Wednesday, 05 August 2020
           
Home
IS-SEBA’ HADD MATUL IS-SENA (2020) ID-DISKORS TAL-MUNTANJA: RIGAL MHUX LIGI PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 22 February 2020

Din hija il- Liturgija tas-Seba' Hadd  ta' matul is-sena (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 lord-jesus-preaching.jpg

 

Għalina hu diffiċli ngħarfu li l-Magħmudija hi proċess, bħalma l-Fidi hija “vjaġġ”.  Aħna mdorrijin bil-Magħmudija tat-trabi u naħsbu li din hi xi ħaġa tal-maġija: la darba għammduna, sirna Nsara; meta l-verità hi li hemm proċess, vjaġġ li fihom iridu jikbru l-Magħmudija u l-Fidi.  hu veru li ġuridikament (skont ir-regoli) nistgħu nissejħu “Nsara” u għandna dritt għas-Sagramenti l-oħra, kif ukoll iniżżluna fir-registru tal-parroċċa biex inżidu l-biljuni ta’ Nsara fid-dinja.  Imma dan hu li jagħmilha diffiċli għal bosta li jifhmu x’inhi l-Magħmudija u x’differenza hemm bejn ir-reliġjożità naturali, li kulħadd għandu, u l-Fidi adulta Nisranija.

 

Naturalment, il-Knisja tgħammed lit-trabi għax isserraħ moħħha li l-ġenituri għandhom Fidi biżżejjed tant li kapaċi jgħinu fil-proċess tal-Magħmudija ta’ wliedhom.  Ħafna, dan id-dmir, ma jagħtuhx importanza u jfarfru r-responsabiltà fuq il-qassis jew il-katekista tad-duttrina.

 

 

Biex nifhmu l-Kelma nagħrfu li aħna fi proċess

 

Dan kollu għalfejn qed ngħiduh?  Għax mingħajr persepttiva ta’ proċess (fl-antik: katekumenali) qajla nifhmuha l-Kelma ta’ Alla.  Alla juri ruħu bil-mod il-mod lil Iżrael, u l-istess jagħmel man-Nisrani.  Abraham kien politeista (jemmen f’ħafna allat) u fil-bidu Alla ma jgħidlux li Hu kien l-uniku Allam imma biss li huwa l-aqwa fosthom.  Li huwa l-Waħdieni urihulu aktar tard.  Lil Mosè Alla ma wissihx li għandu jħobb lill-għadu.  Kif seta’ Iżrael jifhimha din meta l-eżistenza tiegħu kienet tiddependi f’li jirbaħ il-gwerer u jeqred lill-għadu?  Imma meta waslet il-milja taż-żmien, deher il-Messija u wera li l-Ħajja vera hi li tinagħtalek is-setgħa mingħand Alla li tħobb, tħobb, tħobb saħansitra lill-għadu.

 

Il-bniedem il-ġdid iwettaq id-Diskors tal-Muntanja

 

Hemm qabża kbira, abbiss, bejn dak li se jgħidilna l-Levitiku llum u dak li nsibu fid-Diskors tal-Muntanja fil-Vanġelu li ġej.  L-Vangeli nkitbu minn Knisja kmieni fl-Istorja tagħha meta kienet imsejsa fuq sistema katekumenali ta’ tħejjija progressiva lejn il-Magħmudija.  Il-Vanġeli nkitbu b’din il-mentalità ta’ nies mexjin lejn għarfien dejjem ikbar tal-Mulej Ġesù u għalhekk kienu jistennew li għada se jinagħtaw Spirtu aqwa milli kellhom il-bieraħ. Għalhekk noqogħdu attenti!  Id-Diskors tal-Muntanja (Mattew Kapitli 5, 6 u 7. Aqrawhom xi darba!) mhux Liġi li jekk tobdiha inti tajjeb u jekk le int ħażin.  Alla jaf min aħna u jaf li skont in-natura tagħna hu mpossibbli li nwettquh.  Dan id-Diskors ta’ Kristu hu rigal, anzi ritratt ta’ x’jixtieq jagħmel Hu fina.  Iktar kemm tikber il-Magħmudija fina iktar jegħreq il-bniedem il-qadim u iktar jitwieled il-bniedem il-ġdid, xbieha ta’ Kristu.  Huwa dan il-bniedem il-ġdid li kapaċi “jgħix” id-Diskors tal-Muntanja, anzi dan id-Diskors huwa ritratt tiegħu!

 

Id-Diskors tal-Muntanja jitlob Magħmudija li seħħet fil-milja tagħha fina, jiġifieri n-natura li ma tistax twettqu għerqet u mietet fl-ilma battezimali, waqt li minflokha twieled Kristu fina, Kristu adult.  Dan jieħu ż-żmien!  L-għaxar xebbiet raqdu jistennew lill-Għarus, imma ħamsa minnhom x’ħin ġew imqajma kellhom iż-żejt...

 

Kull min jixtieq jagħraf dejjem iktar l-Imħabba mmensa u eterna ta’ Alla għalih, jaf li jinsab fi vjaġġ, fi proċess, f’moviment lejn il-bniedem ta’ dan id-Diskors ta’ Kristu.  Għax dan id-Diskors twettqu biss l-Imħabba ta’ Alla.

 

Jekk taħseb li bil-ponnijiet tiegħek tasal, miskin int!

 

L-alternattiva għal dan hu li int taħseb li wasalt għax int “tal-knisja” u allura timmaġina li suppost tagħmel hekk u hekk... u meta ma jirnexxilekx, anke jekk tinqered bl-isforzi u t-tqanżiħ, timtela tilja frustrazzjoni, tibgħat kollox jixxejjer u tgħid: “Jien m’inix Ġesù Kristu!”  Il-verità hi li dan kollu Ġesù qalu lil nies normali, tax-xogħol, miżżewġin bit-tfal, bil-problemi normali ta’ kif se jitimgħu lil uliedhom u jipprovdulhom saqaf fuq rashom. Patrijiet ma kinux jeżistu u lanqas qassisin u isqfijiet...

 

Għall-kuntrarju, l-fatt li Kristu jgħidlek: “Jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta... dawwarlu l-ieħor ukoll... ħobbu lill-għedewwa tagħkom... kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom... (Mt. 5), dan kollu hu AĦBAR TAJBA għalik!!  Biex inġib eżempju: jiena ċappa tafal, bla sura, kollha żrar u ħmieġ.  Imma Alla (il-Fuħħari) jersaq lejja u jurini ritratt ta’ vażun tal-għaġeb, sabiħ, kollu kuluri li jgħammxu, u jgħidli: “Minnek jien se nagħmel dan!”  Dan kollu Alla jixtieq iwettqu magħna bi Grazzja, bla ma hu mitlub xejn minna ħlief li ngħidulu “Iva!”  Hu tant hu sensittiv u jirrispetta l-libertà tagħna li jistenna l-permess mingħandna biex jibda jaħdem, bħalma stennieh mingħand Ommna l-Verġni Marija.

 

Hu dan ix-xogħol ta’ Alla fina (li hu l-proċess tal-Magħmudija) li jagħmilna Tempju ta’ Alla (ara 1 Kor. 3, 16) fejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu li hu l-Imħabba u l-Ħajja għal Dejjem.  Nifirħu, għax aħna msejħin għal ħwejjeġ kbar ħafna!

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

Lev 19, 1-2.17-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Levitku

 

Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael: “Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.

 

La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu.

La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej””.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.8.10.12-13

 

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

 

Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u bil-ħniena. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

 

Daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.

Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,

hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.

 

Qari II

Kollox tagħkom; u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

1 Kor 3, 16-23

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom. Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: “Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom; u terġa’: “Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief”.

 

Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin, għax kollox hu tagħkom: sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Ġw 2, 5

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Kull min iżomm il-kelma ta’ Kristu,

fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.

Mt 5, 38-48

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu xi ntqal: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

 

Smajtu xi ntqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

 

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Saturday, 22 February 2020 )
 
< Prev   Next >