Wednesday, 26 February 2020
           
Home
IL-HADD FUQ L-1 TA JANNAR (2020) KRISTU MURI LID-DINJA BHALA S-SALVATUR WAHDIENI (L-EPIFANIJA) PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 04 January 2020

Din hija il- Liturgija tal-Hadd  fuq l-ewwel ta' Jannar (2020) Kristu muri lid-dinja bhala s-Salvatur (L-Epifanija) bi hsibijiet  min Joe Rapa.

slaten_magi.jpg

 

Epifanija hi kelma Griega li tfisser “Wirja”.  Ħafna drabi kienet tintuża għal meta xi sultan kbir, jew imperatur kien jgħaddi minn xi belt biex juri ruħu lilha, jagħmel manifestazzjoni, Epifanija tiegħu nnifsu.  Il-belt kienet toħroġ bi ħġara, sa lill-morda kienu joħorġu, biex almenu darba f’ħajjithom jaraw lis-sultan, jew lill-imperatur, fi żmien meta ma kellhomx l-għerf teknoloġiku li għandna llum. 

 

 

Termini Griegi

 

Fi żmien it-twelid tal-Knisja, il-kultura Griega, flimkien ma’ dik Latina, kienet tiddomina parti kbira mid-dinja magħrufa f’dak iż-żmien.  Influwenzat ħafna lill-Knisja żagħżugħa, tant li l-biċċa l-kbira tal-Kotba Qaddisa l-Knisja kitbithom bil-Grieg, l-ewwel, u bla ma ridna, fil-lingwaġġ tal-Knisja daħal ħafna kliem Grieg, bħal Eukaristia (radd il-ħajr), koinonija (għaqda), agapè (imħabba), Christos (Messija/il-Midluk), Leitourġia (qima pubblika lil Alla), Euangelion (Bxara Tajba), Ecclesia (li minnha ġejja l-kelma tagħna “Knisja”),  u ħafna termini oħra. 

 

Festa antika ħafna

 

Il-kelma Epifanija kienet ħafna popolari fl-ambjent Nisrani, speċjalment wara l-ħelsien mogħti lill-Knisja mill-Imperatur Kostantinu.  Meta l-Knisja għaddiet imsaħħa mill-flaġell tal-persekuzzjonijiet, bil-kuraġġ kollu bdiet turi lid-dinja li l-fatti kienu qed juru li l-bniedem Ħellies wieħed għandu, u dan kien Ġesù ta’ Nazaret.  Bdiet tagħmel Epifanija, Wirja ta’ Kristu, il-Messija mistenni, il-Midluk mibgħut mill-Missier biex isalva lill-bniedem dgħajjef u mjassar.  Malajr, malajr, l-Epifanija saret festa mportanti, anke qabel il-Milied, u biha l-Knisja kienet turi, permezz ta’ tliet ġrajjiet, li tama waħda kien hemm għall-bniedem: li jiskopri s-Salvatur.

 

Tliet Wirjiet f’Epifanija waħda

 

Dawn it-tliet ġrajjiet li huma Epifanija, huma l-iskoperta mill-Maġi tat-tarbija misterjuża f’Betlehem tal-Lhudija u hekk il-Knisja ndunat li Kristu ġie għal kulħadd u mhux għall-ġens Lhudi biss; il-Magħmudija tal-Mulej minn Ġwanni, meta l-Missier innifsu, flimkien mal-Ispirtu s-Santu taw xhieda li dan il-bniedem li niżel tant fil-baxx ma kienx ħlief l-Iben ta’ Alla, indaqs miegħu f’għaqda intima li nsejħulha t-Trinità Qaddisa; u t-Tieġ ta’ Kana, meta Kristu bexxaq tieqa fuq il-Misteru kbir tiegħu fl-ewwel miraklu meta l-ilma nbidel fi nbid, sinjifikat enormi għall-Missjoni tiegħu li jibdel l-ilma bla togħma li ħafna drabi hi Ħajjitna, f’inbid ta’ festa li hi l-Ħajja tal-Fidi.

 

Bxara Tajba

 

Imma biex wieħed jifhem il-glorja tal-Epifanija u jrodd ħajr minn qiegħ qalbu għall-Grazzja enormi li f’Ħajtu ġie muri Kristu bħala Salvatur, l-ewwel irid jifhem, jiskopri, jinduna f’liema jasar jinsab jgħix, jew kien jgħix qabel ma dar lejn Kristu.  Huwa l-ilsir biss li jdur lejn Kristu biex jixtrih mill-jasar bil-prezz ta’ Demmu.  U hawn niġu wiċċ imb’ wiċċ, bħal dejjem, mal-Misteru tal-Kerigma.  Hawn min jisma’ l-Aħbar it-Tajba li l-Epifanija tħabbar, u qisu ma sema’ xejn.  Imma jkun hemm min, bid-Dawl tal-Ispirtu s-Santu, jisma’ li Kristu hu l-Waħdieni li miet għalih, li kellu bżonn li Xi Ħadd importanti jmut għalih, li biex jinħeles kellu jitħallas prezz għoli mmens, u dan il-bniedem jemmen, jiddawwal fuq l-Istorja kollha tiegħu, jara li kollox ġara f’Ħajtu bis-sens, li kollox kien qed jaħdem biex iwasslu lejn dan l-għarfien spettakolari tal-Ħelsien tiegħu minn Kristu.

 

Bniedem aljenat

 

Hu mportanti nkunu nafu xi jfisser meta ngħidu li l-bniedem hu mjassar, għax hawn ħafna, illum iktar minn qatt qabel, li ma jemmnux li l-bniedem għandu bżonn min isalvaħ, għax il-bniedem, bl-għerf tiegħu, sar qisu xi alla, u jemmnu li, bil-mod il-mod, għad isolvi l-problemi kollha li għandu.  Temmnu li jeżistu dawn in-nies li jemmnu li l-bnedem għandu din is-setgħa kollha?  Fil-punent nistgħu ngħidu li dawn huma fil-maġġoranza llum għax iġġennu bl-avanzi kbar li l-bniedem wettaq fl-oqsma tat-teknoloġija, tal-mediċina, tal-psikoloġija eċċ.

 

Liema problema; liema jasar?

 

Dan kollu jagħmel mill-bniedem ħlejqa aljenata.  Il-problema vera tal-bniedem hu li hu jrid imut.  Il-Mewt dehret fit-tielet kapitlu tal-ewwel ktieb tal-Bibbja, u minn hemm ’il quddiem timmarka kull paġna tar-Rivelazzjoni.  L-unika soluzzjoni li sab fit-taqtigħa tiegħu kontra dan il-mostru hu li jinsiha, jaljena ruħu minnha, jisker u jiddroga ruħu b’ħafna ħwejjeġ li jogħġbuh, imma hi hemm tibqa’, fid-dell, tistenna.  Dan jagħmel minna lkoll dgħajfa. 

 

Il-bniedem irid, imma ma jistax

 

Ftit ħafna huma n-nies li għandhom intern tassew ħażin, li huma tant mill-agħar li ħsiebhom biss kif se joħolqu problemi għal ħaddieħor.  Ġeneralment, il-bniedem għandu intenzjoni tajba u jixtieq iħobb u jagħmel il-ġid u jaf, b’xi mod, li meta hu maħbub u jħobb lura li jkun tassew Ħaj, kuntent u fis-sliem. 

 

Imma l-bniedem huwa ferut.  Għandu natura li wiret li hi egoista.  Bla ma jrid, kull bniedem jaħseb fih innifsu l-ewwel u qabel kollox.  Hu veru li jiġu ħafna mumenti meta ninsew lilna nfusna għal dawk li nħobbu għax iħobbuna.  Imma m’aħniex kapaċi nħobbu dejjem, inħobbu lil min jonqosna, lil min jheddidna, lil min flok jibnina, jkissirna.  M’aħniex kapaċi nħobbu lil min joqtolna b’xi mod jew ieħor, lil min imiss l-“Ego” tagħna, lil min jagħfas b’sebgħu fuq xi ferita moħbija.  Huwa minn hawn li jinbtu d-dnubiet kollha.  Aħna egoisti għax hemm il-biża’ tal-Mewt jgħammar fina, kif tgħid l-Ittra lil-Lhud.

 

Min se jsalva lill-bniedem?

 

Huwa hawn li l-bniedem, f’ċerti waqtiet ta’ kriżi, li huma waqtiet importanti ħafna, iħares lejn is-sema u quddiem il-fallimenti tiegħu, quddiem il-verità fuqu nnifsu li ddardru, jgħajjat għall-għajnuna, jgħajjat għall-ħelsien, jgħajjat għall-Fidwa.  L-ebda teknoloġija ma twieġeb għal dan; l-ebda mediċina magħmula mill-ħxejjex; l-ebda parir; l-ebda proponiment.  Il-bniedem iħossu marbut bla ma jista’ jagħmel li jrid. San Pawl kien bniedem meħlus, imma hu jitkellem b’fomm il-bniedem għadu lsir meta jgħid: “Ma nafx x’jien nagħmel; naf li mhux dak li rrid nagħmel iżda dak li ma rridx... Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm.  M’inix nagħmel it-tajjeb li rrid imma l-ħażin li ma rridx.”  (Rum. 7, 15w). 

 

Kemm nies ilhom għaxriet ta’ snin miġġielda ma’ ħuthom jew qrabathom minħabba l-wirt.  Huma jixtiequ kieku jirranġaw; jafu li qed jaħlu flushom u ħinhom u fuq kollox is-sliem tagħhom.  Imma jridu u ma jistgħux.  L-“Ego” tagħhom, is-suppervja tagħhom ma tħallihomx.  Min se jagħmel l-ewwel pass?  Jispiċċaw ma jagħmlu ħadd...  Qed idaħħqu n-nies bihom, imma jkomplu jitqabdu kontra kull raġuni.  Dan iseħħ ukoll fuq livell internazzjonali, bejn il-ġnus! 

 

Pawlu jkompli: “Skont il-liġi ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi.  Imsejken bniedem li jien!  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”  (Rum. 7, 22-24).

 

Epifanija = Kristu biss isalva

 

Aħħħ!  Ekku!  Sa fl-aħħar, il-bniedem, imġarrab mid-dgħufija tiegħu jasal biex jistaqsi min se jeħilsu.  Dan hu mument importanti.  Din hi Grazzja li sa fl-aħħar il-bniedem jinża mis-suppervja u l-pulikarja tiegħu u jemmen li għandu bżonn l-għajnuna ta’ Xi Ħadd aqwa mill-bnedmin bħalu!  U kollu ferħan, Pawlu jagħmel Epifanija minn Kristu:  “Niżżi ħajr lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!”  (Rum. 7, 25).

 

Il-Knisja tagħmel Epifanija ta’ Kristu mhux ħmistax wara l-Milied biss imma s-sena kollha u tul is-sekli li ilha teżisti.  Hi turi lil Ġesù bħala l-Waħdieni li kapaċi jagħti natura ġdida lilek.  Ġesù hu l-Waħdieni li miet għalik!  Ġesù hu l-Waħdieni li rebaħ lill-Mewt, l-għerq tal-problemi kollha.  Mhux li kien li ninagħtaw il-Fidi, iċ-ċertezza, il-garanzija soda fil-profond tagħna, li l-Mewt tassew li m’għadhiex teżisti għax fdiena minnha Alla nnifsu meta Hu daħal fiha meta hi belegħtu, imma sar għaliha l-velenu li qeridha. 

 

Huwa l-Ispirtu s-Santu li jrid jaċċertana minn dan.   Imma meta jaċċertana l-Ispirtu s-Santu, sseħħ ħaġa tal-għaġeb: nitwieldu mill-ġdid, insiru ħolqien ġdid,  qalbna mfejqa ssir Ħuġġieġa ta’ Mħabba saħansitra għal min kien għadu tagħna, imma issa m’għadx baqagħlu l-ħila joqtolna iktar għax il-Ħajja Ġdid li nirċievu mill-Fidi fl-Iben ta’ Alla ma jista’ jeħodhielek ħadd u ħadd!  Int m’għadikx aktar egoista u issa m’għandek xejn x’titlef għax l-għana veru tiegħek hu dak li wettaq Kristu fik.

 

Din hi l-Epifanija!  Din hi l-Epifanija li għandna bżonn! Ara, hemm Kewkba sabiħa fis-sema, fid-dlam tas-sema...  Fejn se teħodna, Kewkba sabiħa?  Ħudna għand dak li Hu biss kapaċi jfejjaqna minn ġewwa.  Għand dak li Hu biss kapaċi jagħmilna “ġodda”.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Is-sebħ tal-Mulej jiddi fuqek.

Is 60, 1-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Qum! Ħa jiddi wiċċek!

Id-dawl tiegħek wasal!

Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli:

iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfiġġ fuqek.

Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,

u s-slaten fid-dija tas-sebħ tiegħek.

Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:

ilkoll miġbura ġejjin għandek.

Uliedek ġejjin mill-bogħod,

u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,

u tħabbat u timtela qalbek,

għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,

u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,

l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;

ilkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-deheb u l-inċens,

u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13

 

R/. (ara 11): Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

 

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-xmara sa truf l-art. R/.

 

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Seba u ta’ Saba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu. R/.

 

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,

u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.

Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;

il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

 

Qari II

Issa ġie rrivelat li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda.

Ef 3, 2-3a. 5-6

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, intom smajtu bil-pjan tal-grazzja li Alla tani għall-ġid tagħkom, jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misteru. Dan hu l-misteru li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 2, 2

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-Lvant,

u ġejna nqimu l-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġejna mil-Lvant nagħtu qima lis-Sultan.

Mt 2, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

 

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

 

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Last Updated ( Saturday, 04 January 2020 )
 
< Prev   Next >