Wednesday, 19 February 2020
           
Home
2 TA’ FRAR, 2020 IL-PREZENTAZZJONI TAL-MULEJ – IL-GANDLORA DELL TAL-MISTERU TAL-GHID PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 01 February 2020

Din hija il- Liturgija tal-Prezentazzjoni tal-Mulej ( Il-Gandlora ) (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

prezantazzjoni_mulej.jpg

 

Erbgħin jum wara t-twelid tal-ewwel tifel ta’ kull familja Lhudija, hu kien jiġi mifdi mill-ġenituri tiegħu għax kien ikun propjetà tal-Mulej.  L-istess għal  kull ferħ maskil tal-annimali li jitwieled mill-omm.  Wara din l-ordni li l-Mulej kien ta lill-poplu tiegħu hemm moħbi l-Misteru tal-Għid.  Dan lilna jħawwadna xi ftit għax għal żmien twil fl-istorja warrabna miċ-ċentru tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla l-Misteru tal-Għid li fih Alla jifdi, jeħles, isalva, jaħtaf minn ħalq il-Mewt lil kull bniedem.  Iktar ikkonċentrajna fuq dak li nistgħu nagħmlu aħna għas-salvazzjoni tagħna milli dak li kapaċi jagħmel Alla għalina bla ma jistħoqqilna.

 

Iżrael fl-Eġittu; il-Knisja fid-dinja

 

L-Eġittu huwa xbieha perfetta tad-dinja pagana li fiha jgħammar in-Nisrani.  In-Nisrani, il-Knisja, mhumiex maqtugħin mid-dinja.  Mhumiex tad-dinja imma jgħixu fid-dinja u jagħmlu preżenti lil Kristu fid-dinja.  Fil-qalba tal-Eġittu pagan, għammar Iżrael, il-poplu tal-Mulej.  Kien maħqur u ppersegwitat bħalma l-Knisja llum hija ppersegwitata kullimkien fid-dinja, f’postijiet bil-pulit, permezz ta’ liġijiet soċjali li bil-mod il-mod iqarrbu lin-Nisrani biex ikun emarġinat u biex, bla ma jrid, jitpoġġa f’qagħda kontra l-liġi, u f’postijiet oħra bil-miftuħ, bil-ħabsijiet, bil-bombi, bil-Mewt.

 

Min se jsalva lill-Knisja llum mis-setgħa terribbli tal-kultura dominanti li tikkondizzjona lil moħħ iż-żgħażagħ tagħna biex isibuha bi tqila “jaraw” lil Alla madwarhom?  Huwa hawn li jidħol il-Misteru tal-Għid.  Alla jgħaddi u jġorr lil “ibnu” Iżrael minn ġol-qalba tal-Eġittu, potenza setagħna, biex jeħilsu minn ħalq il-Mewt u mid-dlam.  L-Eġittu, id-dinja tal-lum, huma ddominati mill-Mewt.  Il-ħin kollu jgħaddi l-Anġlu tal-Mewt li jeqred bl-inkwiet, bl-inġustizzji, bis-serq, bil-qtil, bl-abbużi, bid-drogi, pornagrofija, adulterji, kilba għall-poter u għall-flus u bil-mard li dejjem ifaqqas.

 

Il-Mewt tal-Ħaruf

 

Min se jkun meħlus minn dan kollu?  Iżrael qatel il-Ħaruf tal-Għid u ċappas il-bibien ta’ daru u dan id-Demm tal-innoċenti werwer lill-Mewt.  Huwa d-Demm tal-Ħaruf li jsalva lill-bniedem illum.  Jiġifieri kull minn jemmen fil-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien tal-Ħaruf, Kristu l-Iben ta’ Alla, se jkun meħlus mill-Qerda ta’ Dejjem.

 

Ulied Iżrael jinħelsu, imma jmut l-ewwel wild fid-djar tal-Eġizzjani, mill-kbir tal-Fargħun bid-dritt għat-tron sal-kbir tal-ilsira, li ddawwar il-mitħna; u kull ferħ tal-ewwel tal-bhejjem.  (Eżod. 11, 5).  Kien il-Ħaruf li miet minflok l-iben il-kbir ta’ Iżrael u minn dak in-nhar l-iben il-kbir li jitwieled kien ikun ikkonsagrat lil Alla.  Il-familja kienet “tifdih” b’offerta minfloku lil Alla, erbgħin jum wara t-twelid.  Din kienet ir-raġuni l-għala Ġużeppi u Marija marru quddiem il-Mulej b’Ġesù u, ta’ fqar li kienu, offrew par gamiem jew żewġ bċieċen għalih.

 

Il-Gandlora: Epifanija oħra

 

Il-bniedem li jixxennaq li jagħmel ir-Rieda tal-Missier, jgħaddi mill-esperjenza tqila, ta’ nixfa, tas-skiet ta’ Alla.  Alla jiskot.  Inutli li l-bniedem jistaqsi: “Għaliex?”  Hi parti mill-edukazzjoni ta’ Alla.  “Ara, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fl-art, mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-kelma tal-Mulej.  Jibdew iduru minn baħar għal ieħor, u jiġġerrew mit-Tramuntana għal-Lvant, ifittxu l-kelma tal-Mulej, u ma jsibuhiex.”  (Għam. 8, 11-12).  Min hu l-bniedem ta’ Alla?  Dak li hu mifni bil-għatx għaliH.  Dak li jitħannen għall-Kelma tiegħu bħal vjaġġatur fid-deżert għall-ilma.  Fi żmien id-dlam, fi żmien il-għatx tintlaħaq il-milja taż-żmien u f’daqqa waħda  jidher id-Dawl u jinfaqa’ d-deżert bil-gliegel tal-ilma għax jidher Kristu l-Mulej li hu l-Kelma li ħalqet kollox u taf kollox.

 

Kristu jidħol fit-Tempju tiegħU f’dirgħajn Ommu: Epifanija oħra.  Dawk li għammru fid-dlam raw id-Dawl.  Dawk li kienu ilhom bil-għatx sikru bl-inbid tal-festa.

 

Xmun

 

Min se jara lill-Mulej?  Min jixjieħ jistenna.  Min se jidħol għall-Festa tat-Tieġ tal-Għarus il-Kbir?  Dawk li, għalkemm raqdu għax l-Għarus ittardja, xorta kellhom iż-żejt tal-Fidi u f’qalbhom qalu: “Hu jiġi!  Hu jiġi żgur!  Żgur daqs ix-xemx tiela bil-mod wara l-lejl twil.”  Kien hemm wieħed jismu Xmun... li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.  (Lq. 2, 25).  Huma nies bħal dan li jaraw ’l Alla. 

 

Ġwanni l-Għammiedi fid-deżert kien bil-għatx għal Alla.  Xmun għex id-deżert f’daru imma bħal Ġwanni kellu l-għeruq tal-Fidi fil-fond.  Fil-wiċċ m’hemmx ilma imma min iniżżel għeruqu fil-fond, min ifittex l-ilma fil-fond, isib l-ilma, bħalma ssibu l-Palma fid-deżert.  Ix-xemx tagħti kemm tiflaħ fuq ix-xuxa tal-weraq tal-Palma imma hi ma tinkeddx għax għeruqha sabu l-ilma li jitla’ jiġri fil-“vini” tagħha.

 

“Kif tibqa’ ħajja?” jistaqsu n-nies.  X’iżomm lin-Nisrani millli jitlef il-Fidi, milli jinbaram mal-kurrent, milli jeħodha kontra Alla wara tant sfortuni li ġrawlu?  In-nies ma jarawx, imma hu għandu l-għeruq tal-Fidi jgħumu fl-ilmijiet tal-Ispirtu.  Xmun stenna u ra, u issa kien lest li jitlaq għax dak li għex għalih seħħ u Alla ma tradihx.

 

In-Nisrani-Profeta

 

Il-Magħmudija tagħmilna Profeti, Ħabbara ta’ Kristu.  Fil-qjies li tikber il-Magħmudija fina, tikber il-Profezija.  In-Nisrani adult, li stenna u mexa ’l quddiem fil-Fidi u fil-Grazzja, jinagħtawlu “għajnejn” li jaraw dak li ħaddieħor ma jarax, dixxerniment li jifhem dak li hu mudlam għal ħaddieħor.  Xmun ħares f’għajnejn Marija u ra ħafna.  Induna li d-Dawl kien se jkun merut; li se jasal waqt li fih id-Dawl jintefa’ u l-Mewt tibla l-Ħajja.  Imma dan id-Dawl kellu jdawwal il-ġnus u jkun glorja ta’ Iżrael.  (Lq. 2, 32).

 

Ix-xwejħa Anna wkoll għexet is-Skiet ta’ Alla u l-għatx tad-deżert.  Imma żernaq Jum, il-Jum tal-Mulej, meta f’daqqa waħda nemnem Dawl (il-Gandlora) u għajnejha kibru u stagħġbu quddiem tarbija sempliċi u mtliet biż-żelu u n-nar ta’ Elija u bdiet tgħajjat dwar li ntemm iż-żmien, u li Alla żamm Kelmtu u li waslet il-fidwa ta’ Ġerusalemm.  U missieru u ommu baqgħu mistgħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.  (Lq. 2, 33).

 

Fejn mhemmx stagħġib m’hemmx Alla.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum

 

Qari I

Mal 3,1-4

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Dan jgħid il-Mulej :

“Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi

biex iħejji t-triq quddiemi,

u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu

s-Sid li intom qegħdin tfittxu;

u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej!”.

jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu?

U min hu li se jieqaf meta jidher?

Għax hu bħan-nar ta’ wieħed li jsaffi

u bħas-sapun tal-ħassiela. 

U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda,

 jnaddaf ’l ulied Levi,

u jsaffihom bħad-deheb u l-fidda,

u huma jsiru għall-Mulej

nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa. 

U tibda togħġbu lill-Mulej

l-offerta ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm bħal dari,

bħal fis-snin l-imgħoddija.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

23, 7-10

 

R/. Il-Mulej hu s-Sultan tal-Glorja.

 

Intrefgħu, bibien, infetħu,

intom bibien ta’  dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! R/.

 

Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej tal-eżerċti:

dan hu s-Sultan tal-glorja! R/.

 

Qari II

Sar jixbah lil ħutu f’kollox.

Lhud 2, 14-18

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.

 

Ħuti,

l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem,

Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom,

biex b’mewtu jeqred is-setgħa

ta’ dak li kellu l-mewt f'idejh, jiġifieri x-Xitan,

u jeħles ’il dawk kollha li,

minħabba fil-biża’ tal-mewt,

kienu mjassrin għal għomorhom kollu. 

Għax tabilħaqq,

mhux lill-anġli jrid jgħin,

imma lil ulied Abraham. 

Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f'kollox,

biex ikun il-qassis il-kbir,

ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla,

u biex ipatti għal dnubiet il-poplu.

Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab,

jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 2, 32

 

R/. Hallelujah

Dawl biex idawwal il-ġnus

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.

Lq 2, 22-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

 

Wara li għalqilhom iż-żmien

għall-purifikazzjoni tagħhom

skont il-Liġi ta’ Mosè,

Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm

biex jippreżentawh lill-Mulej, 

kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li

‘kull tifel li jitwieled l-ewwel,

jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’

u biex joffru b’sagrifiċċju

‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’

kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

 

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb,

li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael

u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. 

 

L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu

li ma kienx se jara l-mewt

qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. 

Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu,

u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù

biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, 

huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skond kelmtek,

għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”.

 

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba

b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.

Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija:

“Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien

ta’ ħafna f’Iżrael;

se jkun sinjal li jmeruh, 

– u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! –

biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

 

Kien hemm ukoll waħda profetissa,

Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser.

Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien;

wara xbubitha

kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa, 

u mbagħad romlot.

Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena

ma kienet titwarrab qatt mit-tempju,

lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. 

 

Dak il-ħin stess waslet,

u bdiet trodd ħajr lil Alla

u titkellem fuq it-tarbija

ma’ dawk kollha li kienu jistennew

il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu

skont il-Liġi tal-Mulej

reġgħu lura lejn il-Galilija

fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.

U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli  bl-għerf.

U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.

 

 

Last Updated ( Saturday, 01 February 2020 )
 
< Prev   Next >