Friday, 03 April 2020
           
Home
IT-TIELET HADD TAR-RANDAN (2020) L-GHATX GHALL-IMHABBA PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Saturday, 14 March 2020

Din hija il- Liturgija tat-tielet Hadd  ta'r-Randan (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

woman-of-the-well-glenda-stevens.jpg

 

Dan ir-Randan qiegħed ikellimna ħafna fuq il-qagħda tagħna, kemm aħna dgħajfin, kemm naħbu id-dgħufija tagħna, kemm għandna bżonn ta’ Salvazzjoni.  Wara l-flus li nġemmgħu, wara l-eżamijiet li ngħaddu minnhom u s-suċċessi tal-karriera, wara s-saħħa fiżika li tant nibżgħu għaliha, wara l-familja li nibnu, wara d-djar sbieħ u l-kumditajiet tal-ħajja moderna, wara l-fama u l-ħbieb li nagħmlu, wara l-pjanijiet kollha li għandna, hemm bniedem dgħajjef li malajr iweġġa’, li jibża’ mid-dgħufija tiegħu, li ma jridx juri hu min hu tassew, li hu dejjem bil-għatx biex ikun aċċettat u rispettat, biex ikun “bravu” u ta’ min ifaħħru... biex ikun maħbub.

 

Kull bniedem jibża’ li taqagħlu din is-satra li fiha jitkebbeb u l-oħrajn jarawh hekk kif inhu tassew.  Għax kull bniedem, fil-verità, hu bħal tifel żgħir li jitkarrab għall-Imħabba.  Saru esperimenti xjentifiċi fuq dan ma’ annimali: lil xi wħud bdew iżegħlu bihom u oħrajn ħallewhom waħedhom jagħtuhom biss x’jieklu.  Dawn tal-aħħar bdew imutu; fiżikament bdew imutu!

 

Donnu xejn ma jxebba’ lill-bniedem

 

Il-problema tal-bniedem hi li l-għatx li għandu donnu li xejn ma jaqtagħhulu.  L-iktar Imħabba għażiża li jista’ jkollu l-bniedem, dik tal-familja, tgħinu mmens u għalhekk lill-familja x-xitan jobogħdha u qiegħed jibni kultura ta’ individwaliżmu fejn qed ibellagħha li jekk tkun waħdek u ħadd ma jiksirlek rasek int tkun indipendenti, tagħmel li trid, għandek drittijiet kemm trid... u hekk jorbtok f’solitudni li ġġennek u li qegħda ssaltan fil-bliet tal-pajjiżi “progressivi”.  Imma anke fil-familja, l-bniedem xorta jibqa’ għalih, maqtugħ; b’xi mod hemm għerien mudlama fl-intern tiegħu fejn ħadd ma jista’ jinfed u jidħol u l-ebda dawl ma jikxef.

 

Il-bniedem għaref hu dak li jammetti dan kollu, jammetti li hu ċkejken quddiem l-Istorja u quddiem il-misteru tad-dlam li jikkundizzjonah u jġagħlu jagħmel li ma jridx.  Hu għaref il-bniedem li  jitkarrab għal salvazzjoni.  Bla ma jaf, dan il-bniedem hu tassew qrib Alla u qrib is-soluzzjoni għal dak kollu li jkiddu.  Teżisti Salvazzjoni!  U jeżisti Salvatur!  Din is-Salvazzjoni mhix qegħda f’dak li toffrilu d-dinja... ħwejjeġ kożmetiċi... ilma li ma jxebbax...  Lill-mara tas-Samarija, Kristu jgħidilha: “Oh, li kieku kont taf id-don ta’ Alla!”  (Ġw. 4, 10).

 

Alla jagħmel minn kollox biex jikkonvinċina

 

Fl-Eġittu, Iżrael ra b’għajnejh, bl-għajnejn fiżiċi tiegħu, l-għeġubijiet ta’ Alla.  Iżrael ra l-mirakli!  Ħafna jgħidu: “Kieku kellna naraw miraklu, nemmnu.”  Iżrael ra ħafna u dam biex emmen.  Poplu ta’ lsira, bla tama, mgħaffeġ taħt ħakma li ma kienx hemm bħalha f’dak iż-żmien... dan il-poplu ra l-ktajjen jaqgħulu, l-għassiesa jaħarbu, il-Fargħun jitlobhom jitolbu għalih, in-nies tal-post jagħtuhom rigali biex ifittxu jitilqu malajr, u saħansitra baħar jinferaq għalihom u jerġa lura f’postu għal dawk li kienu jobogħduhom.  Din kienet l-ikbar manifestazzjoni ta’ Alla li ried b’hekk isawwar poplu ta’ Fidi.  Iżrael ra b’għajnejh li Min ħalaq l-univers kien iħobbu! 

 

Imma dan il-poplu kien bata wisq.  Ma kienx faċli għalih jemmen li hu kien maħbub.  Alla jgħaddih mill-esperjenza tad-deżert biex jikkonvinċiħ.  Imma malli ħass l-għatx, il-poplu ġġennen.  Alla tradiena!  Ġabna fid-deżert biex joqtolna!  Aħjar bqajna fejn konna!  Is-solitudni u l-egoiżmu tal-bniedem mhux maħbub.  Jaħseb għal rasu għax ħadd mhu jaħseb għalih.  Mhux dan hu li hemm wara kull dnub li nagħmlu?  Nisimgħu ħafna dwar l-Imħabba ta’ Alla imma malli l-Istorja tixhed xort’oħra u ma nifhmux kif Alla hu Mħabba meta jippermetti ċerti ħwejjeġ jiġru, ġo fina jqum irvell għax inħossuna traduti... u nidgħu b’Alla.  “Il-Mulej fostna jew le?”  (Eż. 17, 7).  Iżrael ma ndunax li Alla kien qed idaħħlu fi provi u fi kriżijiet biex jurih li minn kollox kien se jeħilsu, u li l-Imħabba li biha kien maħbub kienet tissupera kollox, biex hekk jitgħallem ma jħabbilx moħħu imma jafda b’qalbu kollha fl-Imħabba li ħelsitu.

 

Dan hu l-mod li biha jimxi magħna Alla.  Iżrael huwa jien, huwa int, huwa aħna.  Alla jaf li m’hemmx mistrieħ għal qalbna jekk ma jirnexxilux jikkonvinċina li aħna maħbubin b’Imħabba li tmur lil hemm mill-Mewt u li hi eterna.  Għalhekk idaħħalna f’sitwazzjonijiet diffiċli fejn il-bniedem bil-fors ikollu jgħid li tassew Alla ħabbu dak in-nhar.  Fl-Għeden daħal dubju; Alla jitqabad permezz tal-Istorja biex jaqla’ ’l barra dan id-dubju li hu l-għerq tal-ħażen.  L-Istorja tħawwadna, bħalma qegħdin bħalissa nitħawdu quddiem Alla li jippermetti virus marradi li qaleb id-dinja ta’ taħt fuq.  Mhux biex jikkastiga imma biex jikkonvinċi.  L-Imħabba ma titgħallimhiex fuq bank tal-iskola. Hemmhekk titgħallem saħansitra kif tmur sa fuq il-qamar, imma mhux l-Imħabba.  L-Imħabba temminha fl-Istorja.  Milll-għawġ kollu jeħilsu l-Mulej lill-bniedem li jemmen imqar ftit fiH.

 

L-Imħabba hija s-Sliem, hija l-Ispirtu s-Santu

 

Meta, sa fl-aħħar, qalb il-bniedem tikkonvinċi ruħha li tassew li Alla hu Mħabba u li l-Istorja personali tiegħu hi Mħabba, li kulma jiġri tassew hu rigal, anke jekk sikwit imgeżwer f’karti koroh, allura l-bniedem jidħol fis-Sliem.  Id-dubju jisparixxi.  San Pawl jgħid: Issa li għandna l-ġustifikazzjoni bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu... għax l-Imħabba ssawbet fina permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.  (Rum. 5, 1.5).  Għax l-Imħabba għandha isem u dan hu “l-Ispirtu s-Santu”.

 

L-ilma li jaqta’ l-għatx

 

Kemm hu kbir id-don, ir-rigal, il-miraklu ta’ din l-Imħabba, dan l-Ispirtu li jiġi jgħammar fina!  Dan hu t-Teżor.  Dan hu dak li jimlilna lil qalbna.  Dan hu l-ilma li tassew jaqta’ l-għatx tal-bniedem biex ikun maħbub.  Id-dinja dan ma tifhmux.  Ħafna minna dan ma jifhmuhx.  Inħarsu madwarna u naraw ferneżija ta’ attivitajiet... kollox ġiri wara l-allat tad-dinja li minnhom nittamaw l-Imħabba, il-milja tal-Ħajja.

 

Kemm jiswielu lil Alla l-isforz tiegħu biex jikkonvinċina li Hu jħobbna fuq kollox u għal dejjem!  Iżrael ma setax jemminha din.  Alla wettaq għeġubijiet biex jgħidlu: “Inħobbok!  Arani qed inġorrok fuq ġwenħajja bħall-ajkli; nerfgħek fi ħdani bħalma missier jerfa’ lil ibnu; anke jekk mara tinsa lil bin ġufha, jien lilek ma ninsik qatt!”  U Iżrael kien iħares madwaru u jara li kien jinsab f’art li ma akkwistahiex hu, “bliet kbar u sbieħ li int ma bnejtx; u djar mimlija b’kull ġid li ma ħżintx int; bjar imħaffrin, li ma ħaffirthomx int; dwieli u żebbuġ li ma ħawwilthomx int; qis li ma tinsiex lill-Mulej, li ħarġek mill-Eġittu, minn dar il-jasar.”  (Dewt. 6, 9-12).  “Ħares madwarek u are jekk hux kollox Grazzja!” qal Santu Wistin.

 

Magħna Alla ħadem b’mod aqwa!  Quddiem Iżrael Hu wera l-Glorja tiegħu.  Quddiemna hu wera Glorja akbar:  il-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu l-Waħdieni.  Kristu ġie mogħti għall-Mewt minflokna lkoll biex aħna ma mmutux, u ġie mqajjem mill-Mewt biex jintwera ċar li d-dnubiet tagħna li qatluH mhumiex akbar mill-Imħabba li qajmitu!  Il-Missier iħobbna, lilna li dnubietna qatlulu lill-għaxqa ta’ qalbU!  Din hija s-Sbuħija li ssalva lid-dinja: Alla msallab ma’ salib mill-ħlejjaq tiegħu stess biex Hu jħallas id-dejn ta’ dnubiethom ilkoll u hekk dawk li sallbuh jaraw l-Imħabba u jaqtgħu l-għatx li dejjem kellhom.

 

L-għaliex tar-Randan

 

Ir-Randan jiġi biex aħna nersqu biex nemmnu xi ftit iktar f’dan l-ilma ħaj li hi l-Imħabba ta’ Alla murija fi Kristu Ġesù.  Mhux sempliċement biex nikkontrollaw ruħna minn xi vizzju, jew biex indejqu lil ġisimna b’xi tgħakkis banali. Qabel dan, u iktar importanti minn dan, ir-Randan irid iressaqna lejn il-meravilja tad-don ta’ Alla li hu li jinfetħulna għajnejna biex “naraw” x’hemm moħbi għalina fil-Misteru tal-Għid.  Lis-Samaritana, Ġesù, kollu ħerqan jgħidilha: “Kull min jixrob minn dan l-ilma (tad-dinja) jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.” (Ġw. 4, 13-14). 

 

Dan “l-ilma” huwa l-Imħabba li kull bniedem ifittex. Ħa nawguraw lilna nfusna li niskopruh dan l-ilma f’dan iż-żmien qaddis u prezzjuż.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum

 

Qari I

Agħtina ilma x’nixorbu.

Eż 17, 3-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, il-poplu qabdu l-għatx, u gemgem kontra Mosè u qal: “Għalfejn tellajtna hawn mill-Eġittu biex toqtol lilna, lil uliedna u lill-bhejjem tagħna bil-għatx?”. Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “X’se nagħmel lil dan il-poplu? Ftit ieħor u jħaġġruni”.

 

Il-Mulej qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem il-poplu, u ħu miegħek xi wħud mix-xjuħ ta’ Iżrael. Ħu f’idejk il-ħatar li bih kont drabt ix-xmara tan-Nil, u mur. Arani, jien noqgħod hemm quddiemek, fuq il-blat f’Ħoreb; u int aħbat il-blat u toħroġ minnu l-ilma, u jixrob il-poplu”.

 

U Mosè għamel hekk quddiem ix-xjuħ ta’ Iżrael. U l-post semmewh Massa u Meriba, għax hemm tlewmu wlied Iżrael u ġarrbu lill-Mulej meta qalu: “Il-Mulej fostna jew le?”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

 

R/. (8): Illum jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena lill-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajat ta’ ferħ. R/.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!

“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

 

Qari II

L-Imħabba ssawbet fina permezz tal-Ispirtu mogħti lilna.

Rum 5, 1-2.5-8

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna. Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ara Ġw 4, 42.15

 

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Mulej, inti tassew is-Salvatur tad-dinja:

agħtini l-ilma tal-ħajja, biex ma jaqbadnix l-għatx.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Għajn ta’ ilma li jnixxi sal-ħajja ta’ dejjem.

Ġw 4, 5-42

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha:”Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: “Agħtini nixrob,” kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma”. Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn”. Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi”. Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt: “Ma għandix żewġi”. Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!”. Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”. Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: “Xi trid?” jew: “Għax qiegħed titkellem magħha?”. Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”. U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.

 

Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!”. Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih”. Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?”. Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom”.

 

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: “Qalli kull ma għamilt”, tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

 
< Prev   Next >