Din
hija il- Liturgija ta'l-Hadd fost l-Ottava tal-Milied ( 2019 ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ninsabu
fit-tmint ijiem ta’ wara s-Solennità tal-Milied, dik li l-Knisja ssejħila
l-Ottava tal-Milied, u l-Ħadd fost l-Ottava tal-Milied il-Knisja għandha
d-drawwa liturġika li tiddedikah lill-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Maria u
Ġużeppi. Kien il-Papa Iljuni Xlll, Papa li kellu d-don li jaqra s-sinjali
taż-żminijiet u ġa fi żmienu kien qed jinduna bil-kriżi tal-familja li kienet
riesqa, li daħħal id-drawwa ta’ din is-Solennita fis-sena 1893.
Il-Familja
ta’ Ġesù
Fuq
it-tfulija ta’ Ġesù l-Vanġeli ftit li xejn jgħidulna. Li nafu hu d-deskrizzjoni dettaljata ta’ Luqa
dwar it-twelid tiegħu f’Betlehem, il-Preżentazzjoni fit-Tempju u meta Ġesù
ntilef f’Ġerusalemm ta’ tlettax-il sena.
Mattew iżidilna ż-Żjara tal-Maġi u l-Ħarba lejn l-Eġittu, waqt li Ġwanni
u Marku ma jsemmu xejn dwar it-tfulija ta’ Ġesù u t-tnejn jibdew ix-xogħol
tagħhom bix-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista.
Xi
Protestanti, imma mhux kollha, jisħqu li l-Familja Mqaddsa kellha għad ta’
wlied, imma dan illum qajla hu emmnut għax l-istudju tal-Iskrittura kixef li
għalkemm jissemmew diversi “aħwa” ta’ Ġesù, fl-ambjent tal-Lvant Nofsani din
il-kelma tfisser ukoll kuġini u nies jiġu minnek għax il-famija estiża dejjem kienet
popolari. L-Ingliż u xi lingwi oħra
jħobbu jużaw hawn żewġ kelmiet differenti, “brothers” u “brethren”, din
tal-aħħar tinkludi iktar minn ħutek, propji ulied ommok u missierek. Dan il-punt hu mportanti għax sikwit issib
min jiskandaliżża ruħu b’dan, imma ħafna mill-Knejjes Insara jsostnu
l-Verġinità ta’ Marija qabel it-twelid ta’ Ġesù, fit-twelid tiegħu u anke wara
t-twelid, sal-Mewt ta’ Marija.
L-għan
ta’ din il-festa
Il-Papa
Ljuni Xlll, meta daħħal din il-Festa ma riedx biss li niċċelebraw il-Familja
ta’ Nazaret imma niċċelebraw ukoll il-familji tagħna, u npoġġu lill-Familja ta’
Ġesù bħala mudell li jgħallimna kif għandna nimxu fost id-diffikultajiet li
tippreżentalna s-soċjeta post-moderna tal-lum.
Imma l-kelmiet “mudell” u “imitazzjoni” daħlu fi kriżi fil-pastorali,
għax kif jista’ l-bniedem jimita lil Kristu anke jekk waħda mill-akbar opri
letterarji li l-Knisja produċiet fl-Istorja tagħħa, jġorr, appuntu, dan l-isem:
“L-Imitazzjoni ta’ Kristu” ta’ Tumas à Kempis?
Nistgħu
nikkupjaw il-Familja ta’ Nazaret?
Kristu
ma jistax ikun mudell li wieħed jasal biex jimitaĦ. Hu għoli wisq biex jintlaħaq mill-bniedem
dgħajjef ingumbrat b’natura mwaqqa’ u miġbuda lejn il-Mewt u l-opri
tagħha. Waħda mis-sejbiet enormi, imma
li, jaħasra, ftit nagħtu kashom, tal-Konċilju Vatikan II, huwa d-dehra ta’
Knisja, magħmula minn poplu, “il-Poplu ta’ Alla”, li jinsab miexi lejn Fidi
dejjem akbar, maturità dejjem iktar għarfa, skoperta tal-Misteru tal-Għid
dejjem iktar ċar fl-esperjenza ta’ kull wieħed. F’dan il-poplu kulħadd hu
ndaqs, anke jekk hemm bżonn istituzzjoni li taqdi lill-membri kollha. Imma l-Konċilju tbiegħed mis-sistema popolari
għal ħafna sekli tal-Ġerarkija. Aħna
poplu miexi flimkien biex inkunu dejjem aktar “Lumen Gentium”, “id-Dawl
tal-Ġnus”. It-tagħlim ta’ Pawlu, li
l-membri kollha fil-ġisem għandhom importanza enormi, u li lkoll jifirħu
flimkien u jitnikktu flimkien, jikbru f’saħħithom flimkien jew jimirdu flimkien
għenet biex il-Knisja llum tara lilha nnifisha bħala poplu sħiħ dejjem jimtela
iktar bl-Ispirtu ta’ Ġesù
L-istess
ngħidu dwar il-Familja ta’ Nazaret. Kif
tista’ din tkun mudell biex nimitawh?
Malajr naqtgħu qalbna. Infatti,
tisma’ ħafna min jgħidlek: “Mela jien Ġesù?!” u jkun qed jiżbalja. Għax il-mixi tal-Knisja f’kull ġenerazzjoni
jwassal mhux biex nimitaw lil Kristu jew lill-Familja tiegħu, imma li nħalluh
jikber fina sakemm naslu, jekk Alla jrid, f’dak li San Pawl qal: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix
fija Kristu.” (Gal. 2, 20). Huwa
l-Ispirtu ta’ Ġesù fina li jimita lilu nnifsu, li jimita l-Familja ta’ Nazaret.
B’hekk ilkoll flimkien, poplu wieħed, familja waħda, Knisja waħda ninbnew
sakemm insiru Kristu preżenti fid-dinja.
Bħalma tgħid l-Ittra lill-Efesin: Fih
il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom
ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla. (Ef. 2, 21-22).
Il-Knisja
Domestika
Issa, din id-dar fejn jgħammar Alla mhix biss il-Knisja, iżda
wkoll il-Familja Nisranija, li hi Knisja żgħira, Knisja domestika, Knisja
tad-dar, għax fejn tnejn jew tlieta
jkunu miġburin f’ismi hemm inkun jien f’nofshom. (Mt. 18, 20). Din is-sejba tal-familja bħala Knisja
domestika hija ideja rivoluzjonarja ta’ żmienna u tefgħet fuq quddiem
il-vokazzjoni tal-familja. Imma rridu
noqogħdu attenti hawn. Il-Papa preżenti
darba qal: “Ara ma taħsbux li kull żwieġ li jsir quddiem l-artal ta’ Alla huwa
skont il-qalb ta’ Alla.” Jiġifieri mhux
għax iżżewwiġna bil-Knisja, aħna familja Nisranija; l-istess bħalma mhux għax għamduna meta konna
trabi, aħna tassew Insara. Insara nsiru
aktar ma tikber fina l-Magħmudija li hi l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu. F’kelma iktar ħafifa, aħna Nsara fil-qjies li
nħallu l-Ispirtu ta’ Ġesù jikber u jkeċċi minna l-ispirtu miżżewweġ lill-Mewt
li rċivejna f’ġuf ommna. L-istess
il-familja.
L-Imħabba
rigal ta’ Alla
Il-Kristjaneżmu
hu Aħbar Tajba għax hu mibni fuq Imħabba; imma mhux Imħabba naturali, li
għandha l-limiti tagħha, imma Mħabba li tinagħta minn Alla u li hi Grazzja li
Alla jagħtiha lil min jitlobhielu.
Għalhekk hija Aħbar Tajba għax ma tiddependix mill-isforzi tal-bniedem,
jew minn kemm għandu saħħa jimita u jikkopja lil Ġesù jew lill-Familja
Mqaddsa. Din l-Imħabba hi miftuħa għal
kull min iridha u mogħtija b’xejn, għax m’hemmx prezz li biha tista’ tinxtara. Kif tgħid l-Għanja tal-Għanjiet: “Jekk inti tagħti l-ġid kollu tad-dar
tiegħek għall-Imħabba, inti se ssib biss lil min imaqdrek.” (Għ. 8, 7).
L-Imħabba, li mhix sempliċement il-ġibda tal-laħam, hija Alla, u
Alla ma jinxtarax imma jinagħta u jinagħta u jerġa jinagħta lil min iridU.
Hija
din l-Imħabba li tagħmel mill-familja Knisja. Hemm proċess biex dan iseħħ. Kieku wieħed ifaqqa’ subgħajh u jibda jħobb
b’dan il-mod jaħseb li huwa hu li kapaċi jħobb hekk. Imma Alla ma jħalli lil ħadd jisraqlu
l-Glorja tiegħu, anke għax din tkun ħsara kbira għalina billi nsiru Fariżej u
niġġudikaw lill-oħrajn. Għalhekk Alla
jħallina naraw kemm hi mpossibbli li int
tħobb lill-għadu li ħafna drabi jkun ġo darna u mhux fil-Kongo. Huwa fil-qalba u l-morr tal-falliment li
jikber Alla għax l-Ispirtu tal-Mulej ifittex qlub umli li fallew, li jafu min
huma, li ma huma xejn ħlief midinbin jekk ma tkunx il-Grazzja għalihom.
Il-Knisja
tad-dar: arti ta’ Alla
Il-familja
Nisranija hi biċċa opra ta’ arti kbira ta’ Alla u ta’ Alla waħdu. Aħna l-bnedmin bnejna ħafna tempji meraviljużi
ta’ kull stil u daqs. Inħarqet
in-“Notre-Dame” ta’ Pariġi u d-dinja kollha waqfet skantata u maħsuda. L-arti tal-bniedem hi meravilja. Kemm aktar l-arti ta’ Alla, u l-familja
Nisranija hi waħda mill-isbaħ opri tiegħU. Ħafna jkejlu s-saħħa tal-Knisja minn
kemm ikollna vokazzjonijiet għall-Presbiterat, għal qassisin, jew għall-Ħajja
reliġjuża fil-kunventi. Din l-ideja
kienet appoġġjata minn sentimenti klerikalisti estremi ta’ żmien meta
fil-Knisja l-qassisin kienu kollox u l-bqija kienu jiswew ftit li xejn, meta
l-Knisja kienet “poter” u mhux “qadi”.
Imma bħalma diġa semmejna, illum il-Knisja tħares lejha nnifisha bħala
ġisem, il-Ġisem ta’ Kristu, li fih il-membri kollha għandhom rwol importanti, u
li, jew dan il-Ġisem jimxi flimkien fi skoperta dejjem akbar ta’ min hu Ġesù,
jew ma jimxi xejn. Illum għandna inqas
Presbiteri, imma llum wieħed issir Presbiteru għax imbuttat minn xewqa divina
li jaqdi u jagħti Ħajtu, u mhux għal affarijiet oħra.
Għalhekk,
il-Mulej dawwalna biex napprezzaw il-vokazzjoni kbira tal-familja u
l-importanza tagħha qed jixhed għaliha saħansitra x-xitan li qed jattakkaha
b’kemm għandu saħħa. Illum l-attakki
prinċipali tal-għadu tal-Knisja huma fuq il-Presbiteri tagħha bil-flaġell tal-pedofilija,
u fuq il-familji b’tant modi li kulħadd jaf bihom, saħansitra bil-mod ta’
ekonomija kapitalista ġdida li qegħda tgħakkes il-bniedem modern.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Sir 3, 2-6. 12-14
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.
Il-Mulej għolla
l-missier fuq it-tfal, u saħħaħ dritt l-omm fuq l-ulied. Min jibża’ minn
missieru jagħmel tajjeb għal dnubietu, u min iweġġaħ lil ommu qisu qed jiġma’
f’teżor. Min jibża’ minn missieru jifraħ b’uliedu, u meta jitlob jinstama’. Min
iweġġaħ lil missieru jkollu għomor twil, u min iserraħ lil ommu jkun qed jisma’
mill-Mulej.
Ibni, ieqaf ma’
missierek fi xjuħitu, u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu. Ukoll jekk moħħu
jeħfief, agħdru, u tonqsux mill-ġieħ meta għadek f’saħħtek, għax il-ħniena ma’
missierek ma tintesiex, imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 127
R/. Hieni kull min jibża’ mill-Mulej!
Hieni kull min jibża’
mill-Mulej,
kull min jimxi
fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk
inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek tkun bħal dielja
għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel
taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.
Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn
Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’
Ġerusalemm
tul ħajtek kollha! R/.
Qari II
Kol 3: 12-21
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Kolossin.
Ħuti, intom
il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti
ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd
minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer
lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol
tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak issliem li
għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla.
Ħalli l-kelma ta’
Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi
u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil
Alla. Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu
ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
Intom, nisa miżżewġa,
obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej. Intom imbagħad, irġiel miżżewġa,
ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom. Intom, tfal, isimgħu millġenituri
tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. Intom missirijiet, la
ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel
l-Evanġelju
Kol 3: 15a.16a
R/. Hallelujah.
Ħalli s-sliem ta’
Kristu jsaltan fi qlubkom;
ħalli l-kelma ta’
Kristu tgħammar sħiħa fikom.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mt 2: 13-15.19-23
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Meta telqu l-Maġi,
deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u
lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se
jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu
bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk
iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu
sejjaħt lil ibni”.
Meta miet Erodi, deher
l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum ħu miegħek
lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li
kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu,
u mar fl-art ta’ Iżrael. Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan
Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm,
telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex
hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
|