Friday, 03 April 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-HADD FUQ L-EPIFANIJA (2020) FL-ILMIJIET TAL-GORDAN: EPIFANIJA OHRA
IL-HADD FUQ L-EPIFANIJA (2020) FL-ILMIJIET TAL-GORDAN: EPIFANIJA OHRA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 11 January 2020

Din hija il- Liturgija tal-Hadd  fuq L-Epifanija (2020)  Fl-ilmijiet tal-Gordan (Epifanija ohra )  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

maghmudija.jpg

 

Kemm hi kerha l-Mewt!  Ixxoqq il-għadam, iż-żiffa tagħha.  Terribbli, l-biża’ tagħha.  Idallam, id-dell tagħha.  Hi bħall-frosta tal-argużin fuq dahar l-ilsir, il-ħsieb tagħha.  Hi bħan-niggieża ma’ sieq il-bagħal, it-tifkira tagħha, dejjem iġġiegħel lill-bniedem jerfa’ l-madmad tat-tagħbija.  Hu jipprova jaħrab, imma kollu ta’ xejn.  Jaljena ruħu, jinganna ruħu li telqet, imma hemm qegħda, siekta, tistenna, tistenna...

 

Kemm hi sabiħa l-Fidi!

 

Kemm hi sabiħa l-Fidi!  X’rigal imprezzabbli.  X’miraklu morali jwettaq Alla fil-qalb tal-bniedem meta Hu jagħmlu jemmen.  Liema Fidi?  Mhux dik sempliċement “reliġjuża” li titlob il-grazzji biex intawlu għomorna waqt li nafu li llum jew għada anke l-blat jitmermer, aħseb u ara...  Il-Fidi vera Nisranija hi dik li tagħtik garanzija li Alla sab soluzzjoni għall-Mewt; issorprendiha u ħatafha u dawwarha bil-ktajjen tiegħU.  Kixfilha wiċċha u għamel wirja minnha, Epifanija ta’ mistħija, għax wera quddiem min jemmen il-Gidba tagħha.  “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli” (Is. 60, 2), għax ħadd m’għandu ħila jemminha l-Aħbar, “iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek!”  (Is. 60, 2). 

 

X’inhu dan id-Dawl tal-għaġeb li kull maħluq joħlom bih imma ftit isibuh?  Biex tfittxu bis-serjetà u b’qalbek kollha, trid l-ewwelnett taqta’ qalbek minn u tistmell it-taparsi “dwal” tad-dinja.  Dijoġene, filosofu Grieg, li ħasbuh miġnun, kien joħroġ idur f’nofs in-nhar b’fanal mixgħul f’idu, jfittex “raġel”, bniedem li jaf il-verità, bniedem li mhux aljenat u ngannat.

 

Problema waħda għandu l-bniedem...

 

Bniedem mhux ingannat huwa dak li jinduna li mhux vera li l-bniedem għandu munżell problemi quddiemu: problemi politiċi, problemi finanżjarji, problemi dwar drittijiet, problemi ta’ ġustizzja, problemi ta’ edukazzjoni, problemi ta’ saħħa, problemi ta’ faqar, problemi, problemi, problemi...  Isolvi waħda, u jara tnejn oħra ġejjin.  Bħal għomja mal-ħajt inteftfu, inteftfu bħan-nies mingħajr għajnejn.  Nitfixklu f’nofsinhar bħal filgħaxija, u fl-aqwa tagħna qisna mejtin.  Ilkoll ingargru bħal orsijiet u ngorru dejjem bħall-ħamiem.”  (Is. 59, 10-11).  Il-bniedem imdawwal jiġbor il-problemi kollha f’waħda u jinduna li l-problema tax-xiħ li għalaq id-disgħin hi l-istess waħda tat-tarbija li għadha kif twieldet!  U l-Istorja tal-bniedem hi ġabra tat-taħbit tiegħu biex jeqred il-konsegwenzi ta’ din il-Problema, imma l-Problema nfisha ma jagħtix kasha, u l-konsegwenzi jibqgħu ġejjin f’purċissjoni ma taqta’ qatt.

 

Il-Problema tiegħi u tiegħek hi li aħna se mmutu.  Li l-ħajja li għandna, li hi l-unika ħaġa li nistgħu immissu u naħtfu f’idejna, qegħda tiżloqilna kuljum.  Dan huwa d-dlam li jiksi l-art, skont l-Iskrittura.  Din hi l-omm tal-“problemi” kollha.  L-insigurtà tal-Mewt iġġiegħel lill-bniedem jiddefendi lilu nnifsu, jiġġieled, jiffissa, jobgħod, iħobb, jaħdem daqs kelb, iġemma, jonfoq, jixtri, jilgħab, isum għad-dieta, imur għall-gwerra, jimpika...  Il-Mewt mhix teorija fl-ajru.  Kienet realta meta l-mara qaltlek kelma li mhi xejn imma żejda, u tela’ s-sħab fuqek.  Kienet hemm meta kritikawlek xogħolok u qisha waqgħet id-dinja.  Kienet hemm meta mort tagħmel “check-up”.  Kienet hemm meta t-tifel weħel minn eżami mportanti... 

 

Allura x’inhi s-soluzzjoni, jekk il-problema hi waħda?

 

Għandna soluzzjoni!

 

Alla biss jafha s-soluzzjoni għax Hu biss Ħaj għal dejjem.  Minnu biss tista’ tnixxi l-Ħajja għax kien Hu li ħalaqha. “Xejn ma jiġi minn xejn” huwa l-bidu tax-xjenza, il-kredu xjentifiku.  Diġa għidna li Dak li minnU bdiet il-Ħajja sabilha tarfha l-Mewt billi ħariġha ta’ giddieba għax qegħda tbeżża l-bniedem bil-babaw.  Kif?  Kif għamlu dan, għax hawn qed nitkellmu fuq l-aktar affarijiet serji li jeżistu?  L-Ittra lil-Lhud tgħid: “Ġesù sar bħall-bnedmin biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassra għal għomorhom kollu.  (Lhud 2, 14-15). 

 

Alla ma setax imut, imma biex iħalli l-Mewt tersaq lejh u jitqabad magħha, Hu libes laħam il-bniedem f’Ġesù u ħalla li l-Mewt taħtfu biex Hu, b’ġisem bħal tagħna, jgħaddi mill-esperjenza mdallma tal-Mewt imma jwettaq il-Misteru tal-Għid li l-Bibbja kollha titkellem fuqu, u mhux il-Bibbja biss imma anke n-natura.  Bil-Qawmien tal-għaġeb tiegħu hu wera lill-bniedem li l-Mewt hi biss passaġġ “Pascha”, mogħdija għal dak li konna maħluqin għalih.

 

Issa nafu xi tfisser il-qawsalla wara d-dilluvju, xi jfisser li Alla jipprovdi fuq il-muntanja għal Abraham, l-Eżodu Lhudi bil-ftuħ tal-baħar, u l-bqija tal-paġni kollha tal-Iskrittura, bħal Ġona u Ġob, l-għadam ta’ Eżekjel, Ġeremija li jintbagħat jixtri għalqa  anke meta l-pajjiż kien qed jinqered, Ħabbakuk li xorta jifraħ fil-Mulej meta lanqas talba waħda ma nstemgħetlu, u s-salmisti li kollha  jispiċċaw is-Salmi jfaħħru lil Alla li ħariġhom mill-Mewt...

 

Ġesù Kristu huwa l-Aħbar it-Tajba

 

L-Aħbar it-Tajba ta’ Alla għalina hija Ġesù Kristu.  Mhux se jħallina mmutu, tgħid, dak li telaq lil Ibnu f’ħalq il-Mewt għalina!  L-Imħabba ta’ Alla hi Alla nnifsu.  Jekk Alla ma jistax imut, mela lanqas l-Imħabba tiegħu ma tista’ tmut.  Jien u int, aħna maħbubin għal dejjem u l-Imħabba ta’ Alla hi bil-bosta ikbar mis-setgħa tal-Mewt.  Ħabbakuk jgħid kliem memorabbli: “U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina, u xejn ma jagħtu d-dwieli u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq, u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel, u l-merħla tgħib mill-mandra, u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom, jien xort waħda nifraħ fil-Mulej, nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi!”  (Ħab. 3, 17-18). Dan hu bniedem imqajjem mill-mewt b’antiċipazzjoni tal-Offerta ta’ Kristu.  Xejn ma jista’ jbeżżgħu iktar.

 

Huwa għalhekk li l-Epifanija hija meravilja u l-Knisja tagħmel Wirja mir-Rebħa ta’ Kristu fuq il-Mewt f’kull Ewkaristija, f’kull predikazzjoni, f’kull azzjoni tagħha.  Il-Ħadd tal-lum ikompli jkun Epifanija għax, sa fl-aħħar, Kristu jiġi muri lill-bnedmin fil-Magħmudija tiegħu minn Ġwanni.  Kemm għandna bżonn Epifanija li tqanqal il-blat ta’ qalbna, qlub reliġjużi kemm trid, imma mitluqa, għejjiena, dejjem nonqsu fin-numru għax naħsbu li aħna rridu nkunu, f’kollox.  Ħa jkun muri lilna  Kristu bħala Salvatur, bħala Dak li qatel il-Mewt, bħala Dak li jaħtafna minn idejna, mhux aħna niggranfaw miegħU għax lanqas għandna saħħa nagħmluh dan, imma huwa Hu li jaħtafna u jġorrna miegħU lejn il-Ħajja ta’ Dejjem li tibda minn hawn.  Dan hu r-reklam ta’ Kristu: min għandu l-Mewt tiegħu mirbuħa ġo fih.

 

Din hi l-Knisja: ġemgħa ta’ nies li għandhom garanzija li huma Ħajjin għal dejjem.  Kristu rebaħ il-Mewt għalina; Halleluja!  U dan id-Dawl ta’ ġo fina jinfirex għand l-oħrajn li għadhom, jaħasra, marbutin, jaqdfu bl-imqadef tqal ġo żaqq il-bastiment. “Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa, qbadtek minn idek, sawwartek u għamilt minnek patt tal-poplu, dawl għall-ġnus, biex int tiftaħ għajnejn il-għomja, toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”  (Is. 42, 6-7).  Dan, il-Mulej jgħidu għal Kristu, għall-Knisja, għan-Nisrani, għalina.  Jekk Hu rebaħ id-dilluvju (S. 28, 10), hekk int ukoll għad timxi fuq l-ilma.  Aħna nafu f’Min qed nemmnu: f’Dak li xehdu għalih kemm il-Missier u kemm l-Ispirtu s-Santu fl-Epifanija tal-Magħmudija tal-Mulej.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum.

 

Qari I

Araw il-qaddej tiegħi li fih qalbi strieħet.

Is 42, 1-4.6-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu; ma jsemmax leħnu fil-pjazez,

qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx.

Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,

sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;

u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

Jien il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,

qbadtek minn idek u ħaristek,

u għamilt minnek patt tal-poplu,

dawl għall-ġnus,

biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,

toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,

u lil dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 28 (29), 1a-2.3ac-4.3b u 9b-10

 

R/. (11b): Il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu bis-sliem

 

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,

agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.

Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ ismu,

qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu. R/.

 

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;

il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.

Leħen il-Mulej bil-qawwa,

leħen il-Mulej bil-glorja. R/.

 

Alla tal-glorja jriegħed,

u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: “Glorja!”.

Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;

isaltan il-Mulej għal dejjem. R/.

 

Qari II

Alla jikkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu.

Atti 10, 34-38

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.

 

Huwa bagħat il-Kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox. Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 7

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instama’:

“Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu”.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù wara li tgħammed, ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel u jieqaf fuqu.

Mt 3, 13-17

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

 

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

Last Updated ( Saturday, 11 January 2020 )
 
< Prev   Next >