Monday, 06 April 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2020) KRISTU DAWL U GMIEL
IT-TIELET HADD MATUL IS-SENA (2020) KRISTU DAWL U GMIEL PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 26 January 2020

Din hija il- Liturgija tat-tielet Hadd  ta' matul is-sena (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

bloch-sermononthemount.jpg

 

L-antifona tat-dħul għall-Ewkaristija tat-Tielet Ħadd matul is-Sena (A) mill-ewwel tindikalna dak li jrid jgħidilna l-Ispirtu s-Santu bil-Kelma tal-lum.  “Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għannu lill-Mulej fl-art kollha!  Ġmiel u sebħ huma quddiemu, qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu.”  (S. 96, 1 u 6).  Salm 96 huwa Salm ferrieħi fejn jispikkaw il-Kelmiet “Ġmiel” u “Sebħ” (dawl).   Id-dawl u l-ġmiel għandhom it-tnissil tagħhom f’Alla, joħorġu minnU u jdawlu u jsebbħu kulfejn hemm ix-“Xekinah”, il-Preżenza tiegħU.  L-essenza ta’ Alla hi miġbura fil-Messija tiegħU, fi Kristu Ġesù, u l-essenza ta’ Alla, k’ikollok tagħsar dak kollu li hu Alla, tispiċċa f’ħaġa waħda: Imħabba, u Mħabba lejn l-għadu.  Dan hu d-Dawl li jdawwal l-univers u l-Ġmiel ta’ kollox.

 

 

Dawl

 

Biex jidher, jgħammex, jagħmel differenza, id-dawl għandu bżonn id-dlam qablu.  Id-dawl jiddi fid-dlam.  Id-dlam hu dak kollu li jdejjaq qalb il-bniedem.  Huwa n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-ġejjieni, is-solitudni, il-prekarjeta, il-biża’... il-Mewt.  Dan kollu huwa frott id-dnub.  Id-dnub huwa d-dlam.  Id-dnub jaqtgħek minn Alla li huwa l-Ħajja.  Tista’ teżisti u tkun mejjet.  Ħajjin huma dawk biss li huma ngastati f’Alla li huwa l-Ħajja.  Kristu ġie fid-dinja biex jitqabad kontra s-suspett li daħal fil-bniedem dwar l-Imħabba ta’ Alla.  Id-dlam daħal fl-univers mal-“katekeżi” mxajtna li twemmnet: “Le, żgur ma tmutux.  Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat.”  (Ġen. 3, 4-5).  Nibet il-ħsieb li Alla jibża’ li nsiru bħalU... mela ma jħobbniex... mela hu rival. 

 

Kontra dan jitqabad id-Dawl tal-Kerigma, tal-Aħbar it-Tajba li tgħid: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”  (Ġw. 3, 16).  Alla hekk iħobbok lilek li meta int kont għadu tiegħU bid-dnub, Hu abbanduna lil Ibnu fuq l-altar tat-tpattija biex int ma jkollokx xi tħallas tal-egoiżmu, tar-ras iebsa, tal-vizzji, tan-nuqqas totali ta’ mħabba lejn min ma jħobbokx, u l-bqija.  Fuq hawn tiddependi s-salvazzjoni tiegħi: jekk nemminx li flok Kristu suppost kien hemm jien fuq is-salib. “U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.”  (Ġw. 3, 19).  

 

Din hi problema prima, tafux.  Nistgħu nemmnu ħafna dommi u veritajiet bla ma nindunaw li m’aħniex nemmnu l-aqwa waħda, il-qalba tas-Sbuħija, tad-Dawl.  Kristu miet għalija personali, għalija bħala individwu.  Jien swejtlu Demmu kollu lil Kristu!  In-natura qadima tiegħi mimlija mard u susa tal-Mewt, ġiet imfejqa bil-ġrieħi ta’ Kristu!  Jien kont ikkundannat għall-mewt minn ġuf ommi, imma nstemgħet għajta kbira: “Grazzja!”  U tawni l-Aħbar li jien ħieles għax Xi Ħadd kien miet minfloki... u dak ix-Xi Ħadd kien Alla nnifsu f’laħam bħal tiegħi magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret.  Għal min jemmen, dan hu d-Dawl.  Dan biss hu d-Dawl. Din biss hija l-mediċina, dan biss hu l-għerf, din biss hija l-politika, din biss hi l-Imħabba.

 

Ġmiel

 

Għal Fyodor Dostoyevsky, awtur Ortodoss Russu, huwa l-“Ġmiel” li jsalva d-dinja, u għalih, dan il-“Ġmiel” huwa l-wiċċ sofferenti ta’ Kristu qed imut fuq salib għall-għadu.  Ġmiel u Dawl.  Fejn hemm Kristu hemm l-Imħabba u l-Għaqda u dawn huma l-Ġmiel u d-Dawl li jħarrbu d-dlamijiet li mhumiex Kristu.  L-Imħabba u l-għaqda ta’ bejnietna huma s-sinjali li jiġbdu lid-dinja lejn il-Fidi fl-Iben ta’ Alla.  Fid-“dinja”, jiġifieri barra minn Kristu, ma tistax issib la Għaqda u lanqas Imħabba.  L-Għaqda hi biss jekk jaqbilli, u l-Imħabba wkoll, għax l-Imħabba, bla ma naf u ninduna, hi sikwit mibnija fuq il-bżonn li għandi li nimtela, li nilħaq il-milja.  L-Imħabba vera hi dik li tinagħta, u tinagħta, u tibqa’ tinagħta.  Imma kemm traġedji fil-familji fejn l-“imħabba” tinbidel f’mibegħda u vjolenza!  Dlam!  Tħares fejn tħares, barra minn Kristu ma tarax ħlief dlam u kruha.

 

Hu mportanti li kulma għandu x’jaqsam ma’ Kristu idawwal u jkun sabiħ, għax Kristu huwa Dlam u Ġmiel.  Għalhekk, igħidu li jridu l-“pagani”, hu sew ħafna li l-knejjes tagħna jkun sbieħ, mibnija u mżejna minn nies ta’ Fidi.  Fidi ġdida f’damiġjani ġodda.  Knisja mġedda, estetika mġedda.  Xi kruha meta f’isem “il-faqar spiritwali” inneżżgħu u nfaqqru l-postijiet tal-laqgħa, tal-Ġemgħa qaddisa.  Kristu kien jixraqlu li l-mara, li sabet il-paċi f’ħajjitha minħabba fiH, tkisser il-flixkun tal-alabastru u tferra’ l-fwieħa kollha fuq rasU, fwieħa li swietilha kulma kellha!  Il-knejjes tagħna għandhom ikunu oasi ta’ ġmiel f’nofs poplu mikul mix-xogħol u t-tensjoni.

 

Dawl li jinħela

 

Żabulon u Neftali kienu żewġ tribujiet Lhud li għammru l-art tat-tramuntana tal-Art Imqaddsa, territorju li fi żmien Kristu kienet il-Galilija.  Kienu tribujiet li malajr waqgħu fl-idolatrija, tħalltu fi żwiġijiet mal-ġnus ġirien, u tilfu l-Fidi.  Ġew itturrufnati lejn l-Assirja fis-sena 732 qabel Kristu.  Kienu Dawl.  Saru dlam.  Imma hu fid-dlam li jidher id-Dawl.  Kristu tfaċċa fil-Galilija.  Isaija ħabbar: Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom. (Is. 9, 1).  Din hi t-tweġiba tal-Missier quddiem it-tradiment tagħna: jibgħat lil Ibnu biex idawwal id-dlamijiet tagħna. 

 

Imma d-Dawl jinħela waqt li jdawwal.  In-nar imut.  Il-bożża tinħaraq.  Kristu jmut biex idawwal lili u lilek.  L-Imħabba tmut biex il-maħbub ma jmutx.  Għoli l-prezz tad-Dawl!  Ejjew nikkonvertu lejn l-Imħabba!  Ejja ma nħallux li d-Demm ta’ Kristu jintrema għalxejn fuq il-għolja bħal dak ta’ Abel. Ejjew ma nibqgħux ngħammru f’art il-mewt, f’Ħajja bla sens u bla skop, imma nħallu li niddawlu minn Kristu u nitfejqu. “Indmu, għax qorbot is-Saltna tas-Smewwiet.” (Mt. 4, 17).

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Fil-Galilija tal-ġnus, il-poplu ra dawl kbir.

Is 8. 23b - 9, 3

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Alla bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb

l-art ta’ Żebulun u l-art ta’ Naftali,

hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar

’l hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-ġnus.

 

Il-poplu li kien miexi fid-dlam

ra dawl kbir;

in-nies li joqogħdu f’art id-dlam

dawl idda fuqhom.

 

Int kattart il-ġens,

kabbart l-hena;

huma ferħu quddiemek,

bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,

bħalma jifirħu fi qsim il-priża.

 

Għax il-madmad li kien itaqqlu,

u l-ħatar ta’ fuq spallejh,

u l-bastun tal-argużin,

int kissirthom bħal f’jum Midjan.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27) 1.4.13-14

 

R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej. R/.

 

Qari II

Aqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom.

1 Kor 1, 10-13.17

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.

 

Ħuti, in-nies ta’ Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim: irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid: “Jiena ta’ Pawlu”, “U jiena ta’ Apollo”, “U jiena ta’ Kefa”, “U jiena ta’ Kristu”.

 

Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f’isem Pawlu tgħammidtu? Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 4, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù xandar l-Evanġelju tas-Saltna,

u fejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġie f’Kafarnahum, biex iseħħ dak li kien intqal mill-profeta Isaija.

Mt 4, 12-23

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:

Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,

it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!

Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;

dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.

 

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.

 

Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil

missierhom, u marru warajh.

 

Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

Ġie f’Kafarnahum, biex iseħħ dak li kien intqal mill-profeta Isaija.

Mt 4, 12-17

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:

Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,

it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!

Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir;

dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom”.

 

Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >