Din
hija il- Liturgija tal-Hames Hadd ta'r-Randan (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Pajjiżna u d-dinja kollha
ninsabu għaddejjin minn żmien diffiċli li ħadd ma jaf kemm se jtul jew kemm se
jolqotna bis-serjetà. Tistagħġeb kif
anke fi żmienna, meta avanzajna tant f’kollox, xorta m’aħniex meħlusa
mill-pesta jew mard li jittieħed li kien jolqot lin-nies ta’ sekli oħra. Konna ħsibna li dawn għadda żmienhom; li issa
l-bniedem, bl-avanz enormi u mbierek li għamel fix-xjenza, it-teknoloġija u
l-mediċina, irnexxielu jeħles minn dawn il-flaġelli. Tistagħġeb iktar u iktar kif daqsxejn ta’
virus, il-“Coronavirus” jew “Covid-19”, ġab lid-dinja għarkupptejja, kisser
l-ekonomija mondjali, ħarbat l-użanzi u l-kulturi kullimkien, u qafel ġewwa lil
kulħadd.
Għebet il-Liturġija; siket il-kant
Irnexxielu wkoll jagħlaq
il-knejjes tad-dinja kollha! Għebet
il-Liturġija. Siket il-kant ta’ tifħir
lil Alla. X’imkien fl-Iskrittura hemm
miktub: “Għabu l-ferħ u l-hena
mill-ġonna, fl-oqsma tad-dwieli m’hemmx aktar għana, u iżjed ma jgħajtux bil-ferħ. Fl-imgħasar ma jagħsarx l-għassar l-inbid;
l-għajta siktet tal-għasir.” (Is. 16, 10). L-inbid għandu x’jaqsam mal-ferħ u
l-festi, imma l-festi tħassru. U dan
għaliex? Għax dell il-Mewt qed jinfirex
u fi ftit ġimgħat toddhom fuq id waħda ġejna wiċċ imb’wiċċ ma’ dak li lilna
l-bnedmin ibeżżagħna tant.
Għaliex dan?
U ħafna jistaqsu: “Għaliex
qed jiġri dan kollu? Dan kastig,
x’inhu?” Ir-Rivelazzjoni turina ċar u
tond li Alla hu Sid l-Istorja u ma jaħrablu xejn minn taħt idejH. Qatt ma jista’ jitlef il-kontroll ta’ dak li
jkun qed jiġri. Għalhekk huwa mportanti
li aħna nistaqsu u ngħarrxu biex niskopru xi jrid jgħidilna biha din l-istraġi
li niżżlet għarkupptejh lill-bniedem modern li mingħalih kellu l-kontroll ta’
kollox hu. Kulma jagħmel Alla, jew
jippermetti li jseħħ, jagħmlu għal-ġid u għas-salvazzjoni tad-dinja. Min għandu l-Fidi, dan ma jiddubitax
minnu. Din l-Istorja hija Kelma ta’ Alla
għalina lkoll... għalija, għalik, għall-parroċċa tagħna, għal pajjiżna,
għad-dinja kollha. Imma l-iktar
importanti hi li din hi Kelma ta’ Alla għalija personali. Għalik.
Ara ma jkollnix tant ipokrizija li nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor
jew lejn is-soċjetà in ġenerali biex ninħbew aħna. Għall-kuntrarju: inkun qed nagħmel pjaċir
kbir lili nnifsi jekk nistaqsi x’irid jgħidli Alla f’dan iż-żmien kritiku. Għax din is-sena l-Mulej qed jagħtina Randan speċjali
u għal xi wħud minna jista’ jkun l-aħħar wieħed.
Anġlu ikrah
Dan l-imbierek ta’
“Coronavirus” hu Anġlu liebes ikrah u b’wiċċu mbiergħen, imma li jaf jgħidilna ħwejjeġ li
jdawluna! Qed jurina kemm aħna vojta,
kemm qed ngħixu ħajja bla sens, kemm qed nagħtu mportanza liċ-ċuċati, kemm qed
naħarqu ħin nilagħbu bil-ġugarelli, anke aħna l-kbar. Kemm qed niġu naqgħu u nqumu minn dak li hu
veru, minn dak li jiswa, minn dak li hu serju, u qed niġru wara l-friefet,
aljenati, ngħajtu, nimpikaw, intellfu lil xulxin. Qed infittxu l-Ħajja u l-Ferħ fejn dawn
jeżistu biss għal ftit mumenti ta’ pjaċir u ninħanqu nitbaqbqu fuq
kwistjonijiet li ma jsolvu xejn mill-problema waħdanija tal-bniedem. Għax aħna lkoll l-istess, u l-istess problema
għandna, u din hi li lkoll għad irridu mmutu.
Champions tal-aljenazzjoni
Sa fejn jasal il-bniedem
biex isolvi dan il-monstru? Billi
jipprova jinsa. Ilkoll sirna “champions”
tal-aljenazzjoni. Il-bniedem tal-lum hu
l-iktar bniedem aljenat li qatt mexa fuq din l-art. U rnexxilu jivvinta ħafna affarijiet li jnessuh. Għax jekk ma jinsiex, jaqta’ qalbu,
jiddispra, jiddipressa ruħu. Kemm
idejquna l-imaġni ta’ dawk il-qaddisin li kienu dejjem iżommu ras ta’ skeletru
maġenbhom. Kien hemm żmien meta jien
kont naħseb li kienu morda b’moħħhom, esaġerati, iffissati. Sakemm xi ħadd qalli li lil dawk in-nies, u
lil ħafna oħrajn ukoll, il-Mewt ma baqgħetx tbeżżagħhom għax kienu solvewha, u
kienu keċċew minn ħajjithom il-biża’ tagħha.
U ftakart fil-kliem ta’ Pawlu: Inbelgħet
il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa
tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieża
tiegħek? (1 Kor. 15, 54-55).
Aljenati mill-Verità... u
l-Verità x’inhi?
Dan l-Anġlu ikrah,
messaġġier skomdu, qed jgħidilna biex inħarsu f’wiċċ il-verità, għax il-verità
teħlisna qalilna l-Mulej. (ara Ġw. 8,
32). “U l-verità x’inhi?” (Ġw. 18,
38), staqsa Pilatu. Il-verità hi li
hemm il-biża’ jgħammar fina, f’kulħadd, anke fl-aqwa bulijiet tad-dinja. Ilkoll l-istess. U jekk hemm biża’ wieħed, hemm Salvatur
wieħed. Alla jħares fuq id-dinja u jara
lill-bnedmin kollha mjassra fid-dnub għax huma mbuttati jkunu egoisti minħabba
li jeżisti ż-żmien, u ż-żmien għaddej, u l-għaġla tiegħu theddidna, u ż-żmien
jeżisti biss fejn hemm il-Mewt.
Fl-eternità m’hemmx żmien. Kristu
jwegħedna li Hu se jeħodna miegħu fejn żmien ma jeżistix għax m’hemmx iktar
Mewt riesqa bil-mod il-mod. Alla
m’għandux żmien għax il-Mewt ma tistax għaliH.
Jekk fit-triq tiegħek
jeżisti “Nisrani” veru, u allura jeżisti “qaddis” għax għall-Iskrittura
l-“Insara” huma kollha qaddisin... dan in-Nisrani ma jibżax mill-Mewt għax fih
jgħammar Kristu, Dak li mar għall-Mewt minn jeddu biex jikxfilha l-Gidba tagħha. Pagani, ateji, “reliġjużi”, aħna lkoll qed
ninġabru kuljum biex nisimgħu l-istatistika li tgħidilna kemm qed jinħakmu minn
din il-marda; hix tersaq jew titbiegħed minna.
Hi kwistjoni medika din,
imma fuq kollox hi kwistjoni ħafna iktar profonda minn hekk. Għax il-bniedem mhux ġisem biss. Fih teżisti ruħ li, jew temmen f’Alla jew ma
temminx. Hawn min jemmen f’Alla imma
sakemm Dan jaqdi lil “ġismu”, isolvilu l-problemi t’hawn, jipposponielu l-Mewt
kemm jista’. Imma għal dan, il-problema
mhix solvuta. Posposta imma mhix
solvuta.
Il-Mewt hi mirbuħa!
Hemm imbagħad nies, (kemm
nixtieq inkun minnhom), li l-Fidi tagħhom issuperat dan kollu. Huma jemmnu ħaġa waħda: li Alla hu
Missierhom. Missierhom iħobbhom
b’imħabba tal-ġenn sal-punt li fi Kristu tela’ fuq salib aħrax u ndifen biex
jimmanifesta, juri ċar li l-Mewt hi mirbħuħa.
Dawn in-nies li jemmnu tant fi Kristu, jafu b’ċertezza li l-Mewt hi
mirbuħa; li l-Mewt hi giddieba meta tgħidilna li għax hi toqtol il-ġisem qatlet
il-bniedem sħiħ, u allura hi għandha l-aħħar Kelma u Alla hu tellief
quddiemha. Huma jafu li l-verità, li
Pilatu m’emminx li teżisti, hi l-kontra.
Il-bniedem m’għandux minn xhiex jibża’ għax hu maħbub minn dak li
ħalqu. Il-bniedem huwa ikbar mill-Mewt
fiżika għax hu maħluq xbieha ta’ Alla, jixbaħ lil Alla li jgħix għal
dejjem. Il-bniedem għandu għax jifraħ,
ikanta, jagħmel festa, jiżfen bħal David quddiem il-Mulej, għax għandu
garanzija, kapparra li kollox, kollox, se jispiċċa tajjeb.
Hu jaf ħaġa waħda: hu
ttentat jiggranfa ma’ din id-dinja, imma Ġesù qal: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda
agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!”
(Ġw. 16, 33). Kull bniedem
għandu triq miftuħa quddiemu, jekk irid jaqbad lilha. U din it-triq tieħdu lejn post fejn hemm “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma
semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal
dawk li jħobbuh.” (1 Kor. 2, 9).
Kristu t-Tama fi żmien
mudlam
Alla poġġa lil Ibnu bħala
sinjal għad-dinja. Is-Salib huwa r-rebħa
għad-dinja. Il-Misteru tal-Għid huwa
ċ-ċavetta. Lażżru tħalla jmut biex tinstema’ l-għajta tidwi f’widnejn
il-bniedem: “Lażżru! Oħroġ!” (Ġw. 11, 43). Kristu tpoġġa
f’ħalq il-Mewt mill-Missier biex Hu jkun il-velenu tagħha. Kuraġġ!
M’aħniex waħidna. Alla magħna.
Il-Liturġija tal-Kelma
tal-lum.
Qari I
Inqiegħed ruħi fikom u terġgħu tieħdu l-ħajja.
Eżek 37, 12-14
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Hekk qal Sidi l-Mulej: “Ara, jiena niftaħ
l-oqbra tagħkom, poplu tiegħi, u nġibkom lura f’art Iżrael. Imbagħad tkunu tafu
li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom,
poplu tiegħi. U jiena nqiegħed ruħi fikom, u terġgħu tieħdu l-ħajja.
Inqegħedkom f’artkom u tkunu tafu li jiena l-Mulej. Hekk għedt, u hekk
nagħmel”. Oraklu tal-Mulej.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.4c-6.7-8
R/. (7): Għand il-Mulej hemm it-tjieba
Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.
Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.
Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha. R/.
Qari II
L-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù
mill-imwiet jgħammar fikom.
Rum 8, 8-11
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, dawk li jgħixu skond il-ġisem ma jistgħux
jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma
tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma
għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk Kristu jgħammar
fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom
minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet
jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja
wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 11, 25a.26
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;
kull min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Jien hu l-qawmien u l-ħajja.
Ġw 11, 1-45
Qari
mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, 1kien hemm wieħed marid, Lażżru
minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket
il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien
ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta
sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’
Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.
Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil
Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal
lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi,
il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer
hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi
binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma
jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad
issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.
Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed,
jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li
kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar
u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli
temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu
d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.
Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat
ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm
minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba
ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija
baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx
imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla
jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li
jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu
l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min
jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej,
jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.
Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija
u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik,
malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx
fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu
d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha,
għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.
Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu
nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù,
kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u
tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”.
U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud
minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll
li dan ma jmutx?”.
Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq
lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”.
Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem
mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’
Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier,
irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan
minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal
hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ,
b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu
l-faxex u ħalluh imur”.
Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw
dak li għamel Ġesù, emmnu fih.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|