Friday, 03 April 2020
           
Home
IT-TIENI HADD TAR-RANDAN (2020) XSE NAGHMLU QUDDIEM IS-SEJHA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 07 March 2020

Din hija il- Liturgija ta't-tieni Hadd  ta'r-Randan (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 transfigurationbloch.jpg

 

L-Ewwel Ħadd tar-Randan tefa’ dawl fuq il-qagħda tal-bniedem, werriet tan-natura ta’ Adam li tilef l-innoċenza tiegħu, u hekk inżergħet is-susa tal-Mewt f’din in-natura tagħna.  Dan hu l-veru flaġell tal-bniedem.  Jiġru kemm jiġru traġedji, l-Omm tat-traġedji kollha hija l-waqgħa tal-bniedem fl-hekk imsejjaħ “Ġnien tal-Għeden”.  Kull bniedem huwa midneb għax kull bniedem jitwieled f’dell il-Mewt.  Isiru ħafna kampanji edukattivi biex titjieb l-imġieba tal-bniedem, u jissawru liġijiet biex jikkontrollawh.  Dawn kollha huma tajbin u jħallu dejjem effett pożittiv, imma l-bniedem għandu qalbu miġrugħa u hija qalbu li trid tinbidillu.  Il-biża’ tal-Mewt iwebbes qalb il-bniedem u l-ewwel reazzjoni ta’ Adam wara li dineb kien li jwaħħal f’martu, dik li qabel kien qal dwarha: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.”  (Ġen. 2, 23). 

 

It-tweġiba ta’ Alla għad-dnub.

 

Id-dnub dejjem joqtol u jġib tbatija fuq il-bniedem.  Mhux faċli temmnu dan, imma jekk wieħed iħares madwaru jara li huwa l-egoiżmu tal-bniedem li jikkawża tant faqar, tant gwerer, tant inġustizzji, tant żwiġijiet imfarrka u tbatija għat-tfal... saħansitra l-mard fiżiku jitnibbet minn nuqqas ta’ paċi f’qalb il-bniedem.

 

Quddiem dan it-tifrik kollu, Alla ma jweġibx b’xi kastig.  Il-kastig hu marbut awtomatikament mad-dnub.  Min jidneb jitlef is-sliem u m’hemmx x’tagħmel.  Hija t-tweġiba ta’ Alla li ssalva lill-bniedem.  It-tweġiba tiegħu hi li Hu jsejjaħ lill-bniedem biex jagħtih idu ħalli jmexxiħ ’il barra mill-jasar tiegħu.  Hemm Tama għall-bniedem!  Hemm Storja ta’ Salvazzjoni li hi kollha sejħat għalina biex nagħtu jdejna lil Alla ħalli jaħtafna u jiġbidna ’l fuq, għax aħna m’għandniex saħħa nqumu waħedna.

 

Abraham

 

Alla jsejjaħ lil Noe biex isalvah.  Hu jsejjaħ lil Abraham.  Meta jsejjaħ, Alla jkun qed jintervjeni, jidħol fl-Istorja.  Il-ħin kollu jagħmlu dan.  B’Abraham Hu żera’ l-Fidi fuq din l-art.  Minn Abraham ’il quddiem, il-bniedem beda jħares ’il fuq.  Jaqa’ u jqum; jaqa’ u jqum.  Abraham kellu widnejh miftuħa għas-Sejħa li qalbitlu ħajtu.  Alla kien “ħammillu” widnejh bl-Istorja li kien tah qabel, Storja ta’ ħafna suċċessi fin-negozju, fil-fama u r-rispett, imma li kienet immarkata minn falliment wieħed u totali.  Xtaq iben u martu ma setgħetx tagħtih tfal.

 

Widnejna, l-Mulej ikollu jħammilhom waħda sew għax illum ittarraxna bil-ġenn tad-dinja moderna.  Għandna ħajjitna mimlija lussu, u naqilgħu ħafna flus, u nonfqu fuq li nonfqu għax dawk li jaħkmu d-dinja għandhom leblieba biex dejjem jivvintaw ġugarelli ġodda li jiftħu l-aptit.  Minn ħaġa għall-oħra.  Qiesna mġienen.  Min se jisma’ l-leħen ta’ Alla f’dan l-istorbju kollu?

 

Abraham sema’ għax kien fallut.  Anke aħna, nisimgħu għax inkunu fallejna.  Għax ngħiduha kif inhi, naħdmu kemm naħdmu, naqilgħu kemm naqilgħu u nonfqu kemm nonfqu, xejn ma jwieġeb għall-id kiesħa li sikwit tagħfas madwar qalbna.  Hemm vojt misterjuż li ħadd u ħadd ma jista’ jiċħdu.  Aħna l-ġenerazzjoni li saret mgħallma kif taħbi l-uġigħ.  Dejjem bil-festi, imma l-verità hi oħra. Il-verità hi oħra.  Huwa Alla li falla lil Abraham u jfalli lili u lilek.  Kristu dawwar dahru fuq is-suċċess, kif rajna fil-Vanġelu tal-Ħadd li għadda, għax kien jaf li fil-falliment tinfetaħ it-triq tas-suċċess veru li hu r-rebħa fuq il-Mewt, u s-sliem dejjiemi tal-qalb.

 

Abraham qal “Iva!” għas-sejħa u mexa ’l barra mill-jasar ta’ qalbu.  Is-sejħa ta’ Abraham hija s-sejħa tagħna bħalma l-falliment tiegħu huwa l-falliment tagħna.  Min minna m’għandux dik ix-xi ħaġa li tonqsu u li saret ġerħa għalih?  U jekk jakkwistaha, araha tinbet ħaġa oħra.  Min minna m’għandux salib?  Huwa dan li jsalvana.  Bis-salib Alla jħaffer lil widnejna biex leħen is-Sejħa jirbombja u jqajjimna fuq riġlejna u nibdew nimxu lejn il-meravilji ta’ Alla.

 

Is-sejħa qaddisa tan-Nisrani.

 

Is-sejħa li għandi jien u għandek int hija li niskopru lil Ġesù Kristu.  Il-Missier jixtieq jikxfilna l-Misteru ta’ dak li wettaq għalina l-Mulej Ġesù biex aħna ngħarfu kemm aħna maħbubin minn Alla u hekk inserrħu rasna bih, nafdaw fih f’kull ċirkostanza u saħansitra jgħib minna l-biża’ tal-mewt, il-biża ta’ kull tip ta’ mewt minn ħajjitna, għax Alla hu l-Abba, il-Pa tagħna.  X’għeġubijiet hemm jistennewa minn din id-dinja stess jekk ngħarfu min hu Alla għalina, min hu Ġesù tassew.  Forsi ħafna naħsbu li nafuh lil Ġesù għax ilna nitgħallmu dwaru.  Tista’ tkun taf ħafna dettalji dwaru imma li tkun tafu jfisser tkun iltqajt miegħu, tkun għaraft għaliex spiċċa mdendel fuq salib minflokok u xi gwadan enormi għalik huwa l-Qawmien mill-mewt tiegħU.  Dawn huma ħwejjeġ tal-għaġeb li ħadd minna mhu kapaċi jinfiltra.  Imma teżisti l-Grazzja!

 

Għandna bżonn il-Grazzja.

 

S. Wistin jgħid: “Ħares madwarek u ara jekk hux kollox Grazzja!”  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jurini lil Ġesù biex inkun salv biH ġa minn hawn.  U dan mhux għax ħaqqni, għax nitlob ħafna, għax nagħmel il-penitenzi u niekol l-għatba tal-Knisja.  Dawn kollha huma ħwejjeġ tajbin imma il-Grazzja hi rigal mogħti b’xejn.  Tant hi kbira l-Grazzja li l-Missier jixtieq jagħtina li ħadd ma jista’ jaqlagħha b’tali mod li hi tkun il-ħlas għat-taħbit tagħna.  San Pawl jgħid ċar li l-Grazzja ta’ Alla li turina minn hu tassew Ġesù mhix paga li Alla jħallas lil min jaħdem.  Hi rigal mhux mistħoqq.  Hu sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu nnifsu.  (2 Tim. 1, 9).

 

Dan għandu jimliena bil-kuraġġ.  Għax anke jekk nidinbu sikwit għax writtna n-natura ta’ Adam, hu lest li jneħħi minn fuqna l-liebsa mċappsa bil-ħmieġ tad-dnub u jagħtina l-libsa l-bajda maħsula fid-Demm għażiż ta’ Kristu.  Abraham lanqas biss kien jafu, imma Alla għażlu u sejjaħlu.  Jista’ jkun li aħna, li aħna tant reliġjużi, lanqas biss nafuh lil Kristu, imma hu qed isejħilna biex jgħabbina bil-ġid tiegħu.

 

It-Tabor

 

Alla dejjem jissorprendi.  Id-dinja dan ma tafux.  Għaliha l-flus huma alla. Imma l-flus ma jixtrux il-Mewt.  Pietru qal: “Kemm hu sew li aħna hawn!”  (Mt. 17, 4).  Qal hekk għax għajnejh bdew “jaraw” tassew u “ra” għall-ewwel darba lil Ġesù, anke jekk kien ilu mat-tliet snin jiġri miegħu.  Fuq it-Tabor, mhux Kristu li nbidel.  Kristu dejjem kellu dik il-Glorja li hi r-rebħa fuq il-Mewt, il-Ħajja għal Dejjem.  Dejjem kien jgħammex, imma dan kollu kien moħbi min-nies għax ma kellhomx għajnejn imfejqa mill-qxur tad-dnub.  Il-qassisin il-kbar u l-iskribi u l-Fariżej, bl-isforzi kollha tagħhom, ma kellhomx għajnejn qaddisa biex jaraw lill-Qaddis.  Huma raw biss raġel kollu trab mill-ġiri tiegħu, ġej minn raħal minsi, bin mastrudaxxa, u li għalihom kien l-aktar bniedem prużuntus li qatt deher f’nofshom.

 

Għal mument, it-tliet appostli fuq it-Tabor ġew mogħtija l-Grazzja li “jaraw” lil Ġesù hekk  kif inhu.  Mhux li kien, mhux li kien, mhux li kien, li anke aħna ngħarfuh bħala il-waħdieni li jwieġeb għat-tħannin tagħna lkoll!  Xi Grazzja li jkollna għajnejn li jiskopru lil Ġesù u l-Imħabba tiegħu għalina.  Din hija s-Sejħa li l-Mulej qiegħed jagħmlilna.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

Is-sejħa ta’ Abram, missier il-poplu ta’ Alla.

Ġen 12, 1-4a

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Abram:

“Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek,

u minn dar missierek,

lejn l-art li jien nurik.

U jien nagħmlek ġens kbir,

inbierkek u nkabbarlek ismek,

u int tkun barka.

Jien inbierek lil min ibierkek,

u nisħet lil min jisħtek.

U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art”.

U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 4-5.18-19.20 u 22

 

R/. (22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna

 

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna. R/.

 

Qari II

Alla jsejħilna u jdawwalna.

2 Tim 1, 8b-10

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Għażiż, aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan tiegħu stess u skond il-grazzja tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù, imma dehret issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mk 9, 7

 

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Fi sħaba kollha dawl, leħen il-Missier instema’:

“Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Wiċċu sar jiddi bħax-xemx.

Mt 17, 1-9

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

 

Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >