Friday, 03 April 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow IL-HAMES HADD MATUL IS-SENA (2020) L-INSARA: DAWK LI JAGHTU TOGHMA LID-DINJA
IL-HAMES HADD MATUL IS-SENA (2020) L-INSARA: DAWK LI JAGHTU TOGHMA LID-DINJA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Sunday, 09 February 2020

Din hija il- Liturgija tal-Hames Hadd  ta' matul is-sena (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

melh.jpg

 

Fuq mitejn sena ilu seħħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża li kienet frott moviment filosofiku msejjaħ “l-Illuminiżmu”.  Din il-filosofija, li kellha l-bejta tagħha fi Franza, ippruvat tkun soluzzjoni għall-qagħda inġusta tas-soċjetà li kienet tbegħdet minn Alla u mill-imħabba tal-proxxmu. Imma dan il-moviment kien għal kollox kontra Alla u kontra l-ispirtu tal-Vanġelu u welled politika vjolenti f’rivoluzzjoni mdemmija u, bħalma jiġri dejjem, ipprova jiġġieled l-inġustizzja b’inġustizzja akbar.

 

Dinja li tilfet it-togħma tagħha

 

Il-kredu ta’ dan kollu kien li l-bniedem ma kellux bżonn lil Alla u l-Kristjaneżmu, għax issa l-bniedem ma kienx għadu “tfal” u seta’ jiddeċiedi hu x’inhu t-tajjeb u l-ħażin għalih.  Il-Knisja spiċċat ippersegwitata u mwarrba u l-influwenza tagħha bdiet tnin f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa.  Il-bniedem sar alla u dak li qabel kien il-glorja tal-kontinent tagħna ġie ddisprezzat, mgħajjar, u middieħaq.  Il-ġnus bdew ħerġin mill-Knisja u l-frott ta’ dak li ġara mitejn sena ilu nistgħu narawh ċar illum.

 

Il-Fidi ddgħajfet fil-pajjiżi tal-punent kollu, imma dak li prova jsewwi l-“Illuminiżmu” baqa’ hemm: l-inġustizzji, il-korruzzjoni, il-kilba għall-flus u l-poter, l-egoiżmi, il-jasar tal-fqir u d-dgħajjef...  Ma tistax tibdel lid-dinja jekk ma tibdilx qalb il-bniedem u hawn l-ebda politika tal-bniedem ma taħdem ħlief l-Aħbar ta’ Kristu, il-Vanġelu li jrattab il-qalb bil-viżjoni tal-Imħabba meraviljuża tal-Missier għall-għadu tiegħu, għall-bniedem prodigu li ried jagħmel esperjenza hu ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin għalih.

 

L-Ewropa u l-pajjiżi li ħaddnu l-kultura dominanti li hi welldet, tilfu t-togħma tagħhom.  Alla m’għadu jidher imkien u ta’ dan qed iħallas il-bniedem b’soċjetà mimlija nies jgħixu waħedhom għax ħadd m’għadu jirriskja fuq l-imħabba.  L-individwaliżmu ġie msejjaħ libertà.  “L-ieħor hu l-infern!” qal Nietzsche, u l-bliet il-kbar huma mimlija appartamenti għal wieħed jew waħda biss u l-kelb sar il-familja.  Qed tgħib il-familja u ħadd ma jrid jinħela fuq it-tfal.  Flus, ixtri u stenna l-Mewt. Tmur l-Afrika, fejn qajla tara żvilupp, u fejn il-bniedem jonqsu kollox, u tara nies iktar ferħana!  Dan x’ġenn hu?  Id-dinja “progressiva” tilfet lil Alla u tilfet miegħU it-togħma tagħha.

 

Knisja li hi melħ u dawl

 

Imma jekk id-dinja telqet lil Alla, Alla ma telaqx lilha.  Anzi, dan jista’ jkun żmien meraviljuż u pożittiv immens.  Il-Missier fil-parabbola tal-Iben prodigu, lil ibnu ma qallu xejn meta dan talbu l-wirt biex jitlaq mid-dar.  Ħallih jagħmel esperjenza tad-dnub għax l-Imħabba vera ma tisforza lil ħadd. L-Imħabba, li hi Alla, taf li d-dnub joqtol.  L-Ewropa llum hi mejta, u mhux ta’ b’xejn li “drittijiet” bħall-abort, ewtanasija u l-bqija saru tant popolari.  Imma għad jasal jum meta titla’ għajta ddisprata lejn Alla mill-bniedem li jinduna x’għamel b’idu, jinduna bil-ktajjen li rabat lilu nnifsu bihom.  Il-bniedem għad jerġa’ lura lejn Knisja li tkun qed tistennieh.

 

Imma liema Knisja?  Alla qed iħejji Knisja għal dak iż-żmien billi, bil-mod il-mod, qed iħott Knisja li kienet tajba għal żminijiet oħra, u minflokha jtella l-istess Knisja iżda mibdula għal żminijiet ġodda.  Inbid ġdid f’damiġġani ġodda.  Jekk il-Fidi għabet mill-qalb ta’ ħafna nies minħabba l-esperjenza terribbli tal-materjaliżmu, din il-Fidi trid terġa tinbena mill-qiegħ.  Għandna bżonn Knisja tal-Atti tal-Appostli li l-ħin kollu xxandar l-Aħbar tal-bidu: li Kristu rebaħ il-Mewt, kull tip ta’ Mewt li toqtol l-ispirtu tal-bniedem.  Il-bniedem għandu bżonn jiġi mgħejjun jara l-qagħda tiegħu ta’ jasar, ta’ nuqqas ta’ ferħ, ta’ vojt u jixxandar lilu li Kristu biss jagħmel sens. 

 

Għandna bżonn ta’ Knisja iżgħar imma iktar ħajja.  Alla qed jiżbor is-siġra tiegħu u jċekkina.  Ħafna ġrajjiet madwarna li jidhru li huma diżgrazzji u telfiet għall-Knisja, huma, minflok, il-ħidma tal-Fuħħari Divin li qed isawwar opra ġdida, sabiħa u li tissorprendi.  Il-Knisja għandha tkun id-Dawl tad-dinja u l-melħ tal-art, bħalma jgħid il-Vanġelu tal-lum.  Mingħajr Knisja li hi Kristu fid-dinja, kollox hu dlam u l-bniedem iteftef ’l hemm u ’l hawn bla ma jaf kif se jsolvi l-problemi tiegħu għax hu agħma.  Il-borma hi bla siwi għax ta’ ġo fiha hu bla togħma għax jonqsu ftit melħ.  Ftit melħ.

 

Kif ħasibha l-Knisja Kristu?

 

Konna naħsbu li l-Knisja ssalva d-dinja billi d-dinja tidħol kollha kemm hi fil-Knisja.  Li kieku din kienet il-viżjoni ta’ Kristu, kieku wara elfejn sena Hu falla tassew!  Imma l-Vanġelu tal-lum jitfa’ Dawl ieħor fuq dan.  Għall-Mulej, il-Knisja mhix bħall-movimenti u l-idejat umani li jixxennqu għas-suċċess, għall-popolarità... fl-aħħar mill-aħħar għall-poter.  Ħafna drabi fl-Istorja tagħha, l-Knisja inġibdet lejn dan il-ħsieb li dejjem jispiċċa f’illi tipprova tikkonverti ġnus sħaħ f’daqqa waħda bix-xabla u l-gwerra, bħalma ġara.

 

Il-Knisja hi Dawl, u dak li jagħti d-Dawl dejjem hu ċkejken li jokkupa spazju żgħir fil-kamra, bħall-bozza jew il-musbieħ.  Il-Knisja hi Melħ li jagħti t-togħma lill-borma u wkoll kien jikkonserva biex l-ikel ma jitħassarx.  Imma bħalma nafu li ħafna melħ jagħmel ħsara u ma jaqdix il-missjoni tiegħu.  borma kbira, ftit melħ.  Dawn iż-żewġ eżempji li ġab Kristu huma ċari.  Il-patata, il-pastard, il-fażola, il-basal... ma jsirux melħ imma jibqgħu dak li huma, iżda b’xi mod jinbidlu, toħroġ minnhom togħma ferm ikbar!  Din hi l-Missjoni tal-Knisja li enfasiżża tant il-Konċilju Vatikan II fid-dokument “Lemen Gentium”.

 

Knisja umli taċċetta li tkun ċkejkna imma l-Fidi tagħha fir-Rebħa ta’ Kristu, fil-Misteru tal-Għid tiegħu, tinfluwenza lill-oħrajn.  Bniedem li mhux Nisrani, imma li għandu sieħbu fuq ix-xogħol li hu Nisrani u li jimpressjonah bl-imġieba tiegħu, tista’ ttajru karozza, u f’dak il-mument terribbli, hu jsejjaħ l-Isem tal-Mulej Ġesù, bħalma għamel il-ħalliel it-tajjeb, u jsalva!  Ikun salva mhux għax hu Nisrani imma għax maġenbu kellu Knisja li dawlitu xi ftit, li melħitu.

 

Knisja li tmut biex “l-ieħor” jgħix

 

Kristu miet biex in-Nisrani jgħix għal dejjem.  Hu ta ruħu biex titwieled Knisja.  Id-Dawl jinħela biex idawwal.  Il-Melħ isir xejn, ma jidhirx iktar biex jagħti togħma.  Hekk tinħadem is-salvazzjoni tad-dinja.  Knisja li tmut għall-“ieħor” imma li tgħix għal dejjem fl-istess ħin.

 

Il-Liturġija tal-Kelma għal-lum:

 

Qari I

Ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek.

Is 58, 7-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Mhux dan is-sawm li jiena rrid

li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,

u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?

Mhux li tlibbes lil min tara għarwien,

u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

 

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,

u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.

Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,

u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

 

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;

jekk tgħajjatlu, jgħidlek: “Hawn jien!”

Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,

ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek,

jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,

u xxabba’ qalb l-imnikket,

imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,

u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 111 (112), 4-5.6-7.8a.9

 

R/. (4a): Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin

 

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. R/.

 

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.

Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;

qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej. R/.

 

Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’.

Iqassam u jagħti lill-foqra;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;

rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

 

Qari II

Ħabbartilkom ix-xhieda ta’ Kristu msallab

1 Kor 2, 1-5

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab. Jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed. Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;

min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Intom id-dawl tad-dinja.

Mt 5, 13-16

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

 

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 
< Prev   Next >