Sunday, 05 July 2020
           
Home
IT-TIENI HADD TA’ MATUL IS-SENA (2020) IL-HARUF TA’ ALLA: IC-CENTRU TAL-UNIVERS PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 18 January 2020

Din hija il- Liturgija tat-tieni Hadd  ta' matul is-sena (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 

san_gwann_juri_lil_gesu.jpeg

X’ħin tikkunsidra kemm jidher li hu nfinit l-univers; kemm hi setagħna u b’saħħitha n-natura, kemm taf tkun selvaġġa fit-terremoti, vulkani li jiżbruffaw, rwiefen u maltempati li jeqirdu kollox quddiemhom; x’ħin tħares lejn l-istorja tal-bniedem, mimlija ġlied, piki, qtil, mibegħda u armamenti ta’ ġens kontra ġens; abbuż totali tal-ambjent; trid iġġebbed moħħok biex timmaġina li ċ-ċentru ta’ kulma ħalaq Alla huwa l-Ħaruf mans, innoċenti, li jieħu fuqu din il-qerda kollha biex jitgħabba Hu bil-konsegwenzi tat-taħsir li daħal fil-ħolqien.  Anzi kollox inħalaq biex jitħassar imma jsib Salvazzjoni dejjiema fil-Ħaruf.  Din hija l-politika ta’ Alla: li l-umiltà, id-dgħufija, l-innoċenza, il-faqar fl-ispirtu, il-ħlewwa... fuq kollox l-Imħabba jintwerew bħala qawwiet aqwa mill-guffaġni u l-vjolenza tad-“Dnub”.

 

 

 

 

 

Bniedem maħluq mill-Imħabba

 

Alla kien jaf minn qabel dak kollu li se jiġri... minn qabel ma kiser il-baħħ u mela kollox bil-ħolqien.  Kulma għamel, għamlu għax iħobb.  Hija l-Imħabba li ħalqet kollox, u lill-bniedem, xbieha tiegħu, Alla ma setax ma jagħmlux ħieles fl-għażliet tiegħu.  Allura Alla, li hu l-Blata eterna tas-sigurtà, ma setax jaħrab milli jsawwar kollox prekarju.  Il-prekarjetà timmarka kollox, għax kollox jiddependi mill-għazliet tal-bniedem.  Lill-bniedem, l-Imħabba setgħet ħalqitu “robot”, ipprogrammat biex jagħmel it-“tajjeb” biss, ir-Rieda ta’ Alla biss, imma din kienet tkun vjolenza fuq il-ħolqien u l-bniedem ma kien ikun xbieha ta’ Alla xejn għax Alla mhux magna u lanqas l-Imħabba mhi “robot”.  L-Imħabba ma jista’ jisfurzaha ħadd għax hi kwistjoni “tal-qalb”.

 

L-Imħabba ħalqet lill-bniedem kapaċi jaħseb ħażin fiha, u dan hu li l-bniedem għamel. Dak kollu li ħaseb Alla minn qabel, seħħ.  Il-bniedem, bid-dubju fis-subkonxju tiegħu dwar min ħalqu, inqata’ mill-Ħajja, li hi l-Imħabba, li hi Alla... u miet.  U l-Imħabba sofriet l-ewwel Passjoni tagħha.  Imma dan kollu kien ix-xenarju maħsub minn qabel biex isseħħ Epifanija glorjuża, Manifestazzjoni ta’ min hu Alla.  Alla hu Mħabba li tinagħta sal-Mewt għall-għadu! 

 

Inkarnazzjoni fil-qalba tad-“Dnub”

 

Kollox ġie maħluq bil-ħsieb li l-Istorja timxi lejn il-punt li jidher il-Ħaruf ta’ Alla.  Kollox ġie msawwar minn Kristu, bi Kristu u għal Kristu.  L-Istorja kollha, politika, ekonomika, soċjali, militari u l-kumplament, juru u jwasslu għal Kristu, il-Ħaruf li jmut biex il-ħolqien jgħix għal dejjem!  Din l-Epifanija tal-Imħabba ta’ Alla, ta’ min hu Alla, ma setgħetx isseħħ f’ambjent perfett, f’ambjent ta’ Qdusija, imma fil-qalba tad-“Dnub”, fil-qalba tal-egoiżmu, tat-taħsir, taċ-ċaħda ta’ Alla.  Il-Ħaruf tnissel f’ġuf ta’ xebba mdawwar bil-mibegħda ta’ bniedem li ma emminx li hu maħbub u għalhekk inbidel f’annimal feroċi.  Mhix sorpriża li l-ewwel merħba li dan il-Ħaruf tas-sagrifiċċju rċieva kien bieb magħluq għalih fil-lukandi, u d-dagħdiha tal-poter politiku li biċċer saħansitra lit-tfal tat-twelid.  X’għerf artistiku fil-Knejjes tal-lvant li jpinġu l-maxtura ta’ Betlehem f’forma ta’ qabar!

 

Xi ħtija hienja!

 

M’hemmx Imħabba vera li ma tbatix.  Għalhekk li Kristu huwa l-Iljun li jirbaħ imma li sar Ħaruf biex ibati, għax ġie meħud għall-qatla mill-Istorja tal-bniedem, u bir-rieda sħiħa tal-Missier, biex jinbela’ mill-Mewt u jsir għaliha l-velenu tal-qerda tagħha.  Din il-meravilja ta’ Salvazzjoni ma kinitx isseħħ li kieku ma deherx id-“Dnub”.  Il-Knisja dan minn dejjem għarfitu tant li fil-Lejl tal-Għid tkanta “Xi ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!  Xi ħtija hienja!”  (Exultet).  Hu għalhekk li lanqas id-“Dnub” ma jista’ jifred lill-bniedem minn Alla.  Hu għalhekk li l-Imħabba hi akbar mid-“Dnub”, mill-mibegħda, mill-vjolenza.  Hu għalhekk li, fi Kristu, il-bniedem huwa etern, jien u int aħna maħluqa biex ngħixu għal dejjem.  Kontrina hemm it-taħsir u d-“Dnub”, imma favur tagħna hemm xi ħaġa aqwa: l-Imħabba li hi Alla, u li ma tistax tmut.  Hu għalhekk li l-Knisja tkanta ferħana li d-“Dnub” ġie mdawwar fi Grazzja għax huwa x-xenarju li ġab lil Alla jgħammar fostna!

 

Dan ma jfissirx li l-bniedem għandu jidneb biex iġarrab iktar il-Ħniena ta’ Alla!  Id-“Dnub” joqtol!  Jista’ jkun li lanqas biss nafu x’inhi l-Ħajja, u din li għandna hi biss eżistenza fiżika.  Jista’ jkun li qatt ma għexna tassew għax dejjem dnibna.  Drajna fid-“Dnub”!  Alla jibki fuqna għax Hu waħdu jaf x’qegħdin nitilfu.  Tant hu kbir il-madmad li drajna nġorru li għal Alla kien vallapena li jitlaq lill-Ħaruf innoċenti fi tbatija orribbli, biex jieħu fuqU l-qrusa tal-eżistenza tagħna.  Din kienet id-dippressjoni tal-Ġetsemani.  Kristu ħareġ minn hemm imsaħħaħ għat-tbatija li kien jaf li ġejja fuqU għax fit-Talb tiegħu “ra” ċar liema hi l-qagħda tal-bniedem.

 

Mhux int li ssalva lilek innifsek!

 

Il-Ħaruf li jbati għall-għadu huwa ċ-ċentru tat-Teoloġija Nisranija.  Fuq jekk nemmnux f’dan se nkunu ġġudikati.  Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.  Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.”  (Ġw. 1, 10-11).  Huma dawk li jilqgħu u jemmnu fil-Misteru tal-Ħaruf li jsiru wlied Alla, li jitwieldu mill-ġdid minn Alla u mhux mill-ġenituri fiżiċi tagħhom. Mhux int li ssalva lilek innifsek, imma huma l-Merti ta’ Kristu li jsalvawk. 

 

Imma int tista’ twaqqa’ dankollu għaċ-ċajt billi tgħid: “Mhux hekk!  Toqgħod tistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqek!” Noqogħdu attenti, għax din li nemmnu iktar fil-merti tagħna milli f’dawk ta’ Kristu ġġib fix-xejn is-Salib tiegħU.  Il-Fariżej emmnu dan u qatlu lil Alla meta deher quddiemhom.  “Il-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.”  (Ġw. 3, 19).  U d-Dawl huwa l-Opra li wettaq il-Ħaruf li ġie meħud għall-qatla, il-Misteru tal-Għid.  Imma ħafna jippreferu jserrħu moħħhom bl-opri tal-Liġi li jwettqu huma milli jistrieħu fuq il-Fidi f’dak li għamel Kristu għalina, il-Ħaruf maqtul imma rebbieħ fuq il-Mewt.

 

L-Iskrittura kollha turi l-Ħaruf

 

Is-sistema tas-sagrifiċċji kollha tat-Testment il-Qadim, li aħna nsibuha tant stramba, tant maqtugħa mill-kultura tagħna, tant diffiċli biex nifhmuha, ġiet imfassla minn Alla nnifsu biex tħejji t-triq għall-Opra tremenda tal-Messija.  Il-Liturġija tat-Testment il-Qadim wettaqha Kristu f’persuntu, f’laħmu. Dwar dan, il-Kelma tgħid: Hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġġiela imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem. (Lhud 9, 12). 

 

Iżrael żgur li ma fehemx l-għaliex Alla ordnalhom joqtlu l-Ħaruf fl-Eġittu u b’Demmu jċappsu l-ġnub u l-blatiet ta’ bwiebhom hawn il-Lejl tal-ħelsien tagħhom.  Minn obda mingħajr ma fehem ra l-Anġlu tal-Qerda jibża’ mid-demm “qaddis” u l-flaġell qabeż lil daru.  Min jemmen fid-Demm ta’ Kristu mxerred għalih fuq is-Salib, dan ma jmut qatt!  Jekk int temmen li Kristu qered il-Mewt, il-Mewt tibża’ minnek mhux il-kontrarju!   Ara kif il-Ħaruf meħud għall-qatla, imħabbar b’mod tal-għaġeb minn Isaija (ara Is. 42 1-4;  49, 1-6;  50, 4-7;  52, 13 – 53, 12) jsir Iljun għax Hu jagħti l-Ispirtu rebbieħ fuq il-Mewt lil min jemmen fil-Merti li rebaħ għalina.

 

Imma dan mhux ‘trick’ psikoloġiku biex nersqu lejn il-Mewt b’inqas biża’. Dan l-Ispirtu, meta hu awtentiku, jidher mill-fatti.  In-nies lill-fatti temmen.  Id-Diskors tal-Muntanja, l-ebda ‘brain-washing’ ma jġagħlek twettqu!  Id-Diskors tal-Muntanja huwa l-vera Morali Nisranija, iktar profonda mill-Għaxar Kmandamenti ta’ Mosè.  Min għandu l-Ispirtu rebbieħ fuq dak kollu li joqtolna, dan biss jista’ jixbaħ lir-ritratt tan-Nisrani li jofrilna Ġesù fid-Diskors imsemmi.

 

It-tnebbih ta’ Ġwanni l-Għammiedi

 

San Ġwann Battista kien l-aħħar profeta, imma kien il-Bieb tat-tiġdid ta’ kollox fi Kristu.  Kien hu l-ewwel li mdawwal mill-Ispirtu s-Santu “ra”  (xi Grazzja!) il-Pjan ta’ Alla għall-bniedem, għalija u għalik!  Minn fommu, l-ħolqien sema’ għall-ewwel darba l-Kelmiet li regħdu l-infern: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja.”  (Ġw. 1, 29).  Mela m’għadux il-bniedem li jneħħi d-dnub tiegħu, li jixtri l-Ġenna bl-għemejjel imsejkna tiegħu, imma l-ħtija titneħħa bi Grazzja, l-ilsier jinħeles għax Ħaddieħor ħallas għalih.  “Kollox hu Grazzja!” għajjat Santu Wistin.  Is-Sorpriża, li tagħmel l-Aħbar Nisranija għal kollox differenti mill-idejat kollha umani, hija li fiċ-ċentru m’hemmx iktar Alla magħmul xbiha tal-bniedem u li hu “mħallef” bħall-imħallfin tagħna, iżda l-“Alla-Ħaruf” li jħallas Hu l-prezz tad-dnub.

 

Hija din l-iskoperta ta’ x’inhi tassew l-Imħabba vera li tbiddel qalb il-bniedem.  bħalma jgħid is-Salm tal-lum: “Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti; imma widnejja inti ftaħtli; ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.  Imbagħad jien għidt: ‘Hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek’.  (S. 40, 7w).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Jiena nagħmel minnek dawl għall-ġnus.

Is 49, 3.5-6

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Il-Mulej qalli:

Iżrael, inti l-qaddej tiegħi,

bik jiena nkun imfaħħar”.

Issa tkellem il-Mulej,

li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu,

biex għandu nraġġa’ lura lil Ġakobb,

u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-ġdid

– għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-Mulej,

u Alla tiegħi kien il-qawwa tiegħi –

u Hu qalli:

“Tkun ħaġa żgħira wisq għalik,

li inti tkun il-qaddej tiegħi,

biex tqajjem it-tribù ta’ Ġakobb,

u traġġa’ lura l-fdal ta’ Iżrael.

Jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus,

biex is-salvazzjoni tiegħi sa truf l-art tinfirex”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 39 (40), 2.4ab.7-8a.8b-9.10

 

R/. (8a.9a): Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek

 

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja u sama’ l-għajta tiegħi.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna. R/.

 

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u b’offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej”. R/.

 

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi”. R/.

 

Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;

xufftejja ma żammejthomx magħluqa.

Mulej, dan inti tafu. R/.

 

Qari II

Grazzja lilkom u sliem minn Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.

1 Kor 1, 1-3

 

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù, u Sòsteni ħuna, lill-knisja ta’ Alla li qiegħda f’Korintu; lil dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù, imsejħa biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-Sid tagħhom u tagħna; grazzja u sliem mingħand Alla missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 1, 14a.12a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Verb sar bniedem u għammar fostna,

u lil dawk li laqgħuh

tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Hawn hu l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Ġw 1, 29-34

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli”. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.

 

U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu”. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 

 

 
< Prev   Next >