Din
hija il- Liturgija ta't-Tielet Hadd ta' L-Avvent bi hsibijiet min Joe Rapa
Wara
li fl-ewwel żewġt Iħdud tal-Avvent il-Knisja kellmitna b’ħafna serjetà dwar
ir-rejalta tal-qagħda tagħna l-bnedmin: il-fatt li ħadd ma jista’ jmerih li
aħna ninsabu fuq pjaneta li qegħda tixjieħ u tinsab f’ġirja miġnuna lejn
it-tmiem ta’ kollox, lejn il-qerda, għax donnu kollox fih is-susa tal-Mewt,
anke aħna; illum jibda ż-żmien
tal-Kerigma, tal-Aħbar it-Tajba. Mhux
kollox hu mitluf għall-bniedem. Anzi,
l-bniedem ġie maħtuf bħal ħatba minn ġon-nar li kienet ġa bdiet iddaħħan, u
l-umanità kollha għandha għalfejn tgħajjat: “Halleluja!” b’sens ta’ rebħa, ta’
eżultanza, ta’ għors li ma jitfissirx.
X’inhi
din l-Aħbar it-Tajba? Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu
l-waħdieni biex kull min jemmen fiH ma jintilifx iżda jkollu l-Ħajja ta’
Dejjem.” (Ġw. 3, 16). F’daqqa waħda tinfetaħ triq ta’
Salvazzjoni għall-bniedem; ħruġ minn qagħda ta’ mewt, ta’ ċirku ta’ thewdin,
inkwiet u tħassib, għall-ħelsien ta’ futur bla tmiem, garanzija ta’ ħajja li
anqas il-Mewt fiżika ma tista’ għaliha.
Min
hu Kristu għalik?
Imma
liema hi l-perċessjoni li għandek int ta’ Kristu? Kristu hu ppreżentat lilek mill-Missier bħala
t-Tama waħdanija ta’ Ħajja bla tmiem, ta’ ħelsien mit-taħsir li fiżikament ġa
qed jgħerrina, lilna li għadna ħajjin.
Mit-twelid tagħna ġa kien hemm moħbija f’ġisimna l-marda li għandha
teqridna. Qegħda hemm siekta, tidħaq
bis-suċċessi u l-glorji u l-għana tad-dinja; biċ-ċapċip u l-istorbju u
l-pulikarji kollha. Dwar dan titkellem
il-mitoloġija Griega li tirrakkonta li darba kien hemm wieħed jismu Ikarus li
rnexxielu jagħmel par ġwienaħ u jwaħħalhom bil-kolla miegħu għax xtaq jisfida
n-natura billi jtir ’il fuq ’il fuq. U
tassew tar... imma malli resaq lejn ix-xemx, in-nirien tagħha ħallewlu l-kolla;
inqalgħu l-ġwienaħ minn miegħu u twaddab ’l isfel mill-għoli tas-suppervja
tiegħu.
M’hemmx
rebħa għall-bniedem fuq il-limitazzjonijiet tiegħu, imma ara x’sorpriża
memorabbli: jidher fostna Alla, f’laħam bħal tagħna kkundannat għall-uġigħ,
għall-mard, għall-Mewt, bil-limitazzjonijiet kollha tagħna. Il-Mewt belegħtu bħalma tibla’ lil kulħadd...
imma l-univers kollu jitħawwad għax għall-ewwel darba bniedem, b’laħam minn
laħamna, ġie lura miċ-ċimiterju!!
Mhux biss, iżda Hu jħabbar żmien ġdid, era li fiha kull min jemmen fiH
isir jixbħu, jaħtaf għalih innifsu n-natura rebbieħa fuq il-mewt li tinagħtalu
bi Grazzja, b’rigal mogħti b’xejn, bla ma jistħoqqlu. Din hi l-Grazzja per eċċellenza, l-ikbar
rigal li jista’ jagħtina l-Missier.
Mhux
ta’ b’xejn San Pawl, maħsud minn din il-Glorja, minn din ir-rebħa tal-bniedem,
igħid: Hu, li anqas lil Ibnu stess ma
ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannhom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam
mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħil għalina. Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? it-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni,
il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?
F’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. (Rum. 8, 32-37).
Imma
nerġa’ lura għall-mistoqsija li għamilt ftit ilu: liema hi l-perċezzjoni li
għandek ta’ Kristu? Min hu Kristu
għalik? F’liema Kristu temmen? Hu mportanti li nkunu fil-verità hawn għax
Kristu wieħed hemm u fiH biss il-Missier ta r-rebħa fuq il-Mewt għall-bniedem.
Min
isalva, Kristu jew il-Liġi?
Hemm
min jaħseb li l-Missier bagħat lil Ibnu biex iwaqqaf reliġjon ġdida b’sett ġdid
ta’ liġijiet. Infatti, fid-Diskors
tal-Muntanja Hu jitkellem b’mod ċar fuq il-morali tajba li għandu jkollu
n-Nisrani. Imma dan id-Diskors imur lil
hemm mill-kapaċità tal-bniedem, miġrugħ kif inhu mill-problema tal-Mewt li
toddominah; tant li l-istudjużi tal-Bibbja jgħidulna li l-kliem ta’ Ġesù hu
erba’ darbiet itqal biex jitwettaq mill-Għaxar Kmandamenti ta’ Mosè li
Iżrael falla quddiemhom u aħna għadna nfallu sal-lum.
Jekk
dan il-piż legalista żdied tant fid-Diskors ta’ Kristu, allura kif nistgħu
naraw fi Kristu Aħbar Tajba għall-bniedem li biżżejjed hu mgħakkes bit-toqol
tal-Ħajja? Dan li qed ngħidu hu ħafna
mportanti għax ilkoll ġejna mrawmin fuq tagħlim moralista-naturali: jekk tobdi
l-Liġi kollha ssalva, jekk le, tintilef.
San Pawl jeħodha kontra dan, kif naħseb li jeħodha wkoll il-ħalliel
“it-tajjeb”, għax l-ebda bniedem mhu meħlus min-natura miġbuda lejn
id-diżubbidjenza. Lil min jemmen
(bħall-Fariżej) li l-Ħajja ta’ Dejjem kapaċi jirbaħha hu jekk joqgħod attent u
ma jidnibx, jien nistaqsih: “Mela x’sens għandu s-Salib ta’ Kristu għalik? Għax Kristu
Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. (1 Tim. 1, 15). U lill-Galatin jgħidilhom: Kieku l-ġustifikazzjoni kellha tiġi
mil-Liġi, Kristu kien ikun miet għalxejn.
(Gal. 2, 21).
Hu
Kristu li jsalvana bi Grazzja, bla ma jistħoqqilna
It-Testment
il-Ġdid ikanta l-Aħbar li hu fil-Fidi tagħna fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu li
aħna nitwieldu mill-ġdid, ninagħtaw natura superjuri għall-Mewt u għalhekk
kapaċi tgħix mhux biss l-Għaxar Kmandamenti imma fuq kollox id-Diskors
tal-Muntanja ta’ Kristu. Dak li
qabel kien impossibbli għall-bniedem, fi Kristu, magħqud ħaġa waħda ma’ Kristu,
isir possibbli, għax issa Ngħix, imma
mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.
(Gal. 2, 20). Jiġifieri
lanqas mhu jien, bis-saħħa tiegħi, li nwettaq il-Liġi iżda hu Kristu li
jwettaqha fija u bija... dejjem, naturalment, jekk jien nixxennaq li dan iseħħ
fija, għax jien irrid nilgħab il-parti tiegħi ukoll.
X’tistenna
minn Kristu?
Jekk
din mhix Aħbar Tajba, mela liema hi l-Aħbar it-Tajba li qed tittama minn Kristu
int? Għax nitolbuH ħafna ħwejjeġ u
t-talb tagħna jikxef liema Kristu rridu f’ħajjitna: hux dak li jsolvielna
l-problemi ta’ din il-ħajja jew Dak li twieled, miet u rxoxta biex jagħtina
Ħajja Ġdida. Dan l-aħħar qed tixtered
id-devozzjoni lejn il-Madonna li tħoll l-għoqod tal-Ħajja. Tajjeb; imma nittama li nafu li l-ikbar
għoqda li għandu l-bniedem hu li jiskopri minn hu tassew Ġesù, għal xħiex
bagħtu jitwieled fostna l-Missier, u xi jfisser il-Misteru tal-Għid tiegħu għal
Ħajti. Jien ċert li l-iktar Grazzja li
l-Madonna trid taqlagħlna hi din.
F’dan
iż-żmien hekk mimli Grazzja, nistedinkom li niċċarrtu, anke jekk bi
tbatija, mill-ġibda lejn Milied tat-tfal, li hu mimli b’nostalġija inutli għal
dak li għadda, u nħarsu b’għajnejn adulti lejn din it-tarbija li twieldet
biex tmut għalik! L-Insara
tal-Lvant, fl-ikoni qawwija tagħhom, ipinġu l-maxtura forma ta’ qabar biex juru
l-vera missjoni ta’ Kristu. Din
it-tarbija mhix ġejja biex tagħtini r-rigali taħt is-sodda fil-lejl tal-Milied,
imma biex tagħtina r-Rigal waħdieni li Alla biss jista’ jagħti: il-Ħajja bla
tmiem. Hu ma ġiex biex iferraħna
bit-tiżjin, bid-dwal ipetptu, bid-drawwiet helwa u bl-għanjiet, imma bil-ferħ
li kull bniedem jixxennaq għalih: il-milja tal-Ħajja u ċ-ċertezza li l-Mewt hi
gidba u li l-Imħabba ta’ Alla għalina hi ikbar mid-dell tal-Mewt fiżika. Min se
jifridna mill-Imħabba ta’ Kristu? (Rum. 8, 37) staqsa San Pawl. L-Imħabba tiegħu għalina hi eterna, għal
dejjem, u għalhekk aħna se ngħixu għal dejjem ukoll.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum.
Qari I
Alla ġej biex
isalvakom.
Is 35, 1-6a. 10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Ħa jifirħu d-deżert u
l-art maħruqa;
ħa jifraħ ix-xagħri u
jwarrad,
ħa jwarrad bħar-ranġis.
Ħa tifraħ fuq li
tifraħ, taqbeż u tgħanni.
Sebħ il-Libanu jingħata
lilha,
il-ġmiel tal-Karmel u
ta’ Saron.
Għad jaraw is-sebħ
tal-Mulej,
il-ġmiel ta’ Alla
tagħna.
Qawwu l-idejn mitruħa;
saħħu l-irkubbtejn
imriegħda.
Għidu lil dawk
b’qalbhom imbeżżgħa:
“Agħmlu l-ħila, la
tibżgħux!
Araw, Alla tagħkom ġej
jitħallas;
il-ħlas ta’ Alla wasal;
Hu stess ġej biex
isalvakom”.
Imbagħad jinfetħu
għajnejn l-għomja,
jinfetħu widnejn
it-torox.
Imbagħad iz-zopp jaqbeż
bħal għażżiela
u lsien l-imbikkma
jinħall bil-ferħ.
Jerġgħu lura l-mifdijin
tal-Mulej,
u jidħlu f’Sijon
jgħajtu bil-ferħ,
b’ferħ ta’ dejjem fuq
rashom.
Il-ferħ u l-hena
jiksbu,
u jgħibu swied il-qalb
u l-krib.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Salm Responsorjali
Salm 146 (147),
7.8-9a.9bc-10
R/. (Is 34,4): Ejja
Mulej, ħa ssalvana
jew
R/. Hallelujah
Il-Mulej iżomm kelmtu
għal dejjem,
jagħmel ħaqq
lill-maħqurin,
u jagħti l-ħobż
lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles
lill-imjassrin. R/.
Il-Mulej jiftaħ
għajnejn l-għomja;
il-Mulej jerfa’
lill-milwijin;
il-Mulej iħobb
lill-ġusti;
il-Mulej iħares
lill-barranin. R/.
Hu jżomm lill-iltim u
lill-armla,
imma lill-ħżiena
jħarbtilhom triqathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem;
Alla tiegħek, Sijon,
minn nisel għal nisel. R/.
Qari II
Qawwu qalbkom, għax
il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.
Ġak 5, 7-10
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ħuti, stabru, sa ma
jasal il-Mulej. Ara, il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż
tal-art, sa ma jieħu x-xita bikrija u mwaħħra. Stabru intom ukoll; qawwu
qalbkom, għax il-miġja tal-Mulej hi fil-qrib.
Tgergrux kontra xulxin,
ħuti, biex ma tkunux iġġudikati: araw, l-Imħallef qiegħed hawn, quddiem
il-bieb! Bħala eżempju tat-tbatija u s-sabar, ħuti, ħudu l-profeti li tkellmu
f’isem il-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil
Alla
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Is 61, 1
Hallelujah. R/.
Hallelujah
L-Ispirtu ta’ Sidi
l-Mulej fuqi,
għax il-Mulej
ikkonsagrani,
biex inwassal il-bxara
t-tajba lill-fqajrin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Inti huwa dak li
għandu jiġi, jew se nistennew lil ħaddieħor?
Mt 11, 2-11
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġwanni,
li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn
mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil
ħaddieħor?”.
Ġesù wieġeb u qalilhom:
“Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja
jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu,
l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.
Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw
fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li
jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva,
ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara,
jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek”. Tassew,
ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U
b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|