Din
hija il- Liturgija tal-Hadd fuq L-Epifanija (2020) Fl-ilmijiet tal-Gordan (Epifanija ohra ) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Kemm hi kerha l-Mewt! Ixxoqq il-għadam, iż-żiffa tagħha. Terribbli, l-biża’ tagħha. Idallam, id-dell tagħha. Hi bħall-frosta tal-argużin fuq dahar
l-ilsir, il-ħsieb tagħha. Hi bħan-niggieża
ma’ sieq il-bagħal, it-tifkira tagħha, dejjem iġġiegħel lill-bniedem jerfa’
l-madmad tat-tagħbija. Hu jipprova
jaħrab, imma kollu ta’ xejn. Jaljena
ruħu, jinganna ruħu li telqet, imma hemm qegħda, siekta, tistenna, tistenna...
Kemm hi sabiħa l-Fidi!
Kemm hi sabiħa l-Fidi! X’rigal imprezzabbli. X’miraklu morali jwettaq Alla fil-qalb
tal-bniedem meta Hu jagħmlu jemmen.
Liema Fidi? Mhux dik sempliċement
“reliġjuża” li titlob il-grazzji biex intawlu għomorna waqt li nafu li llum jew
għada anke l-blat jitmermer, aħseb u ara...
Il-Fidi vera Nisranija hi dik li tagħtik garanzija li Alla sab
soluzzjoni għall-Mewt; issorprendiha u ħatafha u dawwarha bil-ktajjen
tiegħU. Kixfilha wiċċha u għamel wirja
minnha, Epifanija ta’ mistħija, għax wera quddiem min jemmen il-Gidba
tagħha. “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli” (Is. 60, 2),
għax ħadd m’għandu ħila jemminha l-Aħbar, “iżda
fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek!”
(Is. 60, 2).
X’inhu dan id-Dawl
tal-għaġeb li kull maħluq joħlom bih imma ftit isibuh? Biex tfittxu bis-serjetà u b’qalbek kollha,
trid l-ewwelnett taqta’ qalbek minn u tistmell it-taparsi “dwal”
tad-dinja. Dijoġene, filosofu Grieg, li ħasbuh
miġnun, kien joħroġ idur f’nofs in-nhar b’fanal mixgħul f’idu, jfittex “raġel”,
bniedem li jaf il-verità, bniedem li mhux aljenat u ngannat.
Problema waħda għandu
l-bniedem...
Bniedem mhux ingannat huwa
dak li jinduna li mhux vera li l-bniedem għandu munżell problemi quddiemu:
problemi politiċi, problemi finanżjarji, problemi dwar drittijiet, problemi ta’
ġustizzja, problemi ta’ edukazzjoni, problemi ta’ saħħa, problemi ta’ faqar,
problemi, problemi, problemi... Isolvi
waħda, u jara tnejn oħra ġejjin. Bħal għomja mal-ħajt inteftfu, inteftfu
bħan-nies mingħajr għajnejn. Nitfixklu
f’nofsinhar bħal filgħaxija, u fl-aqwa tagħna qisna mejtin. Ilkoll ingargru bħal orsijiet u ngorru dejjem
bħall-ħamiem.” (Is. 59, 10-11). Il-bniedem imdawwal jiġbor il-problemi
kollha f’waħda u jinduna li l-problema tax-xiħ li għalaq id-disgħin hi l-istess
waħda tat-tarbija li għadha kif twieldet!
U l-Istorja tal-bniedem hi ġabra tat-taħbit tiegħu biex jeqred
il-konsegwenzi ta’ din il-Problema, imma l-Problema nfisha ma jagħtix kasha, u
l-konsegwenzi jibqgħu ġejjin f’purċissjoni ma taqta’ qatt.
Il-Problema tiegħi u
tiegħek hi li aħna se mmutu. Li
l-ħajja li għandna, li hi l-unika ħaġa li nistgħu immissu u naħtfu f’idejna,
qegħda tiżloqilna kuljum. Dan huwa
d-dlam li jiksi l-art, skont l-Iskrittura.
Din hi l-omm tal-“problemi” kollha.
L-insigurtà tal-Mewt iġġiegħel lill-bniedem jiddefendi lilu nnifsu,
jiġġieled, jiffissa, jobgħod, iħobb, jaħdem daqs kelb, iġemma, jonfoq, jixtri,
jilgħab, isum għad-dieta, imur għall-gwerra, jimpika... Il-Mewt mhix teorija fl-ajru. Kienet realta meta l-mara qaltlek kelma li
mhi xejn imma żejda, u tela’ s-sħab fuqek.
Kienet hemm meta kritikawlek xogħolok u qisha waqgħet id-dinja. Kienet hemm meta mort tagħmel
“check-up”. Kienet hemm meta t-tifel
weħel minn eżami mportanti...
Allura x’inhi s-soluzzjoni,
jekk il-problema hi waħda?
Għandna soluzzjoni!
Alla biss jafha
s-soluzzjoni għax Hu biss Ħaj għal dejjem.
Minnu biss tista’ tnixxi l-Ħajja għax kien Hu li ħalaqha. “Xejn ma
jiġi minn xejn” huwa l-bidu tax-xjenza, il-kredu xjentifiku. Diġa għidna li Dak li minnU bdiet il-Ħajja
sabilha tarfha l-Mewt billi ħariġha ta’ giddieba għax qegħda tbeżża l-bniedem
bil-babaw. Kif? Kif għamlu dan, għax hawn qed nitkellmu fuq
l-aktar affarijiet serji li jeżistu?
L-Ittra lil-Lhud tgħid: “Ġesù sar
bħall-bnedmin biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh,
jiġifieri x-xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt,
kienu mjassra għal għomorhom kollu.
(Lhud 2, 14-15).
Alla ma setax imut, imma
biex iħalli l-Mewt tersaq lejh u jitqabad magħha, Hu libes laħam il-bniedem
f’Ġesù u ħalla li l-Mewt taħtfu biex Hu, b’ġisem bħal tagħna, jgħaddi mill-esperjenza
mdallma tal-Mewt imma jwettaq il-Misteru tal-Għid li l-Bibbja kollha titkellem
fuqu, u mhux il-Bibbja biss imma anke n-natura.
Bil-Qawmien tal-għaġeb tiegħu hu wera lill-bniedem li l-Mewt hi biss
passaġġ “Pascha”, mogħdija għal dak
li konna maħluqin għalih.
Issa nafu xi tfisser
il-qawsalla wara d-dilluvju, xi jfisser li Alla jipprovdi fuq il-muntanja għal
Abraham, l-Eżodu Lhudi bil-ftuħ tal-baħar, u l-bqija tal-paġni kollha
tal-Iskrittura, bħal Ġona u Ġob, l-għadam ta’ Eżekjel, Ġeremija li jintbagħat
jixtri għalqa anke meta l-pajjiż kien
qed jinqered, Ħabbakuk li xorta jifraħ fil-Mulej meta lanqas talba waħda ma
nstemgħetlu, u s-salmisti li kollha
jispiċċaw is-Salmi jfaħħru lil Alla li ħariġhom mill-Mewt...
Ġesù Kristu huwa l-Aħbar it-Tajba
L-Aħbar it-Tajba ta’ Alla
għalina hija Ġesù Kristu. Mhux se
jħallina mmutu, tgħid, dak li telaq lil Ibnu f’ħalq il-Mewt għalina! L-Imħabba ta’ Alla hi Alla nnifsu. Jekk Alla ma jistax imut, mela lanqas
l-Imħabba tiegħu ma tista’ tmut. Jien u int,
aħna maħbubin għal dejjem u l-Imħabba ta’ Alla hi bil-bosta ikbar mis-setgħa
tal-Mewt. Ħabbakuk jgħid kliem
memorabbli: “U mqar jekk ebda nwar ma
trodd it-tina, u xejn ma jagħtu d-dwieli u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ
iqarraq, u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel, u l-merħla tgħib
mill-mandra, u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom, jien xort waħda nifraħ
fil-Mulej, nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi!” (Ħab. 3, 17-18). Dan hu bniedem imqajjem
mill-mewt b’antiċipazzjoni tal-Offerta ta’ Kristu. Xejn ma jista’ jbeżżgħu iktar.
Huwa għalhekk li
l-Epifanija hija meravilja u l-Knisja tagħmel Wirja mir-Rebħa ta’ Kristu fuq
il-Mewt f’kull Ewkaristija, f’kull predikazzjoni, f’kull azzjoni tagħha. Il-Ħadd tal-lum ikompli jkun Epifanija għax,
sa fl-aħħar, Kristu jiġi muri lill-bnedmin fil-Magħmudija tiegħu minn
Ġwanni. Kemm għandna bżonn Epifanija li
tqanqal il-blat ta’ qalbna, qlub reliġjużi kemm trid, imma mitluqa, għejjiena,
dejjem nonqsu fin-numru għax naħsbu li aħna rridu nkunu, f’kollox. Ħa jkun muri lilna Kristu bħala Salvatur, bħala Dak li qatel
il-Mewt, bħala Dak li jaħtafna minn idejna, mhux aħna niggranfaw miegħU għax
lanqas għandna saħħa nagħmluh dan, imma huwa Hu li jaħtafna u jġorrna miegħU lejn
il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.
Dan hu r-reklam ta’ Kristu: min għandu l-Mewt tiegħu mirbuħa ġo fih.
Din hi l-Knisja: ġemgħa ta’
nies li għandhom garanzija li huma Ħajjin għal dejjem. Kristu rebaħ il-Mewt għalina; Halleluja! U dan id-Dawl ta’ ġo fina jinfirex għand
l-oħrajn li għadhom, jaħasra, marbutin, jaqdfu bl-imqadef tqal ġo żaqq
il-bastiment. “Jien, il-Mulej,
sejjaħtlek fis-sewwa, qbadtek minn idek, sawwartek u għamilt minnek patt
tal-poplu, dawl għall-ġnus, biex int tiftaħ għajnejn il-għomja, toħroġ
lill-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq” (Is. 42, 6-7). Dan, il-Mulej jgħidu għal Kristu,
għall-Knisja, għan-Nisrani, għalina.
Jekk Hu rebaħ id-dilluvju (S. 28,
10), hekk int ukoll għad timxi fuq l-ilma.
Aħna nafu f’Min qed nemmnu: f’Dak li xehdu għalih kemm il-Missier u kemm
l-Ispirtu s-Santu fl-Epifanija tal-Magħmudija tal-Mulej.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum.
Qari I
Araw il-qaddej tiegħi li fih qalbi strieħet.
Is 42, 1-4.6-7
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!
Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib
il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu; ma jsemmax
leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma
jitfihx.
Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.
Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;
u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.
Jien il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek u ħaristek,
u għamilt minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,
biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,
u lil dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 28 (29), 1a-2.3ac-4.3b u 9b-10
R/. (11b): Il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu
bis-sliem
Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,
agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.
Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ ismu,
qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu. R/.
Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;
il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.
Leħen il-Mulej bil-qawwa,
leħen il-Mulej bil-glorja. R/.
Alla tal-glorja jriegħed,
u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: “Glorja!”.
Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;
isaltan il-Mulej għal dejjem. R/.
Qari II
Alla jikkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret
bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 10, 34-38
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal:
“Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil
kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.
Huwa bagħat il-Kelma tiegħu lil ulied Iżrael u
xandrilhom is-sliem permezz ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox. Intom tafu
b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien
xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu
s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk
kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9, 7
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier
instama’:
“Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu”.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġesù wara li tgħammed, ra l-Ispirtu ta’ Alla
nieżel u jieqaf fuqu.
Mt 3, 13-17
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn
il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu:
“Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu:
“Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa
kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.
Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’
mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu
ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni
l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|