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk quddiem il-Mulej, għax ġej.”  (S. 97, 11-13). 

 

Salm Responsorjali

Salm 97

 

R/. Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel l-għeġubijiet!

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel l-għeġubijiet.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fi tjubitu

u fil-fedeltà tiegħu għal dar Israel. R/.

 

Raw it-truf kollha tal-art

is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R/.

 

It-Tieni Qari

 

Dan il-ferħ tal-Bniedem il-Ġdid mela sax-xfar qalb Pawlu l-Appostlu, anzi kellu xmajjar dejjem ġejjin ta’ ferħ li faru minn qalbu u ħafna xorbu minnu u saru “Ġodda” bħalu!  Fil-qari li ġej se nisimgħu lil dan il-bniedem “mibdul” jgħanni Innu ta’ tifħir lill-Mulej għax għaraf tajjeb x’kien irċieva mingħandU.  Minn bniedem kollu mibegħda ħażina, li l-għors tiegħu kien li jġiegħel lill-Insara jidgħu bl-Isem Qaddis ta’ Kristu (ara Atti 26, 11) issa kien ġie magħmul Ħabbar ta’ dak l-Isem.  Minn Kristu, ġie mibdul, u minnU biss!

 

Ippredestinati

 

Hu jitkellem fuq xi ħaġa tal-għaġeb!  Aħna konna ġa ngħixu f’moħħ Alla minn qabel ma ġie maħluq l-univers!  Aħna eterni għax konna minn dejjem f’Alla u hekk se nibqgħu għal dejjem fiH!  Il-Kelma ta’ Alla, li hi dik it-Tarbija f’dirgħajn il-“Mara”, dejjem twassallek l-Aħbar it-Tajba li int kont minn dejjem, anke jekk dan int ma tafux, kont minn dejjem u se tibqa’ għal dejjem għax Kristu miet għalik biex ma tmutx, bata għalik biex ikollok il-mistrieħ, sar Spirtu li jagħtik il-Ħajja ta’ Dejjem biex int tkun tista’ tgħix b’moħħok mistrieħ hawn u tmur tgawdiH għal dejjem wara.  Ippredestinati għal-Ferħ u s-Sliem.  Dan kollu b’merti ta’ Kristu.  Marija hi Immakolata bil-merti ta’ Binha tant li għaliha nistgħu ngħidu li hi hija Omma Kristu u bintU fl-istess hin.

 

“Hu għażilna fih”  (Ef. 1, 4) mhux għax iggostana għax ra xi tajjeb fina, imma bi Grazzja, b’rigal mhux mistħoqq, biex inkunu xbieha tiegħU.  U dan mhux b’risq tagħna biss imma b’risq kotra ta’ oħrajn għax Alla jrid isalva lil kulħadd u jħobb lil kulħadd.  Hemm bżonn li aħna lkoll niġu mibdula, niġu magħmula “Ġodda” biex dawk li m’għandhomx l-inbid tal-festa f’qalbhom, jaraw lilna u jinġibdu lejn Dak li għamilna xhieda tiegħU.

 

Qari II

Efes 1: 3-6.11-12

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.

 

Ħuti: Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu. Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba; iddestinana li nkunu għalih ulied addottivi permezz ta’ Ġesù Kristu, skont ma għoġob lir-rieda tiegħu għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu. 

 

Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu, sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Evanġelju

 

Il-Vanġelu li se nisimgħu ikanta s-sbuħija ta’ Marija, sbuħija li l-Missier ta lil din il-bniedma għax ħares u ra riesaq il-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu li rebaħ dawn il-grazzji kollha għal Marija u għall-bnedmin kollha. 

 

Marija l-Imbierka

 

L-Anġlu li ntbagħtilha jsejħilha: “Sliem għalik, Sħalom, mimlija bil-grazzja!”  (Lq. 1, 28).  Alla fawwara bil-Grazzja tiegħU. Għamilha Dik li kienet l-Għerq li minnha tnisslet is-Siġra li fiha jistkennu l-għasafar mhedda; Dik li fetħitilna l-Bieb għad-dawl tagħna.  Lil Marija għamilha sensittiva ta’ mara li hi, biex tinduna li ma għandniex inbid tal-festa, bħal fit-tieġ ta’ Kana, għax ma nafux x’inhu l-ferħ billi l-ħajja tagħna ma kinitx ħajja.  Hi ndunat u qaltilna “Agħmlu dak li jgħidilkom hu!”  (Ġw. 2, 5)  biex Binha jkun jista’ jibdel l-ilma bla togħma ta’ ħajjitna f’Inbid Ġdid li jferraħ!

 

Lilha, l-Missier għamilha l-għollieq jaqbad ta’ Mosè  (ara Eż. 3) li jġorr il-Mulej u ma jinħaraqx!  Marija tqarribna lejn “il-Mibgħut” għalina għax hi bħal dik il-ħofra fil-blat (ara Eż. 23, 33) li fiha Alla poġġa lil Mosè biex ikun jista’ jara d-daħar tiegħU.  Marija tgħinna naraw “id-dahar ta’ Kristu” li jimxi quddiemna bħar-Ragħaj quddiem in-nagħaġ.  Li int tara d-Dahar ta’ Kristu, lil Kristu minn dahru, jfisser li int tgħix fis-sigurtà, fil-fiduċja, fis-serħan tal-moħħ għax fid-dlam, fil-maltemp, fil-widien fondi, int tħares u quddiemek tara lil Dak li miet għalik, li lest f’kull ħin jerġa jagħti Ħajtu għalik u qiegħed miexi hemm jiftaħlek it-triq u jilqagħlek kontra l-għedewwa li jistgħu ikunu moħbija, lesti.

 

Marija setgħet qalet le, imma Hi daħlet biex refgħet ma’ Binha t-toqol tal-Fidwa biex aħna jkollna dan kollu.

 

Evanġelju

Lq 1: 26-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

 

F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimhaNazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollox iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”. 

 

Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

 

Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.

 

 
< Prev   Next >