Wednesday, 26 February 2020
           
Home
IR-RABA’ HADD TAL-AVVENT (2019-20) GESÙ = ALLA MAGHNA! PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 22 December 2019

Din hija il- Liturgija ta'r-Raba' Hadd ta' L-Avvent  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 josephs_dream__.jpg

 

Liema hu l-ikbar avveniment li qatt seħħ fl-Istorja?  In-Nisrani jemmen li l-ikbar avveniment li qatt seħħ hu l-Misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla li libes laħam il-bniedem fis-sura ta’ Ġesù ta’ Nazaret li twieled minn verġni, Marija.  Jista’ jkun li hawn ħafna miktuba fir-reġistru tal-parroċċa, li jekk taħsadhom b’din il-mistoqsija isemmulek xi avveniment politiku, militari, xi mument meta l-bniedem ivvinta xi teknoloġija tal-għaġeb, xi avanz kbir fil-mediċina, fid-drittijiet soċjali, xi ħelsien tal-għaġeb minn jasar kiefer, eċċ.  Anke jekk dawn l-affarijiet huma kollha avanzi tal-għaġeb u tajjeb li wieħed ifakkarhom, min ma jpoġġix id-dehra ta’ Alla fi Kristu fl-ewwel post, jew tilef il-Fidi, jew għandu Fidi dgħajfa, marida, li qatt ma kibret.

 

 

Is-solitudni tal-bniedem

 

Fil-bniedem hemm dalma profonda li ttaqqallu l-ispirtu tiegħu kull meta jiġi wiċċ imb’wiċċ magħha, u din hija s-solitudni.  F’kull maħluq tinsab din!  Fil-fond il-fond, il-bniedem hu waħdu, anke jekk hu miżżewweġ bit-tfal, anke jekk għandu ħafna ħbieb u kapaċi jibni relazzjonijiet ta’ ħbiberija malajr, anke jekk għamel suċċess mill-ħajja u dejjem hu mdawwar bin-nies, anke jekk hu fuq tiegħu, ma jistħix, għandu kilba għall-ħajja... m’hawn ħadd li kapaċi jaħrab mill-fatt li hemm inħawi fl-esseri tiegħu bħala bniedem fejn ħadd ma jista’ jidħol, fejn hu dejjem waħdu, fejn lanqas dawk li huma l-eqreb għalih, dawk li hu jħobb l-iktar, ma jistgħu jifhmuh.  Dan hu l-misteru tal-bniedem.

 

Il-bniedem ma jissaportix lil dan “l-ieħor” li donnu jinsab fih, u biex jaħrab minnu nnifsu u mis-solitudni tiegħu, hu jivvinta elfa ħaġa biex jimla lil ħajtu. Għalhekk ħafna huma tant aljenati u jiggranfaw mal-affarijiet li jaljenawhom u jnessuhom, bħal donnhom huma xi alla għalihom.  Lill-bniedem ma tistax tagħtih tort fuq dan, u aħna lkoll, min sikwit, min rari, iltqajna ma’ din is-solitudni meta ħadd ma jista’ jifhimna, meta ħadd ma jaf dak li tkun għaddej minnu u dak li tkun tħoss.

 

Din is-solitudni minn dejjem nisslet fil-bniedem insigurtà.  Min jaf kemm-il darba ħassejna ruħna mhedda quddiem xi pass, xi deċiżjoni li kellna nieħdu.  Ħaddieħor jgħidlek: “U x’għaġeb qed tagħmel!” għax ma jkunx qed jifhem dak li qed iġegħlek tbati. 

 

Il-Lhud Russi għandhom rakkont ċkejken fejn wieħed staqsa lil ħabibu jekk kienx iħobbu tassew.  L-ieħor qallu: “Ma tafx li nħobbok!”  Imma l-ewwel wieħed reġa staqsieh: “Taf x’inhu dak li qed iġiegħel lil qalbi tbati?”  Sieħbu wieġbu, “Le ma nafx.” U l-ewwel wieħed qabeż u qallu: “Mela kif tista’ tħobbni jekk ma tafx l-uġigħ u d-dieqa li għandi moħbi fil-ġewwieni tiegħi?”  Għax hu ċar li l-bniedem iħossu maħbub fil-qjies li min iħobbu kapaċi jagħmillu kumpanija fil-fond tas-solitudni tiegħu.

 

It-tfittxija tal-bniedem għal Alla

 

Dan l-għatx għall-imħabba u l-kumpanija tal-ispirtu bejn tnejn li jafu tassew lil xulxin (jekk dan hu umanament possibbli), ġagħlet lill-bniedem jerfa’ ħarstu lejn is-sema, lejn il-kwiekeb li jixhdu l-kobor tal-univers u jistagħġeb b’dan il-ħolqien u jixxennaq li jagħraf lil Dak li għamel lilu tant misterjuż, u ħalaq dak kollu ta’ madwaru.

 

Huwa mill-qalba tas-solitudni ta’ ġo fih li twieled l-istint reliġjuż li jinsab f’kull bniedem.  Dan l-istint welled eluf ta’ reliġjonijiet, kull waħda tirrifletti l-bżonn li l-bniedem jagħraf l-assolut, jagħraf lil Dak li jimla kollox għax ħalaq kollox, jiskopri lil Alla nnifsu.  Hu jagħmel dan għax hemm x’jgħidlu li jekk isib lil Alla jkun sab is-sens ta’ kollox u ma jibqax iktar waħdu, waħdu fl-intern tal-ispirtu tiegħu.

 

Tfittxija li falliet

 

Iżda t-tfittxija tal-bniedem għal Alla falliet, għax fiċ-ċokon tiegħu il-bniedem ma jistax jagħraf lil Alla.  Fil-ġenn tiegħu li jaħtaf lil Dak li dejjem hu lil hemm minnu, il-bniedem beda juża ħażin ir-reliġjożità naturali tiegħu u f’isem allatu beda jwettaq ħwejjeġ tal-waħx.  F’Iżrael stess insibu idolatriji li ġagħlu popli sħaħ jgħaddu lil uliedhom min-nar tas-sagrifiċċji umani lill-idoli.  Fil-Messiku u l-kumplament tal-Amerika t’Isfel, fi żmien l-Azteki, it-telliefa fil-gwerer li kienu jinqabdu priġunieri kienu jiġu offruti f’sagrifiċċji ma jaqtgħux lil dawn l-allat li l-bniedem beda jivvinta fil-ġenn ta’ moħħu!  Ara fejn twassal ir-reliġjon prodott tal-moħħ marid tal-bniedem!

 

Dan il-falliment tat-tfittxija tal-bniedem għal Alla, għadda minnha wkoll Iżrael, l-uniku ġens li kellu rivelazzjoni minn Alla waħdieni u veru.  Hu nduna li Alla kien wisq lil hemm minnu meta għaraf li jisforza kemm jisforza u tajba kemm tkun tajba l-intenzjoni tiegħu, hu ma kienx kapaċi jwettaq ir-Rieda ta’ Alla miġbura fl-Għaxar Kelmiet tal-Ħajja li aħna nsejħulhom il-Kmandamenti.  Kull min sforza ż-żejjed biex jaħtaf lil Alla bl-ubbidjenza tal-Liġi (bħal Fariżej), spiċċa biex għaraf li ma kien iħobb lil ħadd, imma kien jiġġudika lil kulħadd.  Donnu li ma kienx hemm triq miftuħa għall-bniedem biex jeħles minnu nnifsu u jitwaħħad ma’ Dak li hu l-Veru, li hu s-sens ta’ kollox.

 

Ġwanni l-Evanġelista fl-Apokalissi nfexx f’bikja kbira meta nduna li ħadd mill-bnedmin ma kellu l-ħila jiftaħ il-Ktieb tal-Ħajja, u S. Tereżina wkoll bkiet f’ħolma meta quddiemha deher taraġ enormi li jwassal għall-għarfien ta’ Alla imma li hi ma kinitx kapaċi titla’ lanqas tarġa waħda!

 

L-Inkarnazzjoni: Alla jfittex Hu lill-bniedem!

 

Il-Lhud iħobbu jfissru l-Kewkba ta’ David, li hi l-arma nazzjonali tagħhom u li hi magħmulha minn żewġ trijangoli wieħed tiela’ minn isfel u ieħor nieżel minn fuq bħala: dak li tiela’ minn isfel hu l-isforz tal-bniedem universali li jsib lil Alla, u dak li nieżel minn fuq, il-ħniena ta’ Alla li jinżel jiltaqa’ Hu mal-bniedem. 

 

Alla, kien jaf minn qabel ma ħalaq kollox, li l-ħerqa tal-bniedem li jimla l-vojt ta’ ġo fih u jfittex lilU, kienet se ġġennu.  Għalhekk ikollna nifhmu li Alla ħalaq l-univers għal skop wieħed: biex f’xi mument li l-Bibbja ssejjaħlu “il-milja taż-żminijiet” Hu jinżel jgħammar mal-bniedem biex  jurih Hu min hu.  Ir-risposta ta’ Alla għall-falliment reliġjuż tal-bniedem kienet l-Inkarnazzjoni: Alla li jilbes ġisem il-bniedem biex jiltaqa’ mal-bniedem u jurih kemm iħobbu, kemm hu maħbub, li hemm soluzzjoni għas-solitudni nfinita fil-fond ta’ qalbu.

 

Il-Kristjaneżmu mhux filosofija jew teorija, jew sett ta’ liġijiet b’rigal għal min jobdihom u kastig għal min le.  Dan tassew li jagħmel parti minnu wkoll, imma l-Kristjaneżmu, l-ewwel u qabel kollox, hu Ġrajja.  Ġrajja Storika, b’data storika.  Hu avveniment li ġara.  F’mument “X” fl-Istorja tad-dinja, Alla tnissel f’ġuf ta’ tfajla verġni, sar fetus bla sura b’intervent dirett tiegħu, u twieled, bħall-bnedmin kollha, wara disa’ xhur ta’ tqala minn Marija Ommu, f’għar tal-annimali ġewwa Betlehem fil-Lhudija, għax għal Ommu u għaliH ma kienx għad fadal post fl-ebda lukanda.

 

Il-Kristjaneżmu hu Aħbar Tajba għalik

 

L-Istorja ta’ din it-tarbija-Alla hi kollha kemm hi Aħbar Tajba għall-bniedem.  Alla ma ġiex biex jiġġudika l-fallimenti umani imma biex jagħmel mill-bniedem Alla.  Din hi l-Aħbar it-Tajba, jekk għandek ħila temminha, għax tassew hi ħaġa tal-għaġeb li ma ssibha fl-ebda reliġjon.  Illum saret moda ngħidu li l-Kristjaneżmu mhux reliġjon, u dan hu veru għax il-Missier ma bagħatx lil Ibnu biex iwaqqaf “reliġjon” oħra.  Ir-“reliġjonijiet” iwaqqfuhom il-bnedmin kif ġa rajna.

 

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  (Ġw. 3, 16).  Dik it-tarbija mwellda f’għarix ta’ ragħajja, kellha tagħti lilha nnifisha bħala offerta biex tkeċċi minn qalb il-bniedem is-solitudni, tifqa’ l-għatx għall-imħabba u timla l-bniedem b’ħajja li ma tispiċċa qatt u hekk tagħtih in-natura ta’ Alla nnifsu.  Il-bniedem li ma setax isib lil Alla, jesperjenzja lil Alla li jsib lilu u jħaddnu miegħU f’Ħajja eterna li tibda minn hawn.  Ġwanni l-Evanġelista mtela bil-ferħ għax ra l-Ħaruf li kien maqtul jersaq jiftaħ il-Ktieb li ħadd ma seta’ jiftħu, waqt li Tereżina, tibki quddiem dak it-taraġ tant għoli rat id nieżla li refegħtha bi Mħabba u tellegħtha bħal f’lift lejn dak il-post, mingħajr sforz imma bi Grazzja, b’rigal għax il-Ħaruf tat-Tpattija kien inqatel u l-Ġenna nxtrat!

 

Il-Liturġija tal-Qari tal-lum:

 

Qari I

Arawha, ix-xebba ssir omm.

Is 7, 10-14

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet”. U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”.

 

U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David! Mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-El”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

 

R/. (7c.10b): Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja

 

Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha,

id-dinja u kull ma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,

min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu idejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

 

Qari II

Ġesù Kristu, min-nisel ta’ David, u Iben ta’ Alla.

Rum 1, 1-7

 

Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla. Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet.

 

Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja ilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 1, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,

u jsemmuh Għimmanu-El: “Alla magħna”.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù jitwieled minn Marija l-għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.

Mt 1, 18-24

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk:

 

Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

 

Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”.

 

Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Sunday, 22 December 2019 )
 
< Prev   Next >