Din
hija il- Liturgija ta' Hadd Il-Palm (2020) bi hsibijiet min Joe Rapa.
Din
l-imxija terribli tal-virus li qed iqaċċat il-ħajja ta’ tant nies, ġabitna
quddiem il-mera fejn qed ikollna nħarsu lejna nfusna u niskopru b’ħasda
kemm sirna nies imwerwra mit-tbatija.
Il-koronavirus hija tbatija enormi.
Ħafna nies qed imutu waħedhom. Qrajt
l-istorja ta’ żagħżugħ, l-Amerika, adoloxxent, li miet isejjaħ lil ommu u lil
missieru, abbandunat, imwerwer, imdawwar b’nies ma jafhomx, lebsin ilbies
“tal-ispazju” biex ma jiddakkrux minnu.
Ħadd ma jaf kemm se ndumu, jew fejn hu l-qiegħ. X’differenza mill-ħajja u l-kultura li konna
ssawwarna fiha! Konna sirna ġenerazzjoni
ta’ nies komdi, nivvintaw soluzzjonijiet għall-iċken tbatija. Lit-tfal darrejnihom jippretendu kollox u
malajr.
Ġimgħa
Mqaddsa b’differenza
Ir-Randan
riesaq lejn tmiemu. Randan li fih dħalna
fis-skiet liturġiku. Randan li ra
l-knejjes tagħna jinagħlqu. Randan
tassew speċjali, sajmin mill-Ewkaristija ħajja u t-Tqarbin bil-Ġisem
tal-Mulej. Fuq kollox Randan, li kontra
n-natura tiegħu, fih il-Knisja ma tistax toffri s-Sagrament tal-Konverżjoni,
il-Qrar.
Imma
jista’ jkun Randan ħafna interessanti għax, b’din l-Istorja li l-bnedmin
tad-dinja kollha qed jgħixu, qed ixandar b’leħen għoli, mingħajr priedki,
l-umiltà. L-Umilta! Kemm m’aħna xejn! Kemm aħna ċkejknin quddiem l-Istorja. Il-bniedem, bl-avanzi tiegħu f’oqsam
differenti, beda jħares lejn il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel bħala nies lura,
żminijiet tad-dlam, kultura ta’ nies b’moħħha magħluq. Hekk ippruvat
tikkonvinċina l-kultura dominanti tal-lum.
Jekk dari l-bniedem kien jibża’ jidneb, illum jidħku bih, jgħajruh
antik, tal-medjuevu, jibża’ mill-babaw.
Kbirna fis-suppervja u l-bniedem modern beda jemmen li dak li jmiss
b’idejh u jara b’għajnejh biss jeżisti u li hu sar ‘alla’ ta’ kulma jara
madwaru. L-ispazju qaddis u etern, li hu
’l barra minn dak li kapaċi jifhem moħħu, ma jeżistix.
Issa
nqala’ dan il-virus u kkrolla kollox!
B’dieqa kbira naraw lill-bniedem jinfixel... il-President tal-Amerika,
l-ewwel jgħid li din mhi xejn ħlief influwenza tas-soltu, imbagħad idoqq
l-irtirata u jitħawwad quddiem in-numri terribli ta’ dawk imdakkrin u dawk
mejtin. L-ekonomija, alla falz prim,
qegħda tiġġarraf f’temp ta’ ftit ġimgħat!
Min kien jemminhom dawn l-affarijiet?
Tant aljenazzjonijiet li jġennu l-bniedem bl-attrazzjoni tagħhom,
żarmaw. Agħraf o bniedem ix-xejn
tiegħek!
Il-ġimgħa
tan-Nisrani
Fost
dan l-inkwiet kollu, r-Randan 2020 għadda bħal berqa. Wasalna fil-Ġimgħa Mqaddsa. Il-Ġimgħa tan-Nisrani. Il-Ġimgħa li fiha nerġgħu ngħixu Misteru. Ngħixu ħaġa li qajla naslu biex nifhmuha jekk
mhux meta nemmnu tassew fiha. Din hija
l-Ġimgħa tar-Rebħa tal-bniedem fuq dak kollu li jinkwetah u joqtlu. Hija l-Ġimgħa li tiġbor, kważi fit-totalità
tagħha, il-Fidi Nisranija. F’hiex jemmen
in-Nisrani jekk mhux fil-Misteru tal-Għid tal-Mulej tagħna? U b’ “Għid”
irridu nidraw infissru mhux biss il-Qawmien ta’ Ħadd il-Għid, imma
it-tbatija, il-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien bħala Misteru wieħed, Ġrajja
waħda. In-Nisrani ma jemminx f’teoriji,
jew filosofiji, jew, biex ngħid hekk, “tagħlim”, imma hu jemmen fi Ġrajja
storika li seħħet fi żmien definit, f’ambjent geografiku li lkoll nafuh.
Seħħet
Ġrajja. Bniedem inqabad mill-għedewwa
tiegħu, ġie meħud il-Qorti, ikkundannat għall-mewt u msallab fuq għolja barra
l-belt ta’ Ġerusalemm. Imma dak li
jriegħed l-umanità f’dan kollu huwa l-fatt li dan il-bniedem kien Alla nnifsu,
liebes laħam il-bniedem fil-persuna ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Alla ħalla lilu nnifsu jinqabad mill-bnedmin,
u l-bnedmin qatlu fuq forka tal-biża’ lil Dak li ħalaqhom. X’sens fih dan kollu? Għalfejn din il-moħqrija kollha?
Il-Messija
li jbati. Għaliex?
Kif
ġa għidna, trabbajna f’soċjetà komda li titmeżmeż mis-salib, mit-tbatija. F’isem il-ħarba mit-tbatija qed noqtlu
t-trabi fil-ġuf, u lix-xjuħ ukoll, “biex ma jbatux”. Dari, missirijietna kienu jsumu r-Randan
kollu; illum nagħmlu xi tiċlieqa ’l hawn u ’l hemm. Barra minn Malta, jridu jneħħu l-kurċifissi
minn fejn ikun hemm it-tfal biex, imsieken, ma jarawx moħqrija li
tiskandaliżżahom u tbeżżagħhom. Ninsabu
f’soċjeta li twerwret f’żewġ gwerer kbar u issa daħlet f’qoxritha. Hi soċjeta li għaliha hu diffiċli mmens
tifhem għaliex il-Messija kellu jbati.
Għaliex
kellu jbati daqshekk, il-Mulej Ġesù? Ma setax għallimna kif għandna nġibu
ruħna...? Ma setax għex ħajja itwal u
spiċċa biex għamel suċċess bl-għerf tiegħi?
Għaliex għażel falliment kollu mrar u wġiegħ?
Salvazzjoni
mill-Mewt ta’ dejjem
Ħafna
nies jinsabu ħerġin mill-Knisja propjament għax m’għandhomx tweġiba għal din
il-mistoqsija. Sar diffiċli għal ħafna
li jemmnu li għandhom bżonn Salvazzjoni.
Salvazzjoni minn xhiex? Ħadd ma
jemmen li hu lsir. “Ilsir jien? Ilsir il-bniedem? Ħallina!
Bil-mod il-mod qed nirbħu l-problemi kollha!” L-aħbarijiet li qed nisimgħu bħalissa tefgħet
lill-bniedem fi kriżi; qed jinduna li serraħ moħħu fuq ir-ramel.
Jagħmel
x’jagħmel, il-bniedem, jien u int ma nistgħux naħarbu mill-verità terribli li
l-Mewt ma nistgħux insolvuha, ma nistgħux nirbħulha. Din hi l-problema li twelled il-poblemi
kollha. Min se jidħol idendel il-ġolġol
ma għonq il-bhima li twerwirna u tikkundizzjonana? Min se jneħħi l-biża’ tal-Mewt u jirbħilna
Ħajja għal dejjem? Il-bniedem qata’
qalbu u qal li l-aħjar hu li wieħed ma jaħsibx, jaljena ruħu, jinsa, jintefa’
fil-ġenn ta’ din il-ħajja qasira, jagħmel il-flus, jixtri, jgħix komdu bla
tbatija, ifittex il-pjaċir f’kollox... imbagħad meta jasal il-gwaj il-kbir,
imbagħad... imbagħad naraw!
Kristu
qasam il-Mewt
L-Opra
l-Kbira ta’ Kristu mhix li għamel il-mirakli jew li għallem xi morali iktar
perfetta, imma li l-Missier bagħtu biex jitqabad mal-Mewt u jneżżagħha
mill-Gidba li biha hi twerwer il-bnedmin: li kollox jispiċċa biha, li hi l-aħħar
kelma u warajha m’hemm xejn ħlief baħħ.
Hu ħalla lilu nnifsu jittiekel minnha biex ikun il-velenu li
jeqridha. Dehret għall-ewwel darba
l-Ħajja għal Dejjem fuq wiċċ l-art. Hu
Kristu li rebaħhielna bl-Ubbidjenza tiegħu li hi l-kontra tad-diżubbidjenza ta’
Adam u hekk reġa’ reġġa’ lura l-umanita’ lejn l-oriġini, lejn il-bidu,
il-‘ġenesi’ tagħha.
U
dwar it-tbatija tiegħu, Kristu qal: “Meta
terfgħu ’il fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu.” (Ġw. 8, 28).
Hu kellu jiġi merfgħuH fuq is-Salib bejn sema u art bħala l-offerta
tal-umanità biex jitpatta Dnub id-dinja.
Hu ħa fuqu d-dnubiet tagħna lkoll; u dawk li jinagħtaw il-Grazzja li
jemmnu jidħlu f’esperjenza tal-għaġeb: iħossuhom tassew ħielsa, iġġustifikati,
qaddisin quddiem il-Missier, mhux bil-merti tagħhom imma bil-merti ta’
Kristu! Dan hu l-ferħ tan-Nisrani u
għalhekk Kristu qal li meta jitgħolla fuq is-Salib fl-eqqel tal-Għotja tiegħu,
kellu jiġbed lejh il-bniedem għax qatt ma dehret Imħabba bħal din li l-vittma
ħallset il-prezz tal-ħelsien ta’ min ġagħlha tbati.
Il-Liturġija
tal-Kelma tal-lum:
Qari I
Ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir.
Is 50, 4-7
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem,
biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma.
Ta’ kull filgħodu jqajjimli lil widinti,
biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.
Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kien jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sidi l-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadx;
għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 21 (22), 8-9.17-18a.19-20.23-24
R/. (2a): Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex
tlaqtni?
Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, għax bih jitgħaxxaq!”. R/.
Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
nista’ ngħodd għadmi kollu. R/.
Ħwejġi qasmu bejniethom,
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni! R/.
Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb!
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael! R/.
Qari II
Kristu ċekken lilu nnifsu; għalhekk Alla
għollieh.
Fil 2, 6-11
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin
Ġesù Kristu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,
ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,
iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’
lsir,
sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra
bħala bniedem;
ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt,
anzi sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem,
biex fl-isem ta’ Ġesù
– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –
il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,
u kull ilsien jistqarr:
“Ġesù Kristu hu l-Mulej”,
għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2, 8-9
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Minħabba fina Kristu obda sal-mewt, anzi
sal-mewt tas-salib.
Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet,
u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Mt 26, 14 - 27, 66
Il-Passjoni
ta’ Sidna Ġesù Kristu skond San Mattew
I
K F’dak iż-żmien, wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand
il-qassisin il-kbar u qalilhom:
S “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?”
K U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. Minn dak il-ħin
beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.
Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn
Ġesù u qalulu:
S “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”
K U hu qalilhom:
Ġ “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu: “Qallek l-Imgħallem:
Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli
tiegħi”.”
K Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta’ l-Għid.
Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u waqt l-ikel
qal:
Ġ “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini”.
K Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih:
S “Jaqaw jien, Mulej?”
K U Ġesù weġibhom:
Ġ “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li
se jittradini. Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak
il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa!
Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”.
K Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu:
S “Jaqaw jien, Rabbi?”
K Wieġbu Ġesù:
Ġ “Int qiegħed tgħidu”.
K Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu
lid-dixxipli u qal:
Ġ “Ħudu, kulu, dan hu ġismi”.
K Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u
qal:
Ġ “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li
jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob
iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom
fis-Saltna ta’ Missieri”.
K Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imbagħad Ġesù
qalilhom:
Ġ “Ilkoll kemm intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl; għax
hemm miktub: “Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu”. Imma wara li
nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom”.
K Qabeż Pietru u qallu:
S “Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt”.
K Qallu Ġesù:
Ġ “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int
tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”.
K Qallu Pietru:
S “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”.
K U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.
Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal
f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:
Ġ “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob”.
K U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed
qalbu u jiddejjaq.
Imbagħad qalilhom:
Ġ “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt, ibqgħu hawn u ishru miegħi”.
K Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid:
Ġ “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux
kif irrid jien, iżda kif trid int”.
K Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru:
Ġ “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? Ishru u itolbu biex
ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef”.
K Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal:
Ġ “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma
nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek”.
K Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal
bin-ngħas. Ħalliehom, u raġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess
kliem. Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom:
Ġ “Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem
se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se
jittradini huwa fil-qrib!”.
K Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa
kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar
u x-xjuħ tal-poplu. Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:
S “Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh”.
K U minnufih resaq fuq Ġesù; u qallu:
S “Is-sliem għalik, Rabbi!”.
K U biesu. U Ġesù qallu:
Ġ “Ħabib, għalhekk ġejt int!”.
K Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. Wieħed minn
dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis
il-kbir u qatagħlu widintu.
Imbagħad Ġesù qallu:
Ġ “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf,
bis-sejf jinqered. Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa
stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura
li tgħid li hekk għandu jsir?”
K Fl-istess waqt Ġesù qal:
Ġ “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u bil-bsaten biex
taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, u ma
żammejtunix. Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba tal-profeti”.
K Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu. Dawk li qabdu lil Ġesù
ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u
x-xjuħ. Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis
il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se
tintemm il-biċċa.
Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew
ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, iżda għalkemm
resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn u qalu:
S “Dan qal: “Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi
tlitt ijiem”.”
K Il-qassis il-kbir qam u qallu:
S “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”
K Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu:
S “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin
Alla”.
K Qallu Ġesù:
Ġ “Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: minn issa ’l quddiem
għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’
kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema”.
K Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal:
S “Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha
issa d-dagħwa! X’jidhrilkom?”
K Huma weġbuh u qalu:
S “Ħaqqu l-mewt”.
K Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta
u qalulu:
S “Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!”.
K Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz. U
resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:
S “Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija!”.
K Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:
S “Anqas naf xi trid tgħid”.
K Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil
dawk li kienu hemm:
S “Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret”.
K U raġa’ ċaħad u ħalef:
S “Jien ma nafux lil dan il-bniedem!”.
K Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu:
S “Tassew, inti wkoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’
kliemek tikxfek”.
K Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:
S “Le, ma nafux lil dan il-bniedem!”.
K U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù
meta qallu: “Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet”. U
ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.
L-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ
tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt.
Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu, il-gvernatur. Imbagħad
Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin
biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom
lura; u qalilhom:
S “Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!”.
K Iżda huma qalulu:
S “Aħna din x’inhi affari tagħna? Dak arah int!”.
K Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.
Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn
hemm u qalu:
S “Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma’ l-offerti, għax huma prezz
tad-demm”.
K Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw “l-Għalqa ta’ Ħaddiem
il-Fuħħar,” biex fiha jidfnu l-barranin. Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet
“l-Għalqa tad-Demm”, u hekk għadha magħrufa sa llum. Imbagħad seħħ dak li kien
ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: “U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda,
il-prezz ta’ dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael, u tawhom
għall-għalqa ta’ ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej”.
II
K Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur, u dan staqsieh:
S “Int is-sultan tal-Lhud?”
K U Ġesù wieġbu:
Ġ “Int qiegħed tgħidu”.
K Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb
xejn. Għalhekk Pilatu qallu:
S “M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?”
K Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur
baqa’ mistagħġeb ħafna.
Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq
wieħed ħabsi, lil min iridu huma. Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf,
jismu Barabba. Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom:
S “Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu
l-Messija?”
K Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù
f’idejh. Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet
tgħidlu:
S “Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum
minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm”.
K Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil
Barabba u jeqirdu lil Ġesù. Il-gvernatur, mela, raġa’ staqsiehom:
S “Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?”
K Weġbuh ilkoll:
S “Lil Barabba”.
K Qalilhom Pilatu:
S “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?”
K Weġbuh ilkoll:
S “Sallbu!”.
K Hu staqsiehom:
S “Imma x’għamel ħażin?”
K Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu:
S “Sallbu!”.
K Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx
kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u
qal:
S “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh intom!”.
K U l-poplu kollu qabeż u qal:
S “Demmu fuqna u fuq uliedna!”.
K Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat,
tahulhom biex isallbuh.
Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù
fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu
mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu
l-leminija, inxteħtu għarkubbtejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u
jgħidulu:
S “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”.
K Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq
rasu. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu
ħwejġu.
U ħaduh magħhom biex isallbuh. Huma u sejrin
sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. Meta waslu
f’post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid
b’taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu. Imbagħad sallbuh, u qassmu
ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu
hemm
għassa tiegħu. U qegħdulu fuq rasu l-kawża
tal-kundanna tiegħu li kienet tgħid hekk: “Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud”.
Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq
il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh,
iċaqilqu rashom u jgħidu:
S “Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa’ tibnih, salva
lilekinnifsek jekk int l-Iben ta’ Alla, u inżel minn fuq is-salib!”.
K Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u
x-xjuħ u jgħidu:
S “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta’
Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! Hu jafda f’Alla; ħa
jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal: “Jiena Bin
Alla!”.
K U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin
miegħu.
Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira
fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat
b’leħen qawwi u qal:
Ġ “Elì, Elì, lemà sabaqtàni?”
K Jiġifieri: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”
Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh,
qalu:
S “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”.
K U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija
bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu:
S “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!”.
K Imma Ġesù raġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.
Kulħadd jinżel għarkubbtejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.
U ara l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn
minn fuq s’isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin
li kienu mietu, li ħarġu mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt
imqaddsa u dehru lil bosta nies.
Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’
Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ li ma bħalu u
qalu:
S “Dan kien tassew Bin Alla!”.
III
K Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li
kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: fosthom
kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew.
Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu
wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù.
Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif,
qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira
fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu
hemm bilqiegħda biswit il-qabar. L-għada, jiġifieri meta għadda Jum
it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u qalulu:
S “Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu
ħaj, qal: “Wara tlitt ijiem inqum”. Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb
sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli
tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu: “Qam
mill-imwiet”. U hekk il-qerq tal-aħħar ikun agħar minn tal-ewwel!”.
K Qalilhom Pilatu:
S “Għandkom l-għassa. Morru ħarsuh tajjeb kif tafu”.
K U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares
sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
|