Din
hija il- Liturgija tat-tielet Hadd ta' matul is-sena (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
L-antifona tat-dħul
għall-Ewkaristija tat-Tielet Ħadd matul is-Sena (A) mill-ewwel tindikalna dak
li jrid jgħidilna l-Ispirtu s-Santu bil-Kelma tal-lum. “Għannu
lill-Mulej għanja ġdida, għannu lill-Mulej fl-art kollha! Ġmiel u sebħ huma quddiemu, qawwa u sbuħija
fis-santwarju tiegħu.” (S. 96, 1 u
6). Salm 96 huwa Salm ferrieħi fejn
jispikkaw il-Kelmiet “Ġmiel” u “Sebħ” (dawl).
Id-dawl u l-ġmiel għandhom it-tnissil tagħhom f’Alla, joħorġu minnU u
jdawlu u jsebbħu kulfejn hemm ix-“Xekinah”, il-Preżenza tiegħU. L-essenza ta’ Alla hi miġbura fil-Messija
tiegħU, fi Kristu Ġesù, u l-essenza ta’ Alla, k’ikollok tagħsar dak kollu li hu
Alla, tispiċċa f’ħaġa waħda: Imħabba, u Mħabba lejn l-għadu. Dan hu d-Dawl li jdawwal l-univers u l-Ġmiel
ta’ kollox.
Dawl
Biex jidher, jgħammex, jagħmel
differenza, id-dawl għandu bżonn id-dlam qablu.
Id-dawl jiddi fid-dlam. Id-dlam
hu dak kollu li jdejjaq qalb il-bniedem.
Huwa n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-ġejjieni, is-solitudni,
il-prekarjeta, il-biża’... il-Mewt. Dan
kollu huwa frott id-dnub. Id-dnub
huwa d-dlam. Id-dnub jaqtgħek minn
Alla li huwa l-Ħajja. Tista’ teżisti u
tkun mejjet. Ħajjin huma dawk biss li
huma ngastati f’Alla li huwa l-Ħajja.
Kristu ġie fid-dinja biex jitqabad kontra s-suspett li daħal fil-bniedem
dwar l-Imħabba ta’ Alla. Id-dlam daħal
fl-univers mal-“katekeżi” mxajtna li twemmnet: “Le, żgur ma tmutux. Imma Alla
jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat.” (Ġen. 3, 4-5). Nibet il-ħsieb li Alla jibża’ li nsiru
bħalU... mela ma jħobbniex... mela hu rival.
Kontra dan jitqabad id-Dawl
tal-Kerigma, tal-Aħbar it-Tajba li tgħid: “Alla
hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma
jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”
(Ġw. 3, 16). Alla hekk
iħobbok lilek li meta int kont għadu tiegħU bid-dnub, Hu abbanduna lil Ibnu fuq
l-altar tat-tpattija biex int ma jkollokx xi tħallas tal-egoiżmu,
tar-ras iebsa, tal-vizzji, tan-nuqqas totali ta’ mħabba lejn min ma jħobbokx, u
l-bqija. Fuq hawn tiddependi
s-salvazzjoni tiegħi: jekk nemminx li flok Kristu suppost kien hemm jien fuq
is-salib. “U l-ġudizzju huwa dan: li
d-dawl ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax
l-għemil tagħhom kien ħażin.” (Ġw. 3,
19).
Din hi problema prima, tafux. Nistgħu nemmnu ħafna dommi u veritajiet bla
ma nindunaw li m’aħniex nemmnu l-aqwa waħda, il-qalba tas-Sbuħija,
tad-Dawl. Kristu miet għalija personali,
għalija bħala individwu. Jien swejtlu
Demmu kollu lil Kristu! In-natura qadima
tiegħi mimlija mard u susa tal-Mewt, ġiet imfejqa bil-ġrieħi ta’ Kristu! Jien kont ikkundannat għall-mewt minn ġuf
ommi, imma nstemgħet għajta kbira: “Grazzja!”
U tawni l-Aħbar li jien ħieles għax Xi Ħadd kien miet minfloki... u dak
ix-Xi Ħadd kien Alla nnifsu f’laħam bħal tiegħi magħruf bħala Ġesù ta’
Nazaret. Għal min jemmen, dan hu d-Dawl. Dan biss hu d-Dawl. Din biss hija l-mediċina,
dan biss hu l-għerf, din biss hija l-politika, din biss hi l-Imħabba.
Ġmiel
Għal Fyodor Dostoyevsky, awtur
Ortodoss Russu, huwa l-“Ġmiel” li jsalva d-dinja, u għalih, dan il-“Ġmiel” huwa
l-wiċċ sofferenti ta’ Kristu qed imut fuq salib għall-għadu. Ġmiel u Dawl.
Fejn hemm Kristu hemm l-Imħabba u l-Għaqda u dawn huma l-Ġmiel u d-Dawl
li jħarrbu d-dlamijiet li mhumiex Kristu.
L-Imħabba u l-għaqda ta’ bejnietna huma s-sinjali li jiġbdu lid-dinja
lejn il-Fidi fl-Iben ta’ Alla.
Fid-“dinja”, jiġifieri barra minn Kristu, ma tistax issib la Għaqda u
lanqas Imħabba. L-Għaqda hi biss jekk
jaqbilli, u l-Imħabba wkoll, għax l-Imħabba, bla ma naf u ninduna, hi sikwit
mibnija fuq il-bżonn li għandi li nimtela, li nilħaq il-milja. L-Imħabba vera hi dik li tinagħta, u
tinagħta, u tibqa’ tinagħta. Imma kemm
traġedji fil-familji fejn l-“imħabba” tinbidel f’mibegħda u vjolenza! Dlam!
Tħares fejn tħares, barra minn Kristu ma tarax ħlief dlam u kruha.
Hu mportanti li kulma għandu
x’jaqsam ma’ Kristu idawwal u jkun sabiħ, għax Kristu huwa Dlam u Ġmiel. Għalhekk, igħidu li jridu l-“pagani”, hu sew
ħafna li l-knejjes tagħna jkun sbieħ, mibnija u mżejna minn nies ta’ Fidi. Fidi ġdida f’damiġjani ġodda. Knisja mġedda, estetika mġedda. Xi kruha meta f’isem “il-faqar spiritwali”
inneżżgħu u nfaqqru l-postijiet tal-laqgħa, tal-Ġemgħa qaddisa. Kristu kien jixraqlu li l-mara, li sabet
il-paċi f’ħajjitha minħabba fiH, tkisser il-flixkun tal-alabastru u tferra’
l-fwieħa kollha fuq rasU, fwieħa li swietilha kulma kellha! Il-knejjes tagħna għandhom ikunu oasi ta’
ġmiel f’nofs poplu mikul mix-xogħol u t-tensjoni.
Dawl li jinħela
Żabulon u Neftali kienu żewġ
tribujiet Lhud li għammru l-art tat-tramuntana tal-Art Imqaddsa, territorju li
fi żmien Kristu kienet il-Galilija.
Kienu tribujiet li malajr waqgħu fl-idolatrija, tħalltu fi żwiġijiet mal-ġnus
ġirien, u tilfu l-Fidi. Ġew itturrufnati
lejn l-Assirja fis-sena 732 qabel Kristu.
Kienu Dawl. Saru dlam. Imma hu fid-dlam li jidher id-Dawl. Kristu tfaċċa fil-Galilija. Isaija ħabbar: Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art
id-dlam dawl idda fuqhom. (Is. 9, 1). Din
hi t-tweġiba tal-Missier quddiem it-tradiment tagħna: jibgħat lil Ibnu biex
idawwal id-dlamijiet tagħna.
Imma d-Dawl jinħela waqt
li jdawwal. In-nar
imut. Il-bożża tinħaraq. Kristu jmut biex idawwal lili u lilek. L-Imħabba tmut biex il-maħbub ma jmutx. Għoli l-prezz tad-Dawl! Ejjew nikkonvertu lejn l-Imħabba! Ejja ma nħallux li d-Demm ta’ Kristu jintrema
għalxejn fuq il-għolja bħal dak ta’ Abel. Ejjew ma nibqgħux ngħammru f’art
il-mewt, f’Ħajja bla sens u bla skop, imma nħallu li niddawlu minn Kristu u
nitfejqu. “Indmu, għax qorbot is-Saltna
tas-Smewwiet.” (Mt. 4, 17).
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Fil-Galilija tal-ġnus, il-poplu ra dawl kbir.
Is 8. 23b - 9, 3
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Alla bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb
l-art ta’ Żebulun u l-art ta’ Naftali,
hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar
’l hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-ġnus.
Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir;
in-nies li joqogħdu f’art id-dlam
dawl idda fuqhom.
Int kattart il-ġens,
kabbart l-hena;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta’ fuq spallejh,
u l-bastun tal-argużin,
int kissirthom bħal f’jum Midjan.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 26 (27) 1.4.13-14
R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni
tiegħi
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;
quddiem min għandi nitwerwer? R/.
Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
tul il-jiem kollha ta’ ħajti;
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.
Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art
il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.
Qari II
Aqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet
fostkom.
1 Kor 1, 10-13.17
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex
tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif
imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.
Ħuti, in-nies ta’ Kloji qaluli fuqkom li fostkom
hemm it-tilwim: irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid: “Jiena
ta’ Pawlu”, “U jiena ta’ Apollo”, “U jiena ta’ Kefa”, “U jiena ta’ Kristu”.
Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab
għalikom jew f’isem Pawlu tgħammidtu? Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda
biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn
is-salib ta’ Kristu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 4, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna,
u fejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġie f’Kafarnahum, biex iseħħ dak li kien
intqal mill-profeta Isaija.
Mt 4, 12-23
Qari
mill-Evanġelju skond San Mattew
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni,
warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib
il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad
permezz tal-profeta Isaija, meta qal:
“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan,
Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl
għalihom”.
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid:
“Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ
żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek
fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom
sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa
minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin
fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom.
Minnufih telqu d-dgħajsa u lil
missierhom, u marru warajh.
Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem
fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’
mard u dgħufija fost il-poplu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew il-forma l-qasira
Evanġelju
Ġie f’Kafarnahum, biex iseħħ dak li kien
intqal mill-profeta Isaija.
Mt 4, 12-17
Qari
mill-Evanġelju skond San Mattew
Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni,
warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib
il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad
permezz tal-profeta Isaija, meta qal:
“Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan,
Galilija tal-ġnus!
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl
għalihom”.
Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid:
“Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|