Din
hija il- Liturgija tas-Sitt Hadd ta' matul is-sena (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Bin Sirak, li minnu
l-Knisja tislet l-Ewwel Qari tal-lum, jgħid: “Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma; liema trid minnhom, midd idek
għalih.” (Sir. 15, 16). In-nar u l-ilma huma l-Mewt u l-Ħajja. Poġġa quddiemna l-għażla meta wriena r-Rieda
tiegħu x’inhi, wriena fejn hi l-Qdusija, kixfilna fejn hemm il-Ħajja vera, meta
ta lill-bniedem l-“Għaxar Kelmiet tal-Ħajja”, jew l-Għaxar Kmandamenti. L-awtur
jagħfas ħafna fuq il-libertà tal-bniedem quddiem din l-għażla.
Bin Sirak jidher li
jagħmilha sempliċi ż-żejjed din l-għażla!
Hu faċli, anzi naturali, li tagħżel l-ilma min-nar! Għaliex, mela, l-bniedem jiżbalja tant u
qajla jirnexxilu jagħżel il-Ħajja minflok il-Mewt? L-għala, f’ħafna ċirkostanzi jidher tant
diffiċli li wieħed jagħmel ir-Rieda ta’ Alla, u jibża’ li din flok se tagħtih
il-Ħajja se ddewqu l-Mewt, il-persekuzzjoni, it-twaqqigħ għaċ-ċajt... Hu jibża’
li tisraqlu l-gost tal-Ħajja; li tagħmlu differenti, meta l-bniedem hu gregarju,
iħobb ikun parti minn merħla, mhux maqtugħ għalih waħdu.
Alla ħalaq lill-bniedem
tassew ħieles, u ma setax ma joħolqux hekk ladarba Alla hu Mħabba. Imma xi ġralu l-bniedem biex it-triq t’Alla
saret għalih prova? Kristu nnifsu ma
jarax ‘it-tajjeb’ daqshekk ħafif bħal Bin Sirak, anzi jgħid bla tlaqliq: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’
l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu
minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u
dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mt. 7,
13-14).
Għaliex Alla sar tant
diffiċli? Għaliex kulħadd għandu
x’jagħmel, jew għajjien, jew m’għandux moħħ quddiem stedina biex jikber
fl-għarfien ta’ fejn hi l-vera Ħajja, il-veru Ferħ? Il-bniedem mhux miġnun u,
fil-fond, jixtieq jagħmel it-tajjeb, imma Bin Sirak, mill-ġdid, jgħid: “Min jobgħod xi ħaġa ma jagħmilhiex.” (Sir.
15, 11). Għaliex mela, meta kulħadd
jixtieq il-paċi, tara l-inkwiet u n-nuqqas ta’ qbil kull fejn tħares, ħafna
drabi anke fil-Knisja stess? Huwa ċar li
l-ħelsien li ta Alla lill-bniedem fil-bidu, issa huwa kkundizzjonat
tassew. L-ispirtu tal-bniedem hu ferut u
San Pawl jgħid: Naf li mhux dak li rrid
nagħmel iżda dak li ma rridx... Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li
nagħmel it-tajjeb mhux hemm. M’inix
nagħmel it-tajjeb li rrid imma l-ħażin li ma rridx.” (Rum. 7, 15w). Hawn San Pawl qed jitkellem fuq il-qagħda
tal-bniedem li għadu ma sabx lil Kristu.
Infatti Kristu ġie biex joħroġ lill-bniedem minn din il-kundizzjoni
tal-bniedem il-qadim, tan-natura mwaqqa’ li wiret f’ġuf ommu mid-dnub ta’ Adam
’il hawn.
Għax dak li qatel
lill-bniedem huwa li, f’waqt wieħed, tilef l-innoċenza tiegħu u ma baqax jafda
lil Alla. Hu jaf li għandu bżonn Alla,
imma minnu nnifsu ma jistax iħobbu għax l-għadu jinterpretalu l-Istorja tiegħu
u jikkonvinċih li Alla mhux Imħabba, li l-Ħajja hi ddominata mix-“xorti”, li ma
tafx x’se ssib wara l-kantuniera. Din
il-prekarjetà, din l-insigurtà, l-bniedem ma jiflaħx għaliha. Fuq kollox ma jiflaħx għall-fatt li jrid
imut, jisparixxi, jgħib. Il-bniedem ma
jridx imut, imma m’hemmx verità iktar ċerta mill-Mewt. Dan kollu jwebbislu
qalbu, u jagħmilhielu mpossibbli li jħobb lil min jheddu, lil min hu rival,
lill-proxxmu. “U jekk Alla ma jeżistix?”
jgħidlek...
Din hi xi ftit in-natura
marida, mwaqqa, feruta li biha twelidna.
Lil dan il-bniedem inutli tagħmillu liġijiet u toppridkalu l-morali. Sa ċertu punt kapaċi jasal u l-bniedem,
bl-isforzi tiegħu, ġie li jwettaq ħwejjeġ kbar, imma hu m’għandux il-Ħajja
ġewwa fih u dak kollu li jagħmel għandu fih is-susa tal-mewt. Ma jistax jagħmel
opri tal-Ħajja ta’ Dejjem. Hemm limitu
fejn jista’ jasal, u dan mhux tort tiegħu.
Minħabba l-biża’ tal-Mewt (ara
Lhud 2, 14-15), huwa mjassar u l-ilsir ikollu jagħmel dak li hu ordnat minn
sidu, f’dan il-każ ix-xitan.
Hawn nibdew nifhmu xi ftit
il-kliem misterjuż li Kristu jgħid lil Nikodemu fil-qalba tal-lejl (lejl =
dlamijiet = Mewt): “Tassew tassew
ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.” (Ġw. 3, 3). Kristu kien qed ikellem lil raġel “tajjeb” li
b’ħiltu kollha kien qed jipprova jobdi l-Liġi. Id-dinja mimlija nies ingannati
fuqhom infushom. Din hi l-problema kbira
li Alla għandu bina. Għalhekk Ġesù kien
itenni li l-pubblikani u l-prostituti kienu se jidħlu fis-Saltna iktar
faċilment. Dnubhom kien jidher. Għandna
manija, ferneżija li nlibbsu din in-natura mejta, qattiela li biha twelidna,
il-bniedem il-qadim, bi lbies pulit biex naħbulu taħt xi opri twajba r-rejalta
tal-marda tal-ġdiem li għandu minn taħt.
Mhux għalhekk lil wieħed tgħidlu kelma bla intenzjoni ħażina u tweġġgħu
biha? Aħna mimlijin ġrieħi moħbija u
faċli li wieħed, bla ma jinduna, jagħfas fuq xi ġerħa b’kelma żejda u
mmutu. Litteralment immutu. Din il-Mewt kapaċi twasslek biex toqtol!
“Imma Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu
l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’
dejjem.” (Ġw. 3, 16). Alla biss jafna. Iktar minna jaf li twelidna “mejtin”. Hu tana l-Liġi biex nindunaw li aħna
mejtin! Tana l-Kelmiet tal-Ħajja biex
niskopru li lkoll midinbin u bla saħħa li nkunu ġusti, ħielsa, qaddisa...
jiġifieri “ħajjin”. Min minna għandu
l-ħila jobdi l-Liġi sħiħa jew jgħix id-Diskors tal-Muntanja?? Is-sens li San
Pawl jara fil-għoti tal-Liġi lil Iżrael hu li quddiem il-Liġi, Iżrael u aħna
lkoll nindunaw li għandna bżonn ta’ Salvazzjoni serja, ta’ Twelid Ġdid. Minħabba f’hekk Alla ma jiġġudikaniex. “Għax
Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex
id-dinja ssalva permezz tiegħu.” (Ġw. 3,
17).
Ekku l-Imħabba u l-għożża
ta’ Alla! Fi Kristu joffrielna Twelid
Ġdid għal natura ġdida, Bniedem Ġdid li kapaċi jgħix il-Liġi u d-Diskors
tal-Muntanja b’mod naturali. Is-siġra tinagħraf
mill-frott tagħa! Il-bniedem irid
jikkopera billi jemmen li hu tant jiswa li l-Missier bagħat lil Ibnu biex
ibati, jmut u jirbaħ il-Mewt espressament għalih! Daqshekk hi serja l-qagħda ta’ kull wieħed
minna! Min jemmen f’dan, Alla jagħtih
l-Ispirtu tiegħU, in-natura tiegħU rebbieħa fuq il-Mewt u fuq dak kollu li
jbeżżagħna u jagħmilna kostretti nidinbu.
Dan hu l-Għerf li għandu
bżonn il-bniedem: li jagħraf il-qawwa ta’ Kristu mhux għax mgħallem dwarha
imma għax hi preżenti fih. Fuq
Kristu nparlaw ħafna imma biżżejjed Kelma waħda ‘underlined’ mill-Ispirtu
s-Santu u int tibda tgħix għall-ewwel darba. Dan hu l-Għerf moħbi f’misteru, li Alla fassal qabel
iż-żmien għall-glorja tagħna. Aħna nħabbru “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt
ma semgħet”, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal
dawk li jħobbuh.” (1 Kor. 2, 7w).
Dan l-Għerf jitfi l-għerf li jgħallmu l-universitajiet u li aħna nużawh
biex nakkwistaw x’nonfqu, x’nilbsu u x’nieklu, imma kemm nies jaħarqu
l-enerġija tagħhom biex jakkwistaw dan u mhux l-ieħor!
Kelma tal-aħħar: il-Vanġelu tal-lum mhux
Liġi imma ritratt tan-Nisrani, ritratt ta’ dak li tnisslet fih in-natura
l-ġdida li Alla wegħedna fil-Magħmudija.
Huwa r-ritratt tal-bniedem ‘Ħaj’ tassew.
Din il-Ħajja Ġdida hi tagħna b’wirt għax akkwistaha għalina l-Mulej
Ġesù. Hija opra tiegħu u mhux tagħna.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum:
Qari I
Lil ħadd ma rħielu jidneb.
Sir 15, 15-20
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak
Jekk trid tista’ tħares il-kmandamenti,
u b’rieda tajba tista’ tkun fidil.
Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;
liema trid minnhom, midd idek għalih.
Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt,
u liema tixtieq qalbu lesta għalih.
Għax għerf il-Mulej hu bla qjies,
qawwi f’setegħtu u jara kollox.
Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu,
u jagħraf kull ma jagħmel il-bniedem.
Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,
u lil ħadd ma rħielu jidneb.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 1-2.4-5.17-18.33-34
R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi
tal-Mulej
Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
u li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.
Int tajt il-preċetti tiegħek,
biex inħarsuhom bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek! R/.
Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek,
agħtini li ngħix u nħares il-kelma tiegħek.
Iftaħli għajnejja,
biex nara l-għeġubijiet tal-liġi tiegħek. R/.
Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti
tiegħek;
jiena rrid nibqa’ fiha sa l-aħħar.
Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.
Qari II
Alla fassal il-għerf mill-bidunett għas-sebħ
tagħna.
1 Kor 2, 6-10
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, aħna ngħallmu l-għerf fost dawk li huma
perfetti, imma mhux l-għerf ta’ din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta’
din id-dinja, li se jintemmu fix-xejn. Ngħallmu l-għerf ta’ Alla moħbi
f’misteru, li Alla fassal qabel iż-żmien għall-glorja tagħna.
Ebda wieħed mill-mexxejja ta’ din id-dinja ma
għarfu; kieku għarfuh, qatt ma kienu se jsallbu lill-Mulej tal-glorja.
Imma, bħalma hu miktub: “Dak li għajn qatt ma
rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bnedmin, dak
Alla lesta għal dawk li jħobbuh”.
Alla rrivelahulna permezz tal-Ispirtu; għax
l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom
liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Fl-imgħoddi hekk intqal, imma jiena
ngħidilkom.
Mt 5, 17-37
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew
il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja
tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas
l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.
Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u
jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ
l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min
iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet. Ngħidilkom
li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u
l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx.
Jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna”. Imma jiena ngħidilkom li l-kundanna
tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh
jgħidlu: “Ġifa,” ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah,”
ikun ħaqqu n-nar tal-infern.
Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta
tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli
l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u
mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu
bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma
jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib
ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast
l-aħħar tliet ħabbiet.
Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju”. Imma
jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel
adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’
dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk
tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U
jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l
bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn
ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll: “Min jibgħat lil martu jkollu
jagħtiha l-kitba tad-divorzju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil
martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha l-adulterju; u min jiżżewweġ
waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.
Smajtu wkoll xi ntqal lin-nies ta’ dari:
“Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu”.
Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’
Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex
hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex
inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa
jkun id-diskors tagħkom: “iva, iva”; “le, le”; kull ma hu iżjed minn hekk ikun
ġej mill-Ħażin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|