Sunday, 05 July 2020
           
Home arrow News arrow Latest arrow IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2020) IR-RANDAN HUWA “MIXJA”, “PROGRESS”
IR-RABA’ HADD TAR-RANDAN (2020) IR-RANDAN HUWA “MIXJA”, “PROGRESS” PDF Print E-mail
Written by Frans Galea   
Friday, 20 March 2020

Din hija il- Liturgija tar-Raba' Hadd  ta'r-Randan (2020)  bi hsibijiet  min Joe Rapa.

 001-gnpi-061-jesus-blind-man.jpg

 

Ir-Randan għandu storja tassew twila fil-Knisja.  Fl-ewwel sekli, meta l-Knisja kienet għaddejja mill-Magħmudija tal-persekuzzjonijiet taħt il-ħakma tal-Imperu Ruman, hi kellha żmien ta’ tħejjija għal dawk li riedu jinagħqdu magħha fil-fidi fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, u jsiru “Insara”.  Din kienet tħejjija li kienet tieħu xi snin, normalment erba’ snin, u kien żmien serju ħafna għax is-Sagrament kbir tal-Magħmudija kien jinagħta mportanza li llum aħna kemm kemm għandna l-ħila nifhmu.

 

Il-meravilja tal-Magħmudija

 

Ħafna minn dawk li kienu jitgħammdu kienu jkun ġa adulti u l-Magħmudija kienet tkun waqt li jiddefinixxi l-Ħajja ta’ dak li jkun, “a moment of no return”, kif jgħidu l-Ingliżi.  Għalhekk it-tħejjija għal dan is-Sagrament kbir kienet tinagħta kura speċjali fil-Knisja u dan iż-żmien ta’ tħejjija kien jissejjaħ Katekumenat.  Dan iż-żmien kien jilħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar erbgħin jum qabel il-Magħmudija li kienet tkun dejjem bl-immersjoni. 

 

Lanqas biss kienu joħolmu li jgħammdu kif ngħammdu t-trabi tagħna aħna, għax is-Sagrament ismu miegħu: sinjal li jidher fl-għajnejn fiżiċi dak li jkun qed isir fil-moħbi fir-ruħ tal-Katekumenu.  Meta dan kien jinża’ ħwejġu biex jinżel fil-ħawt tal-Magħmudija, dan kien ifisser li hu kien qata’ għal kollox mill-bniedem il-qadim tad-dnub li bih kien twieled.

 

San Pawl igħid:  “Intom għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa, u għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u qdusija tassew.”  (2 Ef. 4, 22-24) u x’imkien ieħor igħid: “Tnaddfu mill-ħmira l-qadima ħalli tkunu għaġna ġdida, kif intom bla ħmira.”  (1 Kor. 5, 7).

 

Dan il-bniedem il-qadim jinżel fl-ilma u jegħreq għal kollox fih. Dan mhux ilma normali, tas-soltu.  Huwa l-ilma tal-Magħmudija li fih jgħammar l-Ispirtu s-Santu!  Fih imut il-bniedem il-qadim li għandu ġibda inkontrollabli għall-allat tad-dinja, u joħroġ bniedem “ġdid”, imwieled mill-ġdid, bniedem li, iktar ma jmur, iktar jinbidel fi xbiha ta’ Kristu rebbieħ fuq dak kollu li joqtol lill-bniedem.  San Ċiprijanu li tgħammed fis-sena 246 AD, igħid: “Jien inżilt f’dawk l-ilmijiet li jagħtu l-Ħajja u twelidt mill-ġdid, bniedem ġdid.  Id-dubji kollha li kelli għabu.  Jien stajt nara dak li qabel kien moħbi minni.  Issa stajt nagħmel dak li qabel kien impossibbli għalija.” 

 

Ir-Randan = Tħejjija għall-Magħmudija

 

Fejn jidħol ir-Randan f’dan kollu. Oriġinarjament kien l-aħħar erbgħin jum qabel il-Magħmudija għall-katekumeni li kienu jkunu se jitgħammdu fiċ-ċelebrazzjoni meraviljuża tal-Lejl tal-Għid, l-Omm tal-Liturġiji kollha tal-Knisja.  Il-Magħmudija kienet tinagħta darba fis-sena biss, matul dan il-Lejl.  L-aħħar erbgħin jum, imfassla fuq l-erbgħin sena li Iżrael mexa fid-deżert (Katekumenat prim!), u Ġesù għadda fid-deżert jirbaħ it-tentazzjonijiet tad-dinja, kienu jkunu mimlijin katekeżi tal-aħħar mogħtija mill-Isqof tal-post.  Għandna ħafna minn dawn lil-katekeżijiet tal-Missirijiet tal-Knisja li waslu s’għandna bi Grazzja.

 

Allura, dan kollu jurina li kien hemm proċess lejn il-Magħmudija.  Aħna, li tgħammidna ta’ trabi, il-Knisja tgħammidna għax temmen li dan il-proċess, speċi ta’ Katekumenat, jitwettaq aktar tard matul il-ħajja tat-tarbija, mill-ġenituri, mill-presbiteri tal-Knisja, mill-katekisti, mil-Liturġija nfisha.  Mela, ir-Randan mhux biss żmien Liturġiku mportanti, imma fuq kollox hu Ħajjitna, għax hemm bżonn li nibqgħu miexja dejjem ’il ġewwa fil-Misteru tal-Magħmudija li, jekk nirriflettu sewwa, nindunaw li hija l-Misteru tal-Għid ta’ Kristu ingastat fina.

 

Alla jaħdem bi proċess

 

Alla dejjem jaħdem fina bi proċess.  Il-Bibbja turi l-proċess, bil-mod il-mod, tar-rivelazzjoni ta’ Alla lil Iżrael, wirja li laħqet il-milja fi Kristu, l-Iben ta’ Alla, u fil-Misteru tal-Għid tiegħU.  San Ġwann tas-Salib igħidilna: “Fi Kristu l-Missier uriena dak kollu li seta jurina dwarU nnifsu, u min jitlob għal aktar tagħrif jew wirja aqwa jkun qed jiżbalja bis-sħiħ.”  Jekk jien u int ma nħossux u ma nifhmux li ninsabu fi proċess qaddis ta’ għarfien dejjem akbar tal-Imħabba ta’ Alla, insibuha diffiċli ferm nifhmu ħafna mill-Iskrittura, speċjalment tat-Testment il-Ġdid.  Wara kollox il-Vanġeli inkitbu minn Knisja katekumenali.

 

Il-proċess, mixja, tal-agħma

 

Xbiha meraviljuża ta’ dan il-proċess li Alla jwettaq magħna, waqt li jinqeda wkoll bl-Istorja li ngħaddu minnha (anke mill-esperjenza tal-koronavirus li huwa sejħa urġenti għall-konverżjoni!), huwa l-Vanġelu tal-lum.  Hu Vanġelu twil imma tkun ħasra jekk ma jinqarax kollu hekk kif tagħtulna l-Knisja. 

 

Ġesù jilmaħ raġel agħma minn twelidu.  Hu ċar li dan id-difett fiżiku mhux kastig, imma mezz biex tidher il-Glorja ta’ Alla.  Jiġrulna bosta ħwejjeġ li huma salib, u aħna nistaqsu: “Għaliex dan?  X’għamilt?”  Huwa fis-salib biss li tidher il-Glorja ta’ Alla u meta dan iseħħ aħna nkunu nistgħu insejħu t-tbatija tagħna: “Is-Salib Glorjuż”! 

 

Dan il-bniedem ħaġa waħda seta’ jagħmel: jittallab.  Din hi Kelma ta’ Alla!  Aħna lkoll tallaba!  Ilkoll nittallbu l-Imħabba, l-affett, il-prosit, il-popolarità, is-suċċess, il-fama... fl-aħħar mill-aħħar, “il-Ħajja” vera.  Aħna vojta għax għomja.  Aħna għomja għax għadna m’għarafniex il-profondità meraviljuża ta’ dak li Kristu wettaq għalina fil-Misteru tal-Għid (il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħU).  Aħna nfittxu l-“Ħajja” kullimkien barra minn Kristu.  Kristu qiegħed hemm għax aħna nħossuna obligati “nagħtuH”.  Mur obsor!  U għadna m’għarafniex il-Ħajja li hemm fi Kristu għax il-Magħmudija tagħna għadha lewża midfuna taħt il-ħamrija u ’l bogħod milli ssir siġra kbira li fiha jistkennu l-għasafar tal-ajru.

 

Kristu jaf ikun skomdu!  Kristu mhux dak li naraw fis-santi tal-Ewwel Tqarbina!  Hu jmur fuq l-agħma, jobżoq fl-art (il-bżieq ta’ Kristu = il-Kelma setagħna ta’ Alla, waqt li t-trab tal-art = il-miżerja tal-bniedem), u jċaflas it-tajn ma’ għajnejn l-imsejken.  Dak kien b’idu maħruġa biex jiddobba xi biċċa tal-flus, imma ma’ din l-azzjoni ta’ Kristu mill-ewwel ħaseb li dan kien xi wieħed mill-vandali, mill-“kesħin” li sikwit kienu jgħaddu ħinhom jiddieħku bih.

 

Din hi l-Istorja tagħna.  Ma’ dan il-bniedem inbeda proċess ta’ fejqan.  Hu kien dara tallab.  Anzi kien komdu tallab!  Aħna lkoll komdi kif aħna, sakemm tinqala’ xi waħda li Alla jippermetti u din tkun terremot li taqlagħna mill-aljenazzjoni tagħna.  Kristu jgħidlu biex imur jinħasel fil-menqa tas-Silwam li kienet fil-qrib.  U żgur li jmur.  Is-Silwam hi xbieha tal-menqa, l-vaska tal-Magħmudija!  Jgħaddas rasu fiha u jiġi jara!  X’waħda din!  L-istess esperjenza ta’ San Ċiprijanu u ta’ tant oħrajn f’kull ġenerazzjoni!

 

Dan hu l-għan tal-proċess ta’ Alla f’Ħajti u f’Ħajtek: li niġu “naraw”.  X’ “naraw”?  L-Imħabba ta’ Alla għalija personali u għalik li dehret fil-Wiċċ sofferenti ta’ Kristu fuq is-Salib.  Fil-qari tal-lum San Pawl igħid: “Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej.”  (Ef. 5, 8).  Imberkin aħna jekk l-Istorja li ngħaddu minnha turina li għad fadlilna ħafna x’niskopru fi Kristu... Il-proċess irid ikompli.

 

Il-Liturġija tal-Kelma tal-lum:

 

Qari I

David ikkonsagrat sultan ta’ Iżrael.

1 Sam 16, 1b.6-7.10-13a

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Samwel: “Imla l-qarn biż-żejt u itlaq. Jien se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemita, għaliex minn fost uliedu jien għażilt għalija sultan”.

 

Ġara li malli wasal, Samwel ra lil Elijab u qal: “Hawn quddiem il-Mulej il-midluk tiegħu?”. U l-Mulej qal lil Samwel: “Tħarisx lejn is-sura tiegħu, jew it-tul ta’ persuntu, għax jiena diġa’ warrabtu. Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb”.

 

Ġesse ressaq quddiem Samwel sebgħa minn uliedu; imma Samwel qallu: “Il-Mulej ma ħatar lil ħadd minn dawn”. U ssokta jgħidlu: “Dawn huma t-tfal kollha?” Ġesse wieġbu: “Għad fadal iż-żgħir, qiegħed jirgħa n-nagħaġ”. U Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih u ġibu, għax ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn”. U bagħat għalih u ġiebu. Kien żagħżugħ ruxxan, għajnejh ħelwin, u sabiħ fis-sura tiegħu. U l-Mulej qal lil Samwel: “Qum u idilku, għax dan hu”. Samwel ħa f’idejh il-qarn biż-żejt, u dilku quddiem ħutu. Minn dakinhar ’il quddiem niżel fuq David u ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

 

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. R/.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Qari II

Qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.

Ef 5, 8-14

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità. Fittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej, 11u tisseħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott, imma ikxfuhom fil-beraħ. Għax dak li qegħdin jagħmlu huma fil-moħbi, tistħi mqar jekk issemmih; imma meta wieħed joħroġhom fil-beraħ, id-dawl juri kollox, għax kull ma jidher hu dawl; għalhekk jingħad: “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ara Ġw 8, 12

 

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jiena d-dawl tad-dinja,

jgħid il-Mulej;

min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Mort, inħsilt, u ġejt nara.

Ġw 9, 1-41

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. akemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.

 

Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: “Mur fis-Silwam u nħasel hemm”. Mort, inħsilt, u ġejt nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx”. Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid

lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.

 

Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom.

 

U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?” Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.

 

Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek”. U keċċewh ’il barra.

 

Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?” Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkubbtejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: “Aħna naraw,” mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Last Updated ( Friday, 20 March 2020 )
 
< Prev   Next >