Din
hija il- Liturgija ta' l-ewwel Hadd ta'r-Randan (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Ir-Randan huwa triq twila
erbgħin jum lejn l-ikbar manifestazzjoni ta’ Alla, l-ikbar wirja, rivelazzjoni
tiegħu. Jekk trid tkun taf Alla min hu
ħares lejn Kristu msallab, imma mhux imsallab biss iżda wkoll rebbieħ fuq dak
kollu li joqtol u jkidd lill-bniedem.
Dan hu Alla. Alla wera ruħu
lill-bniedem f’Ibnu msallab għall-għadu tiegħu u mqajjem mill-Mewt biex ineħħi
l-Gidba setagħna li tgħammar fis-subkonxju tiegħu dwar il-Ħajja ta’
Dejjem. Il-bniedem imdawwal minn Alla
huwa dak li jagħraf li d-dnub tiegħu mhux talli ma firdux mill-Imħabba ta’ min
ħalqu, imma kien il-kaġun li ġagħlu jinduna kemm hi kbira din l-Imħabba
għalih. Bħalma tkanta l-Knisja fil-Velja
glorjuża tal-Għid: “Xi ħtija hienja li stħaqqilha Feddej kbir bħal dan!” Dan huwa l-kliem li tasal għalih il-Knisja
fl-esperjenza meraviljuża tal-għoli, il-fond u l-wisa’ tal-Imħabba ta’ Alla.
Jien min jien?
Kemm hi mportanti din
il-mistoqsija! Ir-Randan jiġi biex, jekk
ifisser xi ħaġa għalina, jpoġġina f’qagħda li nistaqsu mistoqsijiet importanti u
diffiċli. Min qatt ma jistaqsi xejn hu
bniedem fis-sakra, iddrogat, aljenat u qed jaħraq ħajtu fix-xejn. Jien min jien? Bażikament il-Kristjaneżmu kollu hu tweġiba
għal din il-mistoqsija u jekk ma nagħrafx jien min jien ma nistax nagħraf
il-Kristjaneżmu, ma naf xejn minnu, jien biss bniedem “reliġjuż” bħal wieħed
Mislem, Buddist, Lhudi, Ħindu u l-bqija.
Jien min jien? Qaluli minn mindu
kont żgħir li Kristu, Alla nnifsu liebes laħam bħal tiegħi, bata torturi sa ma
qatluh imdendel minn imsiemer ma żokk ta’ siġra għalija. Propju għalija! Għaliex?
Għall-bosta, dan hu
diffiċli biex jinftiehem u hekk nibqgħu barra mill-Misteru tal-Għid
tal-Mulej. Trid tkun il-Grazzja biex
jien nibda nagħraf jien min jien u x’inhi, mela, l-qagħda tiegħi biex kien hemm
bżonn li Alla jinżel biex jgħaddi minn dan kollu għalija. Huwa min jagħraf lilu nnifsu jasal biex
jagħraf ukoll l-Imħabba kbira ta’ Alla u l-għotja tiegħU. Huwa dan l-għarfien biss u biss li tislet
minn ġo qalb il-bniedem l-Imħabba lejn Alla u l-proxxmu. Il-mara midinba li ħaslet saqajn Kristu
bil-fwejjaħ hija l-Knisja li tagħraf hi min hi u x’għamel l-Għarus tagħha
għaliha, waqt li l-Fariżew huwa l-bniedem “reliġjuż” kemm tridu imma li qatt ma
jasal biex jinduna x’għamel għalih Alla għax ma għarafx hu min hu tassew.
Jiena Adam!
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum titfa’ dawl impressjonanti fuq il-mistoqsija li qegħdin nagħmlu, imma
għandna bżonn l-Ispirtu s-Santu biex jiftħilna l-għajnejn ta’ qalbna biex
nagħrfuh. Jiena ħriġt minn Adam u għandi
l-istess natura tiegħu. Hu ġie maħluq
bniedem innoċenti, bħat-tfal iż-żgħar.
Tifel żgħir ma jistax jidneb għax ma jafx x’inhu t-tajjeb u
l-ħażin. Din hi l-innoċenza. Adam tilifha għal dejjem meta l-“għerf” li
tagħtu s-“siġra” ġagħlu jissuspetta li Alla ħalqu limitat għax beża’ li jsir
bħalu u jeħdlu postu! Tilef il-Ħajja
għax il-Ħajja hi l-Imħabba u l-Imħabba hija Alla! M’hemmx Imħabba fejn jidħol is-suspett,
id-dubju, u la m’hemmx iktar l-Imħabba, hemm il-Mewt għax l-Imħabba biss hi
l-Ħajja.
Adam sar bniedem
“mejjet”. Beda jmut fiżikament, imma
Mewt iktar ħarxa hija eżistenza mneżża’ mill-Imħabba. Flokha jidħol l-egoiżmu, il-biża’ tal-Mewt,
l-insigurtà. Kull relazzjoni mibnija
mill-bniedem fija din is-susa ta’ “x’se nieħu jien?” Mhux għax il-bniedem hu ħażin. Ma nkunux moralisti! Kristu ma
ġiex fid-dinja biex jikkundanna lid-dinja imma biex isalvaha. (Ġw. 3). Il-bniedem sab ruħu mjassar. Jien bniedem
imjassar li ma nistax inħobb lil hemm minn ċertu limitu fejn tidħol Mewt
għalija. Ma nistax. Irrid imma ma nistax (ara Rum 7). F’ġuf ommi ġejt imsawwar b’natura li writt
minn Adam. Ġejt ikkundizzjonat. Bdejt neżisti imma ma nistax ngħix. Kull mara li titqal, titqal bit-taħsir ta’
Adam. Anke meta naħseb li jien tajjeb,
anke meta nagħmel xi għemil tajjeb (u l-bniedem kapaċi jasal biex iwettaq
għemejjel tajbin), jien xorta mejjet. Ma
nistax inħobbok meta int toqtolni, meta b’kelma waħda titfagħni fl-inkwiet,
meta int rival, meta int għadu. Il-Ħajja
vera hi l-Imħabba, imma jien ma nistax inħobb bis-saħħa tiegħi (ara Mt. 5, 6 u 7).
Hu għalhekk li l-kultura
moderna tal-punent tħeġġeġ lill-bniedem biex jistkenn fl-individwaliżmu,
fl-indipendenza, f’li jkun “waħdu” għax l-ieħor, skont din il-filosofija, hu
“l-infern”. Hu għalhekk li ż-żwieġ
dejjiemi sar terrur u l-istess kull rabta oħra ma’ “l-ieħor”.
It-tliet ktajjen
tal-bniedem
Hu mportanti li nagħrfu dan
il-jasar, mhux biex inkunu negattivi.
Altru! M’hemmx ferħ fi Kristu
għal min ma jindunax bil-qagħda mwiergħa tiegħu. Dan ngħiduh u nerġgħu ngħiduh. Kif se temmen li Kristu hu l-akbar Aħbar
Tajba li tista’ qatt tirċievi f’ħajtek, jekk int ma temminx li għandek bżonnha;
li minnha jiddependi jekk tgħixx għal dejjem jew tmutx għal dejjem?
L-esperjenza ta’ Kristu
fid-deżert hija “eye-opener”. Hu tgħabba
b’dak kollu li hu l-bniedem, b’dak kollu li qed nitkellmu fuqu, u din in-natura
tagħna ġarritu lejn il-Mewt, bħalma ġġorr lilna. Imma Hu għalhekk ġie, biex jiftaħ triq lejn
ħruġ minn dan il-jasar. Hu rebaħ il-Mewt
għalina! Mhux aħna nirbħuha, imma huwa
Hu li rebaħha għalina. Hu kisser
il-ktajjen, it-tliet ktajjen tad-dnub biex, fiH u biH, anke aħna nsiru
ġusti. Dawn huma l-ktajjen tal-“ħobż”,
tal-“Istorja”, u tal-“idoli”.
Il-ħobż
Il-bniedem jibża’ mill-ġuħ,
minn kull tip ta’ tbatija. Hemm gidba
fuq it-tbatija. Mhix it-tbatija li
toqtol lill-bniedem, imma in-“non-sens” tagħha. Bniedem dilettant tal-insib
iqum kmieni, anke fil-ksieħ, għax jara sens f’dik it-tbatija, imma mur qajmu għalxejn
u tara kif jirribella. L-iktar ħaġa li
tagħti sens lit-tbatija hija l-Kelma ta’ Alla li timlik bil-fiduċja. It-tbatija hija l-melħ li jagħti togħma
lill-Ħajja u fiha l-bniedem jinduna kemm hu dgħajjef imma fiha wkoll jiltaqa’
ma’ Alla li jħobbu. Dan hu misteru kbir.
L-Istorja
In-natura tagħna qatt mhi
kuntenta. Dejjem tiġri wara l-karrotta.
Xejn ma jissodisfaha. Dejjem
jonqos xi ħaġa! Li kieku, lkoll kemm
aħna, ninagħtaw li għal żewġ minuti biss insiru “Alla”, kieku lkoll nibdlu
l-Istorja tagħna kemm nifilħu. Ġesù ġie
biex ifalli. L-għadu stiednu
għas-suċċess. Aħna nittantaw lil Alla
biex jagħmel il-mirakli, imbagħad nemmnu fiH.
Il-kelma “Grazzja” dawwarniha, ħelu ħelu, f’rabta ma’ din il-ħajja hawn,
meta hija xi ħaġa ferm ikbar. L-Istorja li nixtiequ nibdlu hija tentazzjoni
biex niċħdu lil Alla u nidgħu biH! Min
minna jemmen li Alla hu Sid l-Istorja tagħna u li hi hija l-isbaħ waħda li
tgħodd għalina?
L-idoli
Il-bniedem huwa annimal
reliġjuż. Huwa ħlejqa li fiha hemm
miżrugħa minn Alla l-impuls għar-“reliġjon”, il-bżonn li jsib lil “Alla”. Ħafna jużaw dan l-impuls, dan l-istint naturali
biex flok ifittex lil Alla, jivvinta allat għalih. Bla ma nafu nkunu qed ninżlu għarkupptejna
quddiem satana bħalma ġie mħajjar jagħmel Kristu! Meta ma jittamax f’Alla l-veru, l-bniedem
jimla ħajtu b’allat oħra għax ma jistax jgħix mingħajr xi “alla”. Id-dinja mimlija allat u inutli noqogħdu
nsemmuhom. Anke ħwejjeġ tajba jsiru
allat jekk huma mportanti iktar minn Alla.
Żagħzugħ għani ma kienx jaf
li kellu “alla” oħxon daqsxhiex. Kien
twajjeb imma ma kienx kuntent. Għaliex,
tgħid? Kristu qallu: “Biegħ ġidek u
agħtih lill-foqra.” Telaq ’l hemm. Il-flus kienu l-“alla” tiegħu. Almenu issa kien jaf l-għaliex ma kienx
kuntent.
Dawn huma t-tliet ktajjen
ħoxnin li jorbtu lill-bniedem biex ma jagħmilx dak li fil-fond jixtieq
jagħmel. Fi Kristu biss hija t-Tama
tagħna!
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum.
Qari I
Il-ħolqien ta’ Adam u Eva, u d-dnub tagħhom.
Ġen 2, 7-9; 3, 1-7
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art
u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja. U l-Mulej
Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li
kien sawwar. U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u
bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif
it-tajjeb u l-ħażin.
Is-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost
l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara:
“Tassew li Alla qalilkom: “La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien?”. U l-mara
wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott
li hemm f’nofs il-ġnien, Alla qalilna: “La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom
tmissuh, inkella tmutu”.
U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux.
Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal
allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin”. U l-mara rat li s-siġra kienet tajba
għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet
mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. U
nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u
għamlu iħżma.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 50 (51), 3-4.5-6a.12-13. 14 u 17
R/. (ara 3a): Ħenn għalina Mulej, għaliex dnibna
Ikollok ħniena minni, O Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.
Għax jien nagħrafhom ħtijieti;
id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.
Kontrik biss jiena dnibt,
u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.
Oħloq fija qalb safja, O Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Iftaħli xufftejja, Sidi,
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek. R/.
Qari II
Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot
il-grazzja.
Rum 5, 12-19
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, kien permezz ta’ bniedem wieħed li
fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet
il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu. Kienet għada ma waslitx il-Liġi, id-dnub
kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm.
Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, imqar fuq dawk li ma waqgħux
fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi. Imma
d-don m’huwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra,
aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem
wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra. U d-don anqas ma hu
bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb; għax tassew, il-ġudizzju mogħti fuq
dnub wieħed, wassal sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal
għall-ġustifikazzjoni. Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt
permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u
d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù
Kristu.
Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet
il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed
waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja. Għax kif
bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll
bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 4b
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Ġesù jsum għal erbgħin jum u jiġġarrab mix-xitan.
Mt 4,1-11
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert
biex ix-xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u
fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li
dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux
bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa,
qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal
isfel; għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li
fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”.
Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx
lill-Mulej, Alla tiegħek”.
Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja
għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu:
“Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù:
“Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u
lilu biss taqdi”.
Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi
anġli u kienu jaqduh.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|